Saturday, September 24, 2005

Tant snin ilu (4)
Wish You Were Here - Pink Floyd

Neither Here Nor There

Bħal kull storja oħra dik tal-mużika Rock mhix nieqsa mill-iskerzi, l-iżjed fejn tidħol il-qima jew l-istatura leġġendarja li ċerti esponenti jew xogħlijiet mużikali rnexxielhom jiksbu tul is-snin. Dejjem fl-interpretazzjoni suġġettiva tiegħi ta' l-istorja tar-Rock, meta naħseb f'esponenti sopravalutati Elvis Presley, il-Queen u l-Eagles huma l-ewwel ismijiet li jiġuni f'moħħi. Inkwantu albums klassiċi li nemmen li ma jixirqilhomx l-istima għolja li ngħataw, fost oħrajn ngħodd lil Brain Salad Surgery ta' l-Emerson Lake and Palmer, Eye In The Sky ta' l-Alan Parsons Project u l-album li qiegħed nittratta dan ix-xahar, Wish You Were Here tal-Pink Floyd.

Għalkemm bil-kemm għadni spiċċajt nikteb l-ewwel paragrafu, diġà nista' nisma' lil bosta Flojdisti jitkażaw u jmaħħu bejniethom li qiegħed niżgarra bil-kbir. Naf biċ-ċert li Wish You Were Here huwa album maħbub ferm, tant li naf ħafna nies li saħanistra jqisuh l-aqwa album li dan il-kwartett qatt ħareġ bih.

Iżda mill-esperjenza naf ukoll li l-kollezzjoni mużikali tal-maġġoranza ta' dawn tinkludi biss is-soliti obligatorji The Dark Side of the Moon, Wish You Were Here u The Wall u xi kapriċċi inutli bħal Delicate Sound of Thunder, The Division Bell u Pulse. Ħaġa ta’ l-iskantament lanqas Animals ma taf issibilhom! Daqstant ieħor imbagħad naf x'tendenzi għandhom l-biċċa l-kbira tas-segwaċi fanatiċi tal-grupp. Lil dawn ibqa' ċert li ssibilhom kull ħaġa li ħareġ il-grupp, iżda mbagħad lil ħafna minnhom issibhom iffosilizzati jaħarqu l-katalgu tal-Pink Floyd ad naseum biss u xejn iżjed. Għaldaqstant jidhirli li dawn it-talin m'humiex f'pożizzjoni li jirribattu lil min jikkontesta l-kult li ssawwar dwar il-grupp u l-album Wish You Were Here.


Qabel xejn, tifhmunix ħazin. Il-Pink Floyd hija waħda mill-iktar baned favoriti tiegħi u ċerti mumenti f'Wish You Were Here inqishom bħala wħud mill-isbaħ minuti li qatt ġew irrekordjati fl-istorja tar-Rock. Biss biss, is-silta fettieħa tiegħu Shine On You Crazy Diamond hija ġojja rari li tinterpreta l-ġmiel b'mod li fir-Rock ma tismax bħalu kif ġieb u laħaq. L-atmosfera ta' ġmiel foniku penetranti tagħha tfakkarni ħafna fil-mużika tal-grupp Progressiv Renaissance, li ladarba qegħdin insemmu l-perverżjonijiet storiċi, ta’ min ninnota kemm hi tassew ħasra li m'huwiex daqstant magħruf u apprezzat. Fl-istess sena u xahar li l-Pink Floyd ħarġu Wish You Were Here huma kienu tawna l-ġojjell Scheherazade and Other Stories, li kollox ma’ kollox fil-fehma tiegħi jiżboq bil-kbir l-album li qiegħed nikteb dwaru dan ix-xahar.

Wish You Were Here jiftaħ fuq nota pożittiva ferm, tant li għall-ewwel taf tagħtik x’tifhem li l-grupp irnexxilu jissorpassa dak li kien kiseb fl-album preċedenti The Dark Side of the Moon. Is-silta Shine On You Crazy Diamond hija tassew djamant leqqien li jibqa' jiddi tul is-snin bla ma jnin qatt. Il-faxxinu l-iżjed saljenti fiha aktarx hija l-binja kkalkulata tagħha. Minn mumenti ta' trankwillità ċelestjali s-silta tibqa' tevolvi bil-mod il-mod sakemm tlaqqat sa ma taħsad sa l-aħħar kull traċċa ta' hena u tama li ruħ is-semmiegħ tista' qatt taħżen. Huwa biss is-solo pjuttost sexy tas-sassofanu li jtemm l-ewwel parti tagħha li forsi jaf jgħinha terġa' tistejqer għal ftit.

Il-grupp hawn jinstema' f'sinerġija perfetta, u minkejja li l-ħoss aħħari tagħha huwa kkalkulat sa l-inqas dettall, xorta waħda jinstema' ġenwin u sinċier. Mhix xi ħaġa ta' kuljum li xi ħadd jirnexxilu jlibbes lit-traġedja b'libsa daqstant eleganti u maġestika mingħajr wisq daqq ta' trombi żejjed u sfurzat.

Forsi rari wkoll li noti ta' kitarra Blues tqiegħdu daqstant komdi u tajjeb f'silta magħmulha b'valuri pjuttost progressivi u b'produzzjoni daqstant preċiża u mqaxxra. Wieħed ma jridx jinsa' wkoll li Wish You Were Here ħareġ għall-bejgħ fl-1975, meta l-ifanfrar mużikali u l-esperimenti kumplessi ta' laqta solenni kienu diġa’ bdew jurtaw lil widna tal-biċċa l-kbira tas-semmiegħa tal-mużika. Għaldaqstant kull min f'dawk iċ-ċirkustanzi ppersista jikkomponi materjal simili ssogra mhux ftit. Biżżejjed taraw x'xorti misset lill-baned Progressivi oħrajn bħal Yes u l-Emerson, Lake and Palmer, li kull ma jmur bdew isiru dejjem iżjed irrelevanti u anke saħansitra mistmerra.

Shine On You Crazy Diamond (SoYcD?) hija tribut li ssellem lill-fundatur u eks-membru tal-grupp Syd Barrett. L-aġġettivi li juża Roger Waters biex jiddeskrivih, bħal "stranger", "legend", "martyr", "raver", "seer of visions", "painter", "piper" u "prisoner", jittrattawh bħala artist li aktar ma brilla iżjed intefa f'qasir żmien, bħal xemgħa li aktar ma tarmi dawl aktar tikkonsma lilha nnfisha sa ma tinħela għalkollox. Għaldaqstant din is-silta hija sommarju tal-bijografija ta' bosta artisti li r-rigal tal-ġenju rari tagħhom gawdejnih biss mill-Milied sa San Stiefnu.

Kif aktarx tafu Barrett kien iġġennen kmieni wisq u kellu jħalli lill-grupp xi sentejn wara li waqqfu. Fil-fatt l-uniku album sħiħ li laħaq għamel magħhom kien proprju d-debutt memorabbli The Piper At The Gates of Dawn. Bħall-każ simili ta' Brian Wilson tal-Beach Boys, l-istorja żvinturata ta' Syd Barrett hija waħda mill-akbar każwalitajiet fl-istorja tar-Rock. Nimmaġina li min jippreferi jisma' lil Pink Floyd f'burdati relattivament razzjonali ftit li xejn jiddispjaċih li Barrett kellu jabbandunahom daqshekk malajr, iżda ladarba jien ħafna drabi nippreferi l-era bikrija tal-grupp it-tluq ta' Barrett inikkittni ferm. Iżda tiggosta x'tiggosta l-iżjed ma tistax tiċħad li fl-istorja tal-Pink Floyd, u anke f'dik tal-mużika Rock inġenerali, Syd Barrett għandu post awtorevoli u sehem validu immens. U aktarx ukoll li f'das-sens il-qosor tal-karriera tiegħu fin inniffsu jwessa’ l-istatura tiegħu qatigħ.

