Thursday, July 28, 2005

Tant snin ilu (2)
Closer - Joy Division

Testment aħħari ta' esebizzjonist atroċi

“Fallejt ngħix
Irnexxili mmut."

(Epitaffju ta' Maħbub Midrub - Immanuel Mifsud)


Nissopponi l-ħolma dejjem tintemm, ma titlax iżda tinżel. Iżda m’għadnix nagħti każ iżjed. Tlift ir-rieda li rrid iżjed. M'iniex beżgħan, lanqas xejn. Narahom kollha waqt li jaqgħu. Iżda niftakar, meta konna żgħar.” (Insight, Unknown Pleasures)

Dan mhux tgedwid ta’ xi xwejjaħ f’reqqet ir-ruħ, iżda versi minn pinna ta’ ġuvnott li ta’ 22 sena ħass li kien diġà għex ħajja ferm itwal milli fil-fatt sninu kienu jgħoddu. Dan il-ħsieb bħal donnu twieled miegħu u qatt ma ried jitilqu, tant li ta’ 15-il sena kien diġà jitkellem dwar ix-xenqa li jmut f’qsir il-għomor bħall-bosta idoli tiegħu. L-istqarrija tiegħu li ma kienx biħsiebu jaqbeż l-għoxrinijiet bikrin fi kliemu kienet xi ħaġa rikurrenti.

L-ossessjoni bil-mewt hija tema komuni ħafna fl-arti, u fil-mużika m’hi xejn inqas. Iżda waqt li għal ħafna artisti hija sempliċiment manuvra pubbliċitarja maħsuba biss biex taħsad u tiġbed l-attenzjoni, għal Ian Curtis kienet ħolma romantika u fetiċċ mill-iżjed personali. M’għandniex xi ngħidu, għal Curtis din l-ossessjoni kienet ħasda wkoll. Fil-fatt ħasditu... mid-dinja.

Iżda qabel qatta’ l-karti ma’ l-eżistenza tiegħu darba għal dejjem, Ian Curtis żgura li jwassal l-ilmenti eżistenzjali tiegħu lil min kien dispost jisimgħu, u li l-persona tiegħu, bħal dik ta’ ikoni oħrajn li kien iqim, ma tintnesiex. Ironikament, Curtis kiseb l-immortalità billi temm ħajtu u mar sab postu fl-istorja ħdejn ‘sħabu’ li bħalu, fil-quċċata tal-potenzjal tagħhom għosfru bħal daħna. Jimi Hendrix, Janis Joplin, Jim Morrison, Nico... il-lista hija interminabbli. Iżda waqt li l-ftila ta’ dawn intfiet għax lagħbu man-nar u fl-aħħar inħarqu, il-partenza ta’ Ian Curtis kienet waħda determinata u konxja. Huwa għażel il-ħin, ippjana l-waqt u fassal tmiem bizzilla.

Dan kollu ġara eżatt ħamsa u għoxrin sena ilu, fit-18 ta’ Mejju, 1980, meta l-isplużjoni tal-moviment Punk f’Manchester u lil hinn bdiet tbatti xi ftit biex tagħmel xi ftit tal-wisa’ għal movimenti ta’ mużika oħrajn li għalkemm l-għeruq tagħhom kienu miżrugħin fil-Punk, għarfu jsibu orizzonti ġodda.

Fost dawn il-gruppi kien hemm il-grupp ta’ Ian Curtis, Joy Division. Bla dubju ta’ xejn, il-Joy Division huwa wieħed mill-iżjed gruppi importanti, jekk mhux l-iżjed, ta’ dawn l-aħħar 25 sena. F’inqas minn sentejn dan il-grupp salva lill-mużika mill-preċipizju li donhha qabdet riesqa lejh, żamm l-aqwa elementi tagħha, għaġinhom, żviluppahom u tahom forma u direzzjoni ġdida u bil-wisq iżjed valida. Wara l-isfaxxar tiegħu, l-istatura ta’ dan l-isem kompliet issir iżjed u iżjed assertiva bil-formazzjoni tal-grupp New Order. Iżda dik hija storja oħra...


Wieħed jista’ jargumenta li l-Joy Division kien l-ewwel grupp b’għeruq u konnessjonijiet Punk li minflok iffoka fuq l-enerġija sfrenata u r-rabja biss, għażel li jinnamra ma’ l-espressjoni biex jesponi l-emozzjonijiet moħbija fl-imkejjen l-iżjed mudlama tal-bniedem.

