Monday, October 10, 2005

Il-veru wiċċ ta' l-Alleanza Nazzjonali Republikana (1)


"Won’t you help to sing
These songs of freedom?
’Cause all I ever have:
Redemption songs;
Redemption songs."
- Redemption Song - Bob Marley


Ħbieb,

Din il-preżentazzjoni elettronika tikxef il-veru wiċċ ta' waħda mill-għaqdiet ewlenin li trid terġa' tniġġeż il-kuxjenza nazzjonali tagħna b'ideoloġiji ta' intolleranza u għadab. Il-mexxejja tagħha qegħdin jisfruttaw it-traġedja soċjali ta' l-immigranti illegali u l-aljenazzjoni tal-poplu konfuż tagħna biex iħawwdu l-imħuħ u jġellduna bejnietna l-Maltin, u agħar minn hekk, bejnietna l-bnedmin.

Lill-poplu tagħna, li illum huwa frustrat u qalbu maqtugħa minħabba l-futur li rrovinawlu l-partiti politiċi, qegħdin jipprovaw ibellgħulu li l-problemi ekonomiċi u soċjali tagħna huma kaġun ta' l-immigrazzjoni illegali. Ħafna Maltin diġà qegħdin jitqarrqu, aktarx għax la jafu l-istorja u wisq anqas rawwmu twemminhom fil-ħsieb kritiku u liberu. Biżżejjed nżommu f'moħħna x-xeni tal-waħx li rajna fil-Belt Valletta l-ġimgħa li għaddiet, meta rajna dimostrazzjoni tal-mistħija li tiċħad b'rieda viljakka l-iżjed drittijiet fundamentali tal-bniedem u tinnega jew tinjora l-fatturi storiċi, politiċi u ekonomiċi li welldu l-fenomenu ta' l-immigrazzjoni klandestina mill-Kontinent Afrikan lejn l-Ewropa.

Bħallikieku dan ma kienx biżżejjed, l-istituzzjonijiet ta' l-istabblixment tagħna qegħdin ukoll jirkbu dan il-karru moqżież, aktarx għax qatgħu qalbhom li jiġbdu l-appoġġ tal-poplu li illum huwa mxebba' minnhom sal-ponta ta' mnieħru. Il-Gvern m'hu qiegħed juri l-ebda inizjattiva konkreta biex jittratta l-problema, għax jippreferi jara lill-poplu jiżvoga d-dwejjaq tiegħu fuq l-immigranti milli fuq il-Ministri inkompetenti tiegħu. Minflok ġibdet l-attenzjoni tagħna għal dan in-nuqqas, l-Oppożizzjoni suppost Soċjalista għażlet li tisfrutta il-frustrazzjoni tal-poplu, kemm iġġustifikata u kemm le, biex tidher sabiħa u forsi fl-aħħar ssib ruħha fil-gvern. Biex tgħaqad, il-mexxejja ta' l-ikbar unjin fil-pajjiż (GWU) qalulna ċar u tond li s-soluzzjonijiet tagħna għal din il-pjaga ma jridux ikunu bilfors "ġusti u umani."

Għaldaqstant, l-individwi "ġusti u umani" f'pajjiżna ma fadallhomx istituzzjoni li tirrappreżenta l-ispirtu u l-moħħ uman tagħhom. Il-politika soċjali f'pajjiżna illum nixfet mill-partiti l-kbar u mis-s/qħab leali lejhom, u niżlet fit-toroq u tferrxet fuq il-mezzi ta' l-informatika, partikularment fil-Bloggosfera Maltija li jien nagħmel parti minnha.

Minn hawn inħeġġek tmexxi l-preżentazzjoni elettronika li tinsab fil-blogg ta' Mark Vella. Minkejja li għandi xi riżervi dwar xi rqaqat, nemmen li tagħti tagħrif biżżejjed dwar l-għelt li jistgħu jxerrdu fostna movimenti b'twemmin simili. Lest inpoġġi l-individwalità intellettwali tiegħi fil-ġenb għal ftit biex inwassal messaġġ għal ħafna. Il-poplu jixraqlu jsir jaf il-kawżi, il-fatti u l-effetti. Il-poplu jixraqlu jgħix f'soċjetà razzjonali b'rispett sħiħ lejn id-dinjità u d-drittijiet tal-Bniedem. U fuq kollox, il-poplu tagħna jeħtieġ mexxejja integri li jiżirgħu f'moħħu s-solidarjetà mal-batut fil-waqt li jiżbrulgħu minn qiegħ qalbu l-injoranza u l-mibgħeda.

Iddefendi lid-dinjità tal-Bniedem. Iddefendi lid-dinjità tiegħek stess. Qum u għid LE għall-indiferenza, l-intolleranza u r-razziżmu. Għid IVA għas-solidarjetà u t-tolleranza. Għid IVA għall-Bniedem.

Mużika: Redemption Song - Bob Marley

(B'dedika lill-immigranti illegali kollha madwar id-dinja u lil dawk kollha li b'xi mod jew ieħor iħabblu moħħhom u/jew imiddu jdejhom biex l-eżistenza umana f'din id-dinja tkun inqas ostili milli hi.)



Ħatab: 1

Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Proset hafna, Kevin.

2:31 am  

Post a Comment

<< Lura