Inzerta li b'kumbinazzjoni stramba waqt l-irrekordjar ta' dan l-album Barrett kien fettillu jmur iżurhom fl-istudjo għall-għarrieda. Xi storiċi jirrapportaw li Barrett tant kien inbidel li dak in-nhar il-membri tal-grupp bil-kemm setgħu jagħrfuh. Kultant nistaqsi kienx wasal għala widnejh li l-album li kienu qegħdin jaħdmu fuqu dak il-ħin kien iddedikat proprju lilu. Din il-laqgħa tfakkarni ħafna fit-teorija tas-sinkroniċità tal-psikologu Karl Jung, li fil-lingwaġġ idjomatiku Malti tista' titfisser bl-espressjoni “semmi lix-xitan u jidhirlek” jew bil-qawl “lil min issemmih irid ikollok x'tagħtih.”

Wish You Were Here jagħlaq proprju bit-tieni parti ta' din is-silta, li tiftaħ b'reviżjoni u interpretazzjoni vivaċi ta' bosta mumenti li nsibu fl-ewwel parti. Hawn David Gilmour u Rick Wright jerġgħu jiddominaw il-ħoss kompletament, sakemm Roger Waters jerġa' jidħol ikanta l-vers intelliġenti “no one knows where you are, how near and how far.” Minn hemm imbagħad titkompla l-parti kantata mibdija fl-ewwel parti.

Is-silta tissokta b'bosta passaġġi mużikali li l-biċċa l-kbira tagħhom huma xogħol Rick Wright, li f'dan l-album ingħata sehem ferm iżjed prominenti u mexxej minn qatt qabel u qatt wara. Fil-fatt in-noti tiegħu jiddominaw il-ħoss ta' album għal ħinijiet twal u għaldaqstant f'Wish You Were Here jagħmel ferm iżjed milli jipprovdi atmosfera fl-isfond kif spiss kien għamel f'bosta albums preċedenti. Hija tassew ħasra li Wright m'għarafx jisfrutta din l-opportunità b'mod eżawrjenti biex għal darba jkun il-protagonist ewlieni. Iżda minkejja li f'dan l-album naqas li joffrilna ideat ġodda u xi minn daqqiet jinstema' wkoll kemmxejn fqir, aktarx li l-aqwa mumenti f'Wish You Were Here huma frott l-immaġinazzjoni tiegħu.

L-album jagħlaq proprju b'passaġġ mużikali funebri minn tiegħu, li fil-fehma tiegħi jirrappreżenta l-isbaħ mument ta' l-album kollu kemm hu. Kif jagħmel fl-ewwel parti Wright jerġa' jwaħħad in-niket mal-ġmiel b'ħila tassew impressjonanti, tant li d-diqa li minn banda tħossha ttaqqlek waqt li tismgħaha taf tagħtik ukoll ċertu gost pervers. Mhux ta' b'xejn li numru kbir ta' kritiċi jqisu lil Wright bħala wieħed mill-iżjed kijbordisti sensibbli li r-Rock Progressiv kellu x'joffri. Madankollu dan ma jfissirx li f'dan l-album Wright ġab kollox żewġ, iżda għal dan niġi iżjed 'l quddiem.

B'kollox iż-żewġ siltiet flimkien jgħoddu 'l fuq minn 25 minuta, jiġifieri kważi sittin fil-mija tat-tul kollu ta' l-album. Għaldaqstant ma nistax inqis lil Wish You Were Here bħala xi album li tarmih. Biss biss, l-inklużjoni ta' din il-kompożizzjoni daqstant awtorevoli hija biżżejjed biex min-naħa tiegħi tiggarantilu ċertu rispett. Shine On You Crazy Diamond hija bla dubju waħda mill-aqwa kompożizzjonijiet ta' kull żmien u dwar dan ma narax wisq lok għall-kontestazzjoni. Fil-katalgu tal-Pink Floyd toqgħod komda ħafna ħdejn tour-de-forces oħrajn bħal Echoes u Atom Heart Mother, u bħala silta twila tista' titqabbel tajjeb ħafna wkoll ma' xogħlijiet ċelebri ta' baned progressivi Britanniċi oħrajn bħal Supper's Ready tal-Genesis jew Close To The Edge tal-Yes. Minbarra dan, forsi jista’ jingħad ukoll li kuntrarjament għal xi siltiet twal oħrajn tal-Pink Floyd, Shine On You Crazy Diamond ma fiha l-ebda nota żejda.

