Tant snin ilu (3)
Highway 61 Revisited - Bob Dylan
Is-Sur Zimmerman fl-aqwa tiegħu
Xi ħadd ieħor żmien ilu kien qal ukoll li "min iħobb ir-ras u min iħobb is-sieq, u għalhekk il-baqra tinbiegħ kollha." Iżda dan ma jfissirx li wieħed m‘għandux joqgħod b'seba' għajnejn x'jixtri. U biex tkun xerrej bil-għaqal, trid qabel xejn tkun taf x'qiegħed tixtri. U huwa proprju hawn li ħafna mis-segwaċi ta' Dylan jintgħazlu
Bil-mużika u l-lirika tiegħu Dylan spiss għaraf jiskorri t-truf ta' dak li hu komuni mingħajr ma jaqa' fil-medjokri, anzi kapaċi jolza 'l fuq kull ma huwa nofsi. Dylan hu dak li jagħllmek li m'għandekx bżonn vuċi tajba biex tkun kantant tajjeb, li m'għandekx għalfejn tagħmel sens biex tagħmel wisq sens u li strument m'għandekx għalfejn tkun taf idoqqu wisq biex iddoqqu tajjeb.
Fi kliem iżjed prattiku, Dylan jurik li s-sigriet ma jinsabx f'kemm taf, iżda f'x'tagħmel b'dak li taf. Snin qabel sploda l-Punk b’reazzjoni estetika għal ġeneri ta’ mużika li jirrikjedu ħiliet tekniċi superlattivi, Dylan kien diġà qiegħed jgħidilna li kulħadd jista' jitla' fuq il-palk u jdoqq il-kitarra. Tista' tkun taf ħafna u tagħmel ftit, u tista' tkun taf inqas u tagħmel wisq iżjed. Ta' l-aħħar hu Bob Dylan. Tħobbux jew le hi affarik, iżda daqstant ieħor hu telf għalik jekk tinzerta tkun ma' dawn ta' l-aħħar. Jien ngħodd ruħi ma' ta' l-ewwel, u għaldaqstant għandi raġuni valida oħra għal xiex ngħix.
Madanakollu, m'iniex qiegħed ngħid li jien xi fanatiku fuq Bob Dylan. Bħal ma tajt l-impressjoni s'issa, Dylan huwa artist li miegħu diffiċli ħafna ssib it-triq tan-nofs. Tħobbu jew tobgħodu; jew miegħu jew kontra tiegħu. Iżda f'ċertu sens jiena nieħu t-triq tan-nofs. Daqs kemm ma niddejjaq xejn ngħid li nqisu wieħed mill-aqwa artisti mużikali ta' kull żmien, ma nikkoppax lanqas ngħid ipproduċa wkoll bosta albums medjokri neqsin minn ideat friski u kreattivi. Fost dawn nista' nsemmi Planet Waves (1974), Saved (1980), Shot of Love (1981), Infidels (1983), Down in the Groove (1988), Oh Mercy (1989) u Under the Red Sky (1990).
F'sens kwalitattiv, għal Dylan is-snin tmenin ftit li xejn kienu feliċi. Dan jista' jingħad ukoll għall-maġġoranza assoluta ta' l-artisti u baned mużikali tas-snin sittin u sebgħin, iżda b'differenza waħda: Dylan ma majnax għax għażel jaqa' kummerċjali iżda għax għadda minn perijodi li fihom ma kienx daqstant imnebbaħ. Iżjed minn hekk, fis-snin disgħin Dylan donnu rnexxielu jerġa' jsib xi ftit tal-forma. Mhux l-istess jista' jingħad għal ħafna kantawturi u baned veterani oħrajn li baqgħu jkaxkru saqajhom sas-snin disgħin.
L-album li qiegħed nittratta dan ix-xahar, Highway 61 Revisited, iservi ta' eżempju tajjeb ħafna għall-bosta merti ta' Bob Dylan li tkellimt dwarhom ftit qabel. F'dan l-album Dylan kompla fejn ħalla fl-album preċedenti Bring It All Back Home, li kien ħarġu fl-istess sena sitt xhur qabel. Iżda f'Highway 61 Revisited kompla jagħġen u jiżviluppa iżjed l-attitudni avventuruża li kien qabad, u f'temp ta' tliet ijiem biss qata' wieħed mill-aqwa xogħlijiet li qatt instemgħu.