Il-lirika ta’ Ian Curtis mhix mill-ħelwin. Anzi, hija lirika li titfa’ l-melħ fuq il-feriti tiegħek, tfakkrek f’dak li tippreferi tinsa u mbagħad tħallik hemm, tikkonfrontah. X’tagħmel wara li tkun assorbejt dan kollu, hi affari tiegħek. Fl-esperjenza totali tal-mużika tal-Joy Division, wieħed itiegħem is-sbuħija, il-kruha, il-ħajja, il-mewt, l-imħabba, il-mibegħda, il-kisba u t-telfa f’kontorn wieħed, tant li jispiċċa jitfixkel jiddistingwihom u x’aktarx ikollu jerġa’ jibda mill-bidu.

Minkejja li l-istorja tal-Joy Division mhix waħda twila, l-iżvilupp ta’ dan il-kwartett minnManchester kien tassew affaxxinanti, kemm f’sens storiku u iżjed u iżjed f’sens mużikali. Biżżejjed ninnota li bejn l-ewwel EP tagħhom An Ideal For Living, li rrekordjawh fl-1979, u t-testment aħħari Closer ta’ madwar sena wara, wieħed jassisti għal trasformazzoni rari u inkredibbli.


F’ta’ l-ewwel il-grupp ftit li xejn kien differenti mill-ħafna gruppi li dik il-ħabta kienu qegħdin jittantaw xortihom f’Manchester. L-EP għandu attitudni pjuttost Punk u ftit li xejn huwa rappreżentattiv tal-ħoss tal-grupp u tal-karattru ta’ Curtis.

Iżda Ian Curtis ma damx wisq biex sab il-pjattaforma adattata għalih biex jiżvoga l-ġewwieni mqalleb tiegħu. Fil-bidu ta’ 1979, il-Joy Division daħlu fl-iStrawberry Studios fi Stockport biex jirrekordjaw id-debutt tagħhom. Il-prodott finali kien l-album storiku Unknown Pleasures, li apparti l-merti mużikali tiegħu, l-aktar ħaġa li nara notevoli fih hija l-bidla tremenda fil-ħoss tal-grupp, tant li ssibha bi tqila biex temmen li dawn huma l-istess erbat itfal li sa ftit xhur qabel bil-kemm kienu jafu jaqbdu l-istrumenti tagħhom.

Biex ngħid kollox, din il-metamorfosi ma kinitx tkun possibbli li ssir kif saret kieku ma kienx għall-kontribut tal-producer il-ġdid mit-tikketta tad-diski Factory Records Martin Hannet. Jeżisti qbil ġenerali li mingħajr l-ideat brillanti tiegħu l-Joy Division fl-istudjo żgur li qatt ma kienu jinstemgħu kif nafuhom illum. Il-kontribut ta’ Hannet tant kien seminali, li wieħed ma jkunx qiegħed jesaġera jekk iqisu bħala l-ħames membru tal-grupp.

Id-debutt Unknown Pleasures m’huwiex xi biċċa xogħol faċli biex tiddiġerixxiha. Qabel xejn, l-atmosfera hija mudlama għall-aħħar, xi ftit jew wisq simili għal dik Krautrock. Il-formula, għalkemm qatt irriċiklata, hi waħda kostanti; drums, li għalkemm m’humiex, jinstemgħu donnhom elettroniċi u robotiċi; noti tal-kitarra, iżjed fl-isfond milli le, mgħawwġin, telgħin, neżlin, jidwu, idamdmu, kultant idarrsu; noti tal-bass għoljin, repettittivi, il-ġebla tax-xewka ta’ kull binja ta’ idea mużikali; u viċi baxxa, iddisprata, drammatika, stramba u tirbombja, tokrob krib eżistenzjali ta’ individwu disturbat qatigħ, li ta’ 23 sena diġà qiegħed jinsisti jistaqsi “When will it end? When will it end?”

X’aktarx li l-punti saljenti ta’ l-album huma s-siltiet Disorder, New Dawn Fades, She’s Lost Control u Shadowplay, li flimkien mas-single Transmission li segwiet ftit wara, juru d-distanza artistika twila li l-grupp kien terraq mill-għeruq primittivi tiegħu. Il-produzzjoni ta’ Hannet kompliet taqilgħu iżjed u iżjed, bi ħsejjes elettroniċi f’waqthom ‘l hawn u ‘l hemm, ħġieġ jinkiser u effetti speċjali oħrajn.

Iżda minkejja dawn il-kunsiderazzjonijiet mużikali, iċ-ċentru ta’ l-attenzjoni jibqa’ Curtis. Il-mużika, minkejja l-faxxini varji tagħha, donnha nkitbet biex ma tkunx wisq iżjed minn sfond iswed wara l-persunaġġ ta’ Curtis. L-isforz tiegħu biex jistabbilixxi xi forma ta’ kuntatt mad-dinja ta’ barra hu wieħed qalil u forsi wkoll ovvju, “I campaigned for nothing/I worked hard for this/I tried to get to you/you treat me like this. Oh how I tried to get to you”, jilmenta f’Candidate. F’New Dawn Fades jaqta’ qalbu: “the strain’s too much, can’t take much more” u fl-aħħar silta I Remember Nothing donnu jirrassenja ruħu li ħadd ma jista’ jifhmu, tant li jingħalaq fih innifsu u jħossu stranġier li ħadd ma jaf jagħraf: “we were strangers, away too long.”

Il-fatturi li wasslu lil Curtis f’dan id-disprament kienu ħafna u varji. Sa minn eta’ żgħira Curtis kellu personalità eċċentrika għall-aħħar u saħansitra tendenzi suwiċdali. Madanakollu, l-għaġna sħiħa tal-karattru tiegħu kienet waħda partikolari ferm, u kienet propju din il-personalità rari li saħħret warajha lil martu Deborah fil-bidu ta’ żgħożithom. Minkejja li Deborah kienet tfajla pjuttost żvelta, l-ambizzjonijiet personali tagħha kienu tradizzjonali ferm. Nimmaġina li kienet tassumi li l-eċċentriċità ta’ Curtis kienet sempliċiment bluha taż-żogħżija, u li r-responsabbiltajiet matrimonjali li kienet se ddaħħlu fihom kienu se jikkonvertuh fi bniedem responsabbli u stabbli.

Iżda dan ma ġarax. Iżjed ma beda jgħaddi ż-żmien iżjed beda joħroġ ċar li Curtis bl-ebda mod ma seta’ jkun ir-raġel tal-familja ideali. L-unika ħaġa li kien jaħdem għaliha daqs bagħal kienet il-ħolma tiegħu li jagħmel ħoss fix-xena mużikali, x’aktarx għax kien diġa determinat li wara li jkun laħaq il-quċċata, jissabbat waħda nobis biex qatt ma jerġa’ jqum.

Biex tgħaqad, wara ż-żwieġ ġie ċċertifikat li huwa epilettiku. Il-marda bdiet tiggravalu bis-sigħat, tant li ftit xhur wara li ġie ċċertifikat bħal tali, sforz il-biża’ li seta’ jifga fl-irqad, ma kienx jagħlaq għajn m’għajn qabel jagħtih attakk. Dawn l-attakki epilettiċi bdew kulma jmur jagħtuh iżjed ta’ spiss. Dan kien jiġri saħansitra fuq il-palk. Għall-udjenza u l-ġurnali din il-biċċa xogħol kienet attrazzjoni partikolari, iżda għalkemm Curtis xi minn daqqiet kien jisfruttaha tajjeb biex jiġbed l-attenzjoni kollha fuqu, ċertament xorta waħda kien qiegħed ibati.

L-istil ta’ għixien ta’ stilla tar-Rock, bit-taħbit u l-perikli kollha li jġib miegħu, żgur li ma kienx għalih ta’ fejda. It-tobba spiss kienu jwissuh biex ma jitħabatx iżżejjed, iżda Curtis ma riedx jaf. Jingħad ukoll li n-numru interminabbli ta’ pilloli li kien jibla’ biex irażżan l-attakki epilettiċi iżjed kompla ġennu milli kkurawh, u nimmaġina li dawn il-pilloli xejn ma kienu jaħdmu tajjeb mas-sustanzi perikolużi li minn żmien għal żmien kien jesperimenta bihom.