Madankollu xorta ma nista' qatt inpoġġi lil Wish You Were Here fit-totalità kollha tiegħu fuq l-istess livell. Anzi, jidhirli li l-preżenza ta' Shine On You Crazy Diamond f'dan l-album hija xi ftit jew wisq ta' dannu, għax komplessivament l-album jonqos bil-kbir li jilħaq l-aspettattivi superlattvi li jwebbel bihom lis-semmiegħ waqt l-ewwel minuti tant brillanti tiegħu. Wieħed jista' jirribatti li l-fatt li l-album jinzerta jagħlaq proprju bit-tieni parti ta' l-ewwel silta għandu jtaffili xi ftit minn dan id-diżappunt, u ma' dan il-punt naqbel mija fil-mija. Madanakollu dan xorta waħda ma jibbastanix biex nagħlaq għajnejja, jew aħjar insodd widnejja, għan-nuqqasijiet li ninnota b'dispjaċir f'ċerti siltiet. Minkejja l-mumenti atmosferiċi daqtant splendidi li jagħtina, meta nikkunsidra kollox Wish You Were Here għalija jibqa' xogħol imraqqa', inkonsistenti u inkomplet, jew kif jgħidu l-Ingliżi, patchy.

Sitwazzjonijiet bħal dawn ikidduni. Meta nisma' albums li nkun nixtieq inqishom bħala ġojji iżda ma nkunx nista', inħoss ċerta frustrazzjoni li kull min huwa midħla tar-reċensjonar tal-mużika żgur iħossu skomdu jġarrabha. Wish You Were Here mhux l-uniku eżempju ta' dan. Albums klassiċi minn dik l-era li jirritawni bħal dan huma 2112 tar-Rush, Tarkus ta' l-Emerson Lake and Palmer, Houses of the Holy tal-Led Zeppelin u anke The Wall tal-Pink Floyd.

Fil-każ ta' Wish You Were Here is-sitwazzjoni hija forsi wkoll agħar. Minkejja li dan forsi jista' jitqies bħala l-aħjar prodott li r-Rock Progressiv f'nofs is-snin sebgħin seta' qatt joffri, jidhirli li f'dan l-album il-ħoss tal-grupp bl-ebda mod ma jkompli javvanza xi ftit 'l quddiem. Minkejja x-xejra progressiva tiegħu, Wish You Were Here huwa sforz konservattiv li jiċċelebra bil-kbir ir-riżultati diġà miksubin biss bla ma jittanta jħares lil hinn minnhom. Fil-fatt naħseb li f'dan l-istadju l-Pink Floyd waqfu jevolvu, aktarx għax ftit li xejn kellhom fejn jikbru iżjed. Għaldaqstant Wish You Were Here huwa jassigura u forsi jsaħħaħ kemm kemm l-iżjed kisbiet reċenti tal-grupp, iżda jonqos li jġebbed iżjed il-potenzjal kreattiv tiegħu.

Jiena nħoss li The Dark Side of the Moon, li faċilment jista' jkun l-iprem xogħol tagħhom, kien temm l-evoluzzjoni fil-ħoss tal-grupp. Roger Waters stess stqarr kemm-il darba li wara The Dark Side of The Moon il-grupp kien kreattivament eżawrit, u dan forsi jispjega xi ftit ukoll l-għala Wish You Were Here huwa l-aħħar album li jinkludi bosta kontribuzzjonijiet mużikali sinifikanti minn David Gilmour u Rick Wright. Nistgħu ngħidu li b'xorti tajba fl-album sussegwenti Animals it-tmun ġie għalkollox f'idejn Roger Waters. Li kieku ma kienx hekk, ir-relevanza ta' l-isem Pink Floyd kienet aktarx titbiel bħal dik ta' baned progressivi oħrajn.

