Thursday, July 07, 2005

L-Akbar Ħassieb ta' Kull Żmien

Bħala parti mis-serje In Our Times, il-BBC Radio 4 nieda stħarriġ dwar min huwa l-akbar ħassieb ta' kull żmien. Il-votazzjoni fetħet xi xahar ilu u tagħlaq proprju llum f'nofs il-lejl. Jiena sirt naf biha llum wara nofs in-nhar u kelli xorti lħaqt ivvotajt. Bħas-soltu, jien dejjem tard! Jekk biħsiebkom tivvotaw f'dan l-istħarriġ, ħaffu għax il-votazzjoni se tagħlaq dalwaqt.

Niftakar xi sentejn ilu kont ivvotajt f'stħarriġ simili, li jekk m'iniex sejjer żball kien tal-BBC wkoll. Jiena kont ivvotajt lil Karl Marx, u nzerta li dak l-istħarriġ kien rebħu proprju hu. Fil-fatt kien ħalla lil kulħadd l-art.

Din id-darba jidher li Karlu Manju se jerġa' jagħmilha, għax milli qrajt, sa ġimgħatejn ilu kien reġa' qiegħed ixxamplat fil-quċċata tal-preferenzi tal-votanti. Warajh kien hemm il-ħawwadi Ludwig Wittgenstein, l-ultra-xettiku David Hume, l-idealista (imbroljun?) Platun u l-ġenju Immanuel Kant.

Ngħid is-sew f'għajnejja din il-klassifika temporanja naraha kemmxejn żobika. L-akbar oġġezzjoni tiegħi hawn huwa Wittgenstein. X'iż-żobb qiegħed jagħmel hemm fuq ma' l-ewwel ħamsa? Naħseb li Bertrand Russell kien ikun għażla ferm iżjed ovvja minn dik l-iskola ta' ħsieb.


Skond l-aqwa sit Marxista fuq l-eteru, dawk il-liba kapitalisti ta' l-Economist bdew iħeġġu lil qarrejja biex jidħlu jivvotaw ħalli jaqilgħu lil Marx minn hemm fuq. Meta qrajt din l-aħbar, mort nara nsibx dan l-appell f'xi ħarġa reċenti ta' l-Economist, iżda dