Saħħa Mario!
Tislima skjetta m'għand dak il-midgħi ta' l-Imżebbel
Mario,
Minkejja l-kalunji, il-gażjiet, ir-rapporti, it-tnassis, it-tixwix, il-paroli u t-tlablib fil-vojt, it-tgergir għal xejn b'xejn, l-uġiegħ ta' ras jaqsam li kont tqabbadni, it-tmaqdir, il-malafami, il-gideb u l-qlajjiet infami, il-bsaten fir-roti u l-azzjonijiet u l-vendikazzjonijiet kollha l-oħra li għamiltli;
u 'żda wkoll;
f'ġieħ il-paċenzja ta' l-għaġeb li ġieli ħadt bija, il-pjaċiri varji li għamiltli, l-għexieren ta' sigaretti li tajtni, il-kafè u z-zokkor kollu li bramtlek, il-ħafna twissijiet u charges li ffrankajtli, dawk il-ġranet tax-xogħol kollha li bdiltli, dak ix-xogħol żejjed u ż-żbub kollha li blajt kaġun tiegħi u l-bosta ħasliet li dabbart intortament minħabba wiċċi;
Insellimlek ta' l-aħħar ħabib.
Jiddispjaċini li ħajtek intemmet proprju hawn. Daqstant ieħor sogħbien li ma stajtx inkun preżenti għall-funeral tiegħek. Bagħttlek messaġġ ma' seħibna Peter, bit-tama li jaqrah qabel ikun tefa' l-mowbajl biex jidħol il-knisja. Iżda sfortunatament, meta wasallu Peter kien diġà laħaq daħal isib postu fejn l-eks-kollegi sħabna l-oħrajn. Il-messaġġ tiegħi kien jgħidlek hekk:
"Sellili għalih u għidlu li l-Imżebbel qallek: "Kun af li jiena qatt ma kont nogħbodok. Il-problema ma kontx int imma n-natura tax-xogħol u s-sistema fiha nfisha li qatt ma stajt inġerraħhom jew nissottometti ruħi għalihom."

Nistaqsi jekk qattx kont temmnu dad-diskors, imma Peter kien irrispondieni li "there's really life after death. I am sure Mario knows your feelings. Rest your mind... my friend." Jien ma nafx int tabilħaqq tafx dan kollu, daqs kemm ma nafx, wara kollox, jekk hemmx tassew il-ħajja wara l-mewt. Jien jidhirli li għandi raġun naħseb li le, m'hemmx, u għaldaqstant naħseb li dwar dan kollu int la taf u lanqas qatt tista' tkun taf xejn.
Imma kif taf tajjeb int, meta nargumenta, anke jekk biss għall-ġurament, x'imkien jien dejjem inħobb inħalli tieqa żgħira kemm kemm noħroġ f'każ li mmur żmerċ. U suppost taf sew int, għax fuq ix-xogħol mhux darba jew tnejn għamiltlek xi waħda bħal din lilek. Għaldaqstant, illum, għalli jista' jkun għad għandek il-kuxjenza jew is-sensi attivi, qiegħed niddedika din il-bloggata proprju lilek.
Mario, din hija tislima mingħandi; mingħand "dak il-midgħi ta' l-Imżebbel", m'għand dak "l-artab" li "x-xogħol jorqod fuqu u ma jtellgħux." Mingħand dak li "jħobb id-diski u l-films ta' barra minn hawn", u li "minflok jaħdem issibu jaqra ħafna kotba tqal biex jilgħabha tal-bravu." Mingħand dak "is-sakranazz li l-Ġimgħa jew is-Sibt issibu ħara mejjet ilegleg il-bandli ma' dawk il-qħab kollha lbies iswed u żebgħa qishom sħaħar." Mingħand dak "in-nittien li ħsiebu dejjem biex jitrakka ma' xi karkura li tiġi ommu fil-wisa'." Mingħand dak "l-iskansafaċendi defiċenti", li "t-Tnejn filgħodu jew ma jiġix għax taparsi marid jew jiġi jnitten kullimkien b'dik ir-riħa ta' paċċu u nbid San Paolo.".
Din hija tislija ta' l-aħħar m'għand dak li "l-ħin kollu jehwden jew jidħak waħdu bħallikieku jkun qiegħed jara l-anġli." Mingħand dak "in-nofs ras u ċċassat bil-beraq" li "qisu dejjem idraggjat", għax aktarx "jittaqqab u anke jiblagħhom". Mingħand dak "il-pixxikalda ħaxxej li minn fuq iridha ta' xi Che Guevara". Mingħand dak "il-wiċċ Laskri li filgħodu trid tħallsu biex forsi jitħajjar jgħidlek bonġu.". M'għand dak "il-pezzakustjoni li ma tistax tkellmu għax malajr jarma jiżbel u erħilu jħaqqaq". Mingħand dak "hemm, dak l-indannat li min jaf kemm jagħli għax jisbaħ." Mingħand dak "id-disklu t'għajnejh dejjem ħomor nar u jżebbġu mberrqin donnu minn dawk tas-setta."

U ukoll, mingħand dak, għaliex le, li kif darba ma nqastx tgħidilhom int, "li 'mma għall-inqas mhux bħalkom, le, għax la jħobb u lanqas jaf jigdeb..."
(Propjament din id-diska hija ta' Bob Dylan, imma jien nippreferi l-verżjoni ta' Nick Cave li tagħlaq l-album Murder Ballads. Kliemha żgur m'humiex l-innu tiegħi, imma għal xi raġuni li ma naf x'inhi, f'dawn l-aħħar ġranet din id-diska l-veru daħlet f'moħħi. Ma nafx ngħid għalfejn, imma nippreferi naħseb li minħabba li m'ilux rajt lil Nick Cave f'Edinburgh. Dak in-nhar inzerta kien proprju lejliet nhar il-mewt ta' l-eks-kollega tiegħi Mario.)
Ħatab: 2
Prosit man. Tislima bil-bajd.
kien isejjaħlek dawk l-affarijiet kollha?
Post a Comment
<< Lura