Is-siltiet li nemmen li jirrovinaw Wish You Were Here huma Welcome To The Machine u partikolarment Have A Cigar. Dik l-atmosfera katartika msawwra f'Shine On You Crazy Diamond f'ta' l-ewwel tgħib għalkollox, u niddaħħlu f'dinja tal-magni fejn kollox jinstema' sintetiku u robotiku. L-effett li dan iħalli fuqi mhux lakemm niddeskrivih. Qisni filli nkun qiegħed sħun taħt il-friex noħlom ħolma mill-isbaħ, u filli naqa' mis-sodda u naħbat rasi ma' l-art kiesħa bla ma nkun naf x'laqatni. Huwa minnu li s-silta hija kritika ħarxa ta' l-industrija tal-mużika, u li f'dan il-kuntest il-ħsejjes għandhom jinstemgħu adattati, iżda daqstant ieħor nemmen li din is-silta hija sforz nofs leħja.

Rick Wright forsi jiġborha xi ftit, iżda għad li matulha nistħajjlu verżjoni mrażżna ta' Keith Emerson jew Rick Wakeman, kultant xorta jinstema’ jdoqq b’mod abbużiv jew sempliċiment biex jimla. U hawn ukoll ħjiel ta' xi progress notevoli ma jidher imkien, għax fl-aħħar mill-aħħar bosta mill-ħsejjes elettroniċi ta' Wright m'huma xejn ħlief riċiklaġġ ta' materjal li kien offrielna qabel, partikolarmant f'Meddle u f’The Dark Side Of The Moon. Kemm se ndumu nisimgħu ħsejjes ta’ makni u rjieħ ivenvnu ma' widnejna fid-diski tal-Pink Floyd? Possibbli fl-1975 Wright ma kienx semgħa kemm tista’ tagħmel ferm aktar xorti b’synthesiser?

Ngħid is-sew meta nisma’ Welcome To The Machine nsibha bi tqila nemmen li dan huwa l-istess mużiċist li ftit minuti qabel kien qiegħed ipaxxini daqstant. Madankollu jekk tneħħi n-noti ta' Wright minn din is-silta kważi ma jibqa' xejn għax l-effett tagħha huwa sempliċiment atmosferiku. Fi kliem ieħor bħala diska Welcome To The Machine f'seba' minuti ma tasal assolutament imkien, u għaldaqstant irridu jew ma rridux ikollna nikkuntentaw ruħna b'dak li tajjeb jew ħażin joffrilna Rick Wright.

Bħalli kieku din iż-żelqa fin-niexef ma kinitx biżżejjed l-album ikompli b'silta offensiva ta' l-ogħla grad, li minkejja li tistidinni nigħxel sigarru lili iżjed tħajjarni nitfi l-isterjo minnufih. Have A Cigar hija waħda mill-iżjed siltiet għajjenin li qatt irrekordjaw, u l-inklużjoni tagħha Wish You Were Here hija ċajta goffa li mhux lakemm tintesa. Hija silta blues medjokri għall-aħħar li żgur ma tixraqx lill-grupp ta' dik l-istatura, l-iżjed f'xogħol bħal dan li jiftaħ fuq nota daqstant promettenti.

Il-lirika tagħha hi wkoll kritika oħra ta' l-industrija mużikali, li f'dak iż-żmien kienet qiegħda tisfrutta kemm tiflaħ il-profitti finanzjarji li l-grupp kien irnexxilu jikseb. Anke jekk mhix xi gran che din il-kritika hija l-unika ħaġa li tassew nista' napprezza dwarha, għax l-industrija mużikali dak iż-żmien kienet diġà bdiet issir il-mostru ħalliel li nafuha illum. Mill-bqija ma nistax nifhem kif xi ħadd jista' qatt iqisha bħala diska suriet in-nies.

Biex tgħaxxaqha il-pronunzja vokalika tagħha minn Roy Harper ma għenitx wisq lanqas. Għad li Harper dejjem kien esponent mużikali deċenti, f'Have A Cigar ftit li xejn qata' sandar. Anzi, ikolli ngħid kompla għaffiġha iżjed milli setgħet kienet. Dan żgur ma kienx il-każ li tgħid Hats Off To Roy Harper, kif kienu (ipprovaw) i/kantawlna l-Led Zeppelin ħames snin qabel. Għaldaqstant lil Waters ngħidlu li minflok sigarru nippreferri mmur nieħu ngħasa. Hekk jew b’hekk, minkejja li npejjep ħafna lis-sigarri qatt ma ggostajthom wisq.