Fi ftit xhur Curtis kien literalment iġġennen u kien sar diffiċli ħafna li tikkomunika miegħu, l-iżjed dwar ħwejjeġ li ma kellhomx x’jaqsmu mal-mużika jew mas-suġġetti strambi li kienu jinteressawh. Dan kollu poġġa lil Curtis f’qagħda li ma setax ikampa sewwa mar-responsabbiltajiet tal-familja, tant li spiċċa abbandunaha, ħafna drabi bl-iskuża tat-taħbit u l-intrigi tal-karriera mużikali.

Iż-żwieġ tiegħu tista’ tgħid li ntemm meta bejnu u martu daħlet mara oħra, li għal xi raġuni li qatt ma kienet ċara tant baqa’ qatt ma nqala’ minn magħha. Peress li martu rari kienet titħalla takkumpanjah fil-kunċerti, hija kienet damet ħafna ma ntebħet b’dan kollu. Fil-fatt fil-bijografija li kitbet dwar żewġha ilmentat li “Ian kien iddeċieda li jtemm iż-żwieġ tagħna, iżda lili ma kienx qalli.”

Minkejja dan kollu, Curtis ma kienx kuntent wisq b’din il-ħajja, u l-lirika tiegħu tixhed dan bla ebda ekwivoku. Iżda madanakollu, xi ħaġa fih kienet iżommu mwaħħal fiha, bħal donnu kien qiegħed jagħmel minn kollox biex jirrovina ħajtu apposta ħalli jkollu fuq xiex jikteb.

Intant, waqt li martu bidet tipprova tfendi għal rasha u tagħmel mezz biex tmanti lilha nnfisha u lil binthom, Curtis kien imħabbat ferm mal-bqija tal-grupp jirrekordja l-album aħħar tal-Joy Division, il-kapolavur Closer.

Jekk Unknown Pleasures kien sinjali li Curtis kien f’xifer il-preċipizju, Closer mhux biss kien konferma ta’ dan, imma kien testment aħħari li bejn il-linji jiżvela li ma kienx se jdum wisq ma jegħleb għal isfel. Lirikament huwa xogħol bil-bosta iżjed tqil u ftit li xejn jagħtik nifs, fil-waqt li mużikalment hu iżjed varjat u rfinat. Is-synths huma iżjed prominenti, id-drums jieħdu xeħta tribali, in-noti tal-kitarri huma iżjed ħorox u l-bass jżomm bejn wieħed u ieħor l-istess awtorità, fil-waqt l-vuċi ta’ Curtis tinqala’ iżjed, bħal donnu biex il-kontenut lirku jibqa’ l-attrazzjoni prinċipali.

Fi Closer Curtis ma jiċċajtax. Sa mill-ewwel silta, Atrocity Exhibition (Esebizzjoni Atroċi), Curtis jagħmilha ċara li ma tantx jinsab f’burdata li jdaħħak. Fil-fatt x’aktarx li Closer huwa wieħed mill-iżjed xogħlijiet dipressivi li qatt ġew irrekordjati, tant li ħafna saħansitra jassoċjawh mal-ġeneru Goth-Rock. Nemmen ukoll li kollox ma’ kollox bħala album jisboq kull xogħol li l-grupp irrekordja qabel. Iżda dwar dan mhux kulħadd jaqbel. Iżda bla dubju ta’ xejn, l-istorja tal-mużika ta’ dawn l-aħħar 25 sena kienet tkun ferm differenti li kieku Closer qatt ma deħer fuq l-ixkafef tal-ħwienet tad-diski.

L-iżolament ta’ Curtis fi Closer jibqa’ jippersisti, l-iżjed fis-silta Isolation: “Mother I tried, please believe me, I’m doing the best that I can, I’m ashamed of the things I’ve been put through, I’m ashamed of the person I am.” Iżda l-iżolamanet ftit li xejn jidher li serrħu wisq, għax kif nisimgħu fis-silta 24 Hours, Curtis jibqa’ jilmenta dwar l-intriċċi ostili ta’ l-eżistenza: “grey cloud hangs over me, marks every move, deep in the memory of what once was love... Just for one moment I thought I’d found my way, destiny unfolded, I watched it slip away.” X’aktarx li f’dan is-sens din hija l-iżjed waħda qawwija u sinifikanti, għax bejn il-linji tagħha Curtis donnu jiżvela minn fejn kien iddeċieda li jgħaddi: “Now that I’ve realised how it’s all gone wrong, got to find some therapy, this treatment takes too long, deep in the heart of where sympathy held sway, got to find my destiny, before it gets too late.”

Curtis ma damx wisq biex wettaq dal-ħsieb. Fil-fatt, ma lanqas biss kien laħaq ħareġ dan l-album li ma faqqgħetx l-aħbar li Curtis kien tgħallaq fid-dar tiegħu f’Macclesfield. L-aħbar ħasdet lil xi kulħadd, l-iżjed għax peress li kien spiċċa fi stat fejn kulħadd kien moħħu fih, fl-aħħar jiem ta’ ħajtu Curtis kien ħeba l-intenzonijiet tiegħu tajjeb billi rreċta li kien jinsab trankwill ħafna.

Iżda ma kienx hekk. Fis-17 ta’ Mejju, 1980, Ian Curtis ħassar l-appuntamenti li kellu ma’ xi ħbieb u ntefa’ jara l-film Stroszeck tad-direttur Ġermaniż Werner Herzog. Il-film jittratta dwar individwu li pprefera li jtemm ħajtu b’idejh milli jagħżel bejn żewġ nisa li kien iħobb. Hawn nistaqsi, jista’ jkun li f’dal il-mument tant kruċjali, Curtis kien qiegħed jidentifika ruħu ma’ dan il-karattru? Min jaf?! Kull ma nafu biċ-ċert hu li f’dawk il-ħinijiet ta’ l-aħħar Curtis kien qiegħed jara dan il-film waqt li jisma’ l-album The Idiot ta’ Iggy Pop.

Wara l-mewt tiegħu kienu ħarġu bosta teoriji dwar x’seta’ kien wasslu biex ħa pass daqshekk drastiku, iżda l-ebda waħda ma tista’ tiġi pprovata b’ċertezza. U l-ittra li kien ħalla lil martu qabel miet ftit li xejn titfa’ dawl fuq dan kollu, għax apparti l-bosta kontradizzjonijiet li kien kiteb fiha, Curtis imkien ma kien semma fuq xiex kien qiegħed iberren moħħu.

Kien ingħad ukoll li dan kien ġest extravaganti biex jibqa’ jitfakkar bħal ikoni oħrajn li mietu f’qasir il-għomor. Oħrajn, fosthom il-bassist tal-grupp Bernard Sumner, kienu tal-fehma li x’aktarx kienet il-marda li kellu jew il-mediċini li kien jieħu li litteralment ġennewh sal-punt aħħari ta’ l-awto-distruzzjoni. Teorija oħra kienet li Curtis kien inkwetat ferm dwar it-tour importanti li l-grupp kellu jibda fl-Istati Uniti ftit ġranet wara, l-iżjed għax kien jibża’ ħafna jivvjaġġa bl-ajru. Iżda skond martu, li ssostni li l-għażla ta’ Curtis kienet tabilħaqq konxja, żewġha ftit li xejn kien qiegħed iħabbel rasu dwar dan kollu. Hija temmen li Curtis kien jaf u deċiż li l-Istati Uniti ma kienx sejjer, jew aħjar, li ma kienx se jilħaq imur.

Il-kadavru tiegħu, li nstab minn martu stess wara li rritornat id-dar għajjiena minn lejl xogħol, ġie kremat fil-krematorju ta’ Macclesfield. Fuq il-lapida kommemorattiva tiegħu, martu għażlet li tnaqqax il-kliem Love Will Tear Us Apart, li huwa t-titlu tas-single ġojjell li l-grupp kien ħareġ ftit ġimgħat qabel. Fi kliemha stess, it-titlu tad-diska “kien jiddeskrivi eżattament kif konna qegħdin inħossuna lkoll.”


Il-mistoqsija li għamlet dwar id-destin ta’ żewġha kienet waħda profonda ferm. Hija domanda li jien nagħmilha lili nniffsi ta’ spiss: "Kemm wieħed irid ikun imtaqqal biex iħoss li l-mewt hi aqwa mill-ħajja?” Mistoqsija bħal din diffiċli tweġibha. X’aktarx li l-aħjar tweġiba għal din tinsab fis-silta The Eternal: “No words could explain, no actions determine, just watching the trees and the leaves as they fall.”

Mużika: Decades - Joy Division

Lil Julian Agius u Massimo Litrizza,
f'għeluq il-ħamsa u għoxrin anniversarju
ta' Closer u l-mewt ta' Ian Curtis.
Where have we been?
Where have we been?