Jakkumpanjawh kellu mużiċisti intelliġenti biżżejjed biex jifhmu perfettament x'ried eżatt minnhom: fost oħrajn Al Kooper, Charlie McCoy u Mike Bloomfield. Il-kontribut tagħhom f'dan l-album jinħass sewwa, speċjalment f'mumenti definittivi bħall-ewwel noti ta' l-orgni ta' Like A Rolling Stone u dawk fl-isfond waqt l-ixxellerata From A Buick 6. Hi tassew ħasra li l-preżenza tagħhom intfiet wara l-istatura massiċċa ta' Bob Dylan. Nemmen li din il-formazzjoni kien ħaqqha ferm iżjed kredtu. Iżda wara kollox, it-Torri Eiffel ma ssemmiex għal dawk li bnewh, iżda għall-inġinier Gustave Eifell. L-istess jista' jingħad għall-piramidi fl-Eġittu, u daqstant ieħor għall-Istrada 61.
Minkejja li Highway 61 Revisited huwa avvanz ulterjuri fuq il-ħoss ta' l-album ta’ qablu, xorta waħda jibqa' xogħol ta' artist saqajh sodi ma' l-art. Hu xogħol fejn il-klassi titħallat mal-vulgari, l-assurd u l-ironiku b‘ħila lingwistika u poetika rari. Hu fatt magħruf li jagħmel x'jagħmel Dylan dejjem jibqa' artist tan-nies komuni, l-iżjed ta' dawk l-individwi li jsarrfu ferm iżjed milli jidhru. Minkejja l-addittivi mużikali ġodda, l-iżjed f'dak li għandu x'jaqsam mal-produzzjoni u l-użu ta' l-istrumenti u l-melodiji li jsawwru, Highway 61 Revisited huwa xogħol nej daqs kemm mirqum, sottili daqs kemm aħrax, ġenwin daqs kemm makkak, u kkumplikat daqs kemm sempliċi. Bħas-soltu, il-lirika ta' Dylan tgħid bil-wisq iżjed mill-kliem stess li jifformaw il-vrus tagħha, anke f'waqtiet fejn ħafna forsi jaħsbu li qegħdin jisimgħu lil xi ħadd m'għandux x'jagħmel jipprova jkanta xi ħaġa moħġaġa.
L-album jiftaħ b'waħda mill-akbar singles li qatt ħarġu għall-bejgħ, il-ġojja mużikali Like A Rolling Stone. Lirikament hi schadenfreude mill-iżjed spettakolari, fil-waqt mużikalment isservi ta' sommarju perfett ta' l-atmosfera ġenerali li tagħmel lil dan ix-xogħol daqstant uniku. Iż-żeblieħ ironiku fi vrusha fil-konfront ta’ Miss Lonely, li xi minn daqqiet saħansitra jqarreb sew lejn il-vendikattiv, hu kummentarju sarkastiku mill-iżjed punġenti: “Once upon a time you dressed so fine, you threw the bums a dime in your prime, didn't you? People'd call, say, 'Beware doll, you're bound to fall', you thought they were all kiddin' you. You used to laugh about, everybody that was hangin' out, now you don't talk so loud, now you don't seem so proud, about having to be scrounging for your next meal.”
Dwar din is-single r-rivista awtorevoli Rolling Stone m'ilux kienet ikkummentat li "l-ebda diska pop oħra ma sfidat u trasformat b'mod daqstant eżawrjenti l-liġijiet kummerċjali u l-konvenzjonijiet artistiċi ta' żmienha, u għal kull żmien". Bħalli kieku dan mhux biżżejjed, fi stħarriġ reċenti saħansitra waslet biex tiddikjaraha l-aqwa diska li qatt inkitbet. Madanakollu f'intervista dwar dan ir-riżultat Dylan qal li dan ftit li xejn jagħmillu differenza, għax skond hu, dawn il-klassifiki huma kollha ħmerijiet. Fi kliem ieħor, minn dan l-unur ġie jaqa' u jqum. Daqstant hu kbir dan Dylan.