Nemmen tassew li l-grupp qatt qabel ma kien instema’ daqstant mhux f’sikktu. M’iniex qiegħed ngħid li l-albums preċedenti tal-Pink Floyd kienu kollha xogħlijiet kompatti u bla ebda diski fillers. Diski bħal ngħidu aħna Alan's Psychedelic Breakfast, San Tropez u Seamus huma wkoll fillers tedjanti li jtellfu xi ftit l-andament mexxej ta’ l-albums tagħhom, iżda għall-inqas m’humiex daqstant offensivi. Iżda Welcome To The Machine u Have A Cigar f’album bħal dan ma nittollerahomx.

Wara żewġ siltiet orribbli bħal dawn jagħtini li naqbad nitkellem waħdi u kontra qalbi nistaqsi “emmm, by the way, which one is Pink?” B'xorti tajba r-risposta tibda tingħatali ftit ftit mal-ftuħ tat-title track Wish You Were Here. Hawn il-grupp idawwar ħsiebu mill-ġdid lejn il-moħħ mudlam ta' Syd Barrett biex jerġa' jerġa’ jibda jikseb il-forma u jdawwal xi ftit is-sitwazzjoni. Donnu f'dan l-istadju ħsieb Barrett biss seta' tassew inebbaħhom jiktbu materjal intelliġenti.

L-introduzzjoni akustika sempliċi tal-ballata Wish You Were Here hija mill-iżjed effettiva u sservi ta' eżempju ieħor tal-filosofija tal-grupp li sa ċertu punt dejjem fittex li jagħmel iżjed b'inqas. Il-lirika tagħha hija mill-iżjed awtentika, l-iżjed dawk il-vrus immortali tar-ritornell:

How I wish, how I wish you were here,
We’re just two lost souls swimming in a fish ball, year after year
Running over the same old ground, what have we found?
The same old fears,
Wish you were here...

Waqt dawn il-vrus inħoss sensazzjoni nostalġika uqita li tmissli qalbi fil-fond. Minkejja li m'iniex xi devot ta' dan l-album, mhix l-ewwel darba li tajtu bħala rigal personali lil qraba u ħbieb li ċ-ċirkostanzi tal-ħajja firduni minnhom. Minħabba l-appell universali tagħha Wish You Were Here tagħti ħafna tifsiriet differenti lil ħafna nies. Aktarx huwa proprju dan il-lat sentimentali li jagħmilha daqstant magħrufa u maħbuba ma’ ħafna nies. Mill-bqija ma nemminx li mużiklament għandha xi ħaġa aħjar minn kompożizzjonijet oħrajn ta' Roger Waters bħal Crying Song, Cymabline, If, Fearless, A Pillow of Winds, Stay u Wat's... Uh The Deal. Wish You Were Here hija sempliċiment diska tajba. Xejn iżjed u xejn inqas. Kull tifħir ulterjuri narah kollu fieragħ.

Kollox ma' kollox l-istess jista' jingħad għal dan l-album, li minkejja li huwa mżejjen b'mumenti literalment maġiċi, jonqos milli jżomm livell sodisfaċenti sa l-aħħar. Għaldaqstant l-agħa li spiss issir dwaru ma nqishiex iġġustifikata, l-iżjed meta nżomm f'moħħi min ikkompona dan ix-xogħol. Li kieku dan kien album ta' banda progressiva medjokri bħal ngħidu aħna Fruupp jew Eloy kont nivvalutah ħafna iżjed, iżda ladarba huwa prodott tal-Pink Floyd nemmen li għandi nħaddem kriterji differenti.


Wara dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha fejn insibu ruħna? Fejn wasal fl-evoluzzjoni tiegħu
il-ħoss tal-Pink Floyd wara Wish You Were Here? Għalija r-risposta hija neither here nor there. Jekk titraduċi din il-frażi għall-Malti kelma b'kelma tiġi tfisser li ma waslu mkien; la hawn u lanqas hemm. Jekk mill-banda l-oħra tħalliha bl-Ingliż tfisser li waslu fejn waslu mhux importanti, u għaldaqstant dan il-pass fi triqthom kien irrelevanti.

Għaldaqstant l-espressjoni neither here nor there hija l-frażi li nsibha tiddeskrivi l-aħjar lil dan ix-xogħol, għax minbarra li tirrima ħelu ħelu mat-titlu tiegħu, tissuġġerixxi wkoll li l-grupp jew ma mexa xejn jew jekk għamel xi pass għamlu fil-vojt. U jekk irridu nkomplu nirrimaw, nistgħu ngħidu wkoll li Wish You Were Here mhux biss kien neither here nor there, imma wkoll li aħjar mid-Dark Side of The Moon ma seta' qatt tassew ikun.

Iżda mbagħad fettilhom jiktbu dwar tliet annimali, u għaġġbu mill-ġdid anke lil xi fonqla bħali...


Mużika: Shine On You Crazy Diamond II (parti) - Pink Floyd

Dedika: Lil dawk li ħallewni warajhom u lil kull min għad inħalli warajja. Inħobbkom.



Ħatab: 2

Blogger Toni Sant qal/qalet...

Ricensjoni interessanti tassew dwar album li hareg meta int (nghid sew?) kont ghadek ma twelidx. Fakkartni f'meta xi 15-il sena ilu jiena kont nikteb dwar il-Beatles jew ohrajn li gew ftit qabel zmieni.

Insomma, hadt pjacir naqra dan li ktibt int. L-unika zewg kummenti ta' kritika kostruttiva li forsi nista' naghmel huma: (1) ktibt naqra fit-tul wisq (qed niskanta kif irnexxieli naqra l-artikolu kwazi kollu sa l-ahhar. (2) id-dwejjaq tieghek dwar Wish You Were Here huma precizament wiehed mill-ingredjenti mportanti li wasslu biex tfacca l-punk fir-Renju Unit qabel ma wasal Animals. X'tahseb li wassal lil Johnny Rotten biex jilbes t-shirt li jghid "I hate Pink Floyd"?

Apparti dan kollu, nistenna biex naqra x'ghandek xi tghid dwar albums ohra 'l quddiem.

11:13 am  
Blogger L-Imżebbel qal/qalet...

Naħseb li l-każ ta' Rotten kien imur lil hinn minn dak li ktibt dwar Wish You Were Here.

Ma naħsibx li l-Punk sploda għax bdew joħorġu albums inkonsistenti. Il-Punk sploda b'reazzjoni għall-moviment Progressiv kollu kemm hu, irrelevanti mill-kwalita' ta' dak li kien qiegħed jipproduċi.

Kull ma jmur il-mużika Rock bdiet issir dejjem iżjed elitista u mbegħda mis-sempliċita u l-ispontanjeta. Biex tagħqad, u hawn mbagħad naqbel miegħek, il-kwalita' bdiet tnin ukoll u forsi dan kompla żied mal-frustrazzjoni li l-pubbliku seta' kien qiegħed iħoss.

Ir-Rock ma kienx baqa' idjoma ta' Ċikku l-Poplu għax sar xi ħaġa akkademika magħmula mill-borgiżi għall-borgiżi. Għaldaqstant inħass il-bżonn li jkun hemm forza li tikkoreġi dan il-fenomenu.

Biex inkompli nuża termini Marxisti, kien hemm bżonn anti-teżi jew backlash temporanja. Il-Punk kien biss riħ ta' siegħa li naddaf qiegħa. Iżjed tard daħlu fix-xena ġeneri oħrajn li rrikonċiljaw għal ftit dawn iż-żewġ teżijiet.

F'das-sens, il-Jazz jista' jitqies bħala 'backlash' għall-mużika Klassika, sakemm bil-mod il-mod daħal ir-Rock u ssintesiżża kollox. Iżda dan il-proċess ma jieqaf qatt (xi ħaġa li Marx donnha qabżitlu meta analiżża l-istorja b'lenti strettament xjentifika).

Ovvjament hawn qiegħed nissimplifika, iżda ma rridx nikteb fit-tul. :P

2:13 pm  

Post a Comment

<< Lura