Iżda minkejja l-grandjożità tagħha, is-silta Like A Rolling Stone ma ttaffi xejn mill-qawwa tas-siltiet sussegwenti li nsibu f'dan l-album hekk konsistenti. Kważi lanqas tilħaq tispiċċa l-ewwel silta li Dylan ma jaggredixxix lis-semmiegħa b'waħda mill-iżjed diski mgħaġġlin li qatt irrekordja, is-silta Tombstone Blues. L-arranġamenti stil Garage tagħha huma kompatti ferm, tant li jsaħħu b'mod sħiħ il-formula elettrika li kien beda jaqbad f'dak l-istadju tal-karriera tiegħu. Iżda minkejja li f'Highway 61 Revisited nisimgħu lil Dylan ikompli jesperimenta b'forom ta' mużika ġodda, daqstant ieħor nisimgħuh jippreserva dawk l-elementi mużikali li kienu saru tant sinonimi miegħu, fosthom in-namra tiegħu mal-Folk Rock.
Il-lirika ta’ Tombstone Blues hi tipika ferm ta' dik li nsibu f'dan l-album. Bħas-soltu fiha Dylan jintasab jniggeż b'mod sarkastiku, u xi kultant ukoll arroganti, kif x'aktarx ħadd ma wasal jagħmel aħjar: “Now I wish I could write you a melody so plain, that could hold you dear lady from going insane, that could ease you and cool you and cease the pain, of your useless and pointless knowledge.” Meta nisma' xi ħaġa bħal din ma nafx jagħtinix id-daħk jew il-biki.
Eżatt wara mbagħad idewwaqna ftit blues mitluq kif jaf hu permezz ta' It Takes A Lot To Laugh, It Takes A Train To Cry, u iżjed tard jerġa' jagħmel l-istess iżda b‘ħafna iżjed sengħa fil-famuża Ballad of A Thin Man. M'hemmx xi ngħidu, Dylan kien jaf il-formula blues fuq ponot subgħajh, u f’Highway 61 Revisited ma jonqosx li jwassalhielna b’kunfidenza sfiqa.
Din ta' l-aħħar hi aktarx l-iżjed silta rappreżentattiva tal-ġenju liriku ta' Dylan. B'sekwenza ta' kliem impoġġi f'ordni li forsi bil-kemm tinftiehem, fiha Dylan niseġ bizzilla kritika soċjali skjetta u bla rispetti. Ħafna minn dawk li m'għandhomx grazzja ma' Dylan spiss issibhom b'difrejhom imqabbdin proprju ma' din is-silta. U huwa dan li ridt infisser qabel meta għedt li lil Dylan ħafna kritiċi ma jifhmuhx. Nimmaġina li għal dawn it-talin vers bħal "you're a cow! Gimme some milk or else go home!" m'huwa xejn ħlief tgerwil irħis ma jinftiehimx saħta.
L-iżball ta' dawn il-kritiċi hu li jaqraw il-versi ta' Dylan mingħajr ma jfittxu l-konnessjoni bejniethom, u għaldaqstant l-istampa sħiħa ma jarawha qatt. L-imsejken Mr. Jones, li f'din is-silta tant idabbar tumakki mingħand Dylan, m'hu ħadd għajr xi ras kbira li tokkupa pożizzjoni awtorevoli fil-klassi borgiza. Hu xi ħadd li mingħalih jaf ħafna iżda fil-fatt jaf ftit li xejn; xi ħadd li jaħseb li kulħadd jirrispettah għax joqgħod għall-ordnijiet tiegħu, meta fil-fatt dan jagħmluh għax ma jkollhomx għażla oħra. Hu xi ħadd li jaħseb li f'ħajtu rnexxa bil-kbir, mentri fil-fatt l-uniku suċċess li jkun kiseb tkun l-istmellija li jqajjem fost dawk li jaqgħu taħt il-madmad tiegħu.
Iżda Mr. Jones hu tassew miskin. Il-poter tant jaljenah u jiżolah mis-sewwa magħruf li jibqa' ma jintebaħx kemm tassew iġib ħasra: "You've been with the professors, and they all liked your looks, with great lawyers you have discussed lepers and crooks, you've read all of F. Scott Fitzgerald's books, you're very well read, it's well known, but something is happening here, and you don't know what it is, do you, Mister Jones?“
Il-lirika ta' Desolation Row hi tant brillanti li onestament lanqas naf x'nislet minnha biex inġibilkom l-aħjar eżempju. Iżda l-istrofa aħħarija żgur jixraqilha ċitazzjoni fit-tul: "Yes, I received your letter yesterday, about the time the door knob broke, when you asked how I was doing, was that some kind of joke? All these people that you mention, yes, I know them, they're quite lame, I had to rearrange their faces, and give them all another name. Right now I can’t read too good, don't send me no more letters no, not unless you mail them, from Desolation Row."
Inkwantu dawk li tgħidilhom x'tgħidilhom jibqgħu ma' jifhmux lil Dylan, nissuġġerilhom jisimgħu sew Highway 61 Revisited għal darba tnejn tlieta. Jekk jibqgħu jwebbsu rashom, allura mbagħad ġentilment nitlobhom inewwluni kartuna ħalib u jbewwġuli 'l hemm bil-kwiet...
Mużika: Like A Rolling Stone - Bob Dylan
Nota: Din ir-riċensjoni hi ddedikata lil Jiean-Pierre Gialanzè u lil Istivan Spiteri li flimkien magħhom rajt lil Dylan f'Santiago, Spanja.
Ħatab: 1
Haha, naqbel ma li qal Splengun. Prosit sincerament ta dan ix-xoghol. Vera hadt gost li sibt artiklu dwar Dylan bil-Malti. L-istil tal-kitba tieghek joghgobni hafna u vera dahhaktni xi tnejn 'lhemm u 'l hawn. :)
Vera apprezzajt certu punti li semmejt - bhal ezempju li numru ta' nies ma joghgobhomx lehen Bob Dylan. Pero ghandek ragun tassew. Jien skoprejt, li bil-muzika ta' Dylan, titghallem li il-vuci mhux bilfors hija restritta bhala xi haga li trid tkanta b'mod melodiku u sabih. Hekk tkun qed tiehodha 'at face value'. Il-punt ta' Dylan huwa li hu qed ikanta l-emozzjoni. Mhux il-punt jekk jistema' sabih jew le. Dan ghaliex l-emozzjoni, aktar milli dejjem tkun "tinstema sabiha", hija reali. U dik taghmel il-muzika tieghu hafna iktar ta' sodisfazzjon milli xi hadd li jkanta xi haga 'sabiha biex Tinstema sabiha imma minghajr emozzjoni'.
U avolja jistema li ma tantx qed jipprova jkanta, difficli li tkanta xi haga hekk jekk vera ma' tfissirx dak li tghid!
Xi ftit tal-granet ilu, bdejt infittex u nisma xi diski minn tieghu ghall-ewwel darba... u tassew bdew jaffaxxinawni. Qabel m'ghamilt dan, xbajt nisma diski li qeghdin fic-charts bhalissa. Meta nisma diski bhal 'When I Grow Up tal-Pussycat Dolls' jaqbadni d-dwejjaq - toqghod tghid, ara fiex wasalna llum...? Issa jien ghadni pjuttost zghira u vera nhobb il-muzika. Pero hafna mid-diski tal-llum (specjalment dawk kummercjali), tismaghhom dawk it-tlett minuti, imbaghad tinsihom mal-ewwel.
Imbaghad meta bdejt nisma' ftit muzika ta B.Dylan 'l hemm u 'l hawn sa kemm drajtu, dak is-"sodisfazzjon" li kont nhoss (Forsi) f'hames xhur bil-muzika tal-llum, b'Dylan hassejtu f'5 minuti. Inkredibli - u l-kliem ta' dan il-poeta jghallmuk u ifarguk. Kif bdejt nidrah, sibt lili nnifsi nerga nigi online biex nisma d-diski tieghu.
Il-lirika tieghu hija inkredibli. Ghandek ragun, Dylan jiftahlek mohhok dwar certi affarijiet, tant li ma tibqax thares lejn il-muzika b'mod simplistiku. Jekk ittih ic-cans, sakemm tidrah, jghallmek hafna dwar hafna affarijiet. U ta' dan, vera kuntenta. U meta niftakar li ghad baqali nisma' hafna aktar mid-diski tieghu vera niehu gost, ghax ix-xoghol tieghu ghandu s-sustanza.
Dan l-ahhar qrajt li muzicista jismu Conor Oberst huwa kkunsidrat bhala il-'Bob Dylan' ta' din il-generazzjoni. Ghandek xi hsibijiet dwar dan?
Post a Comment
<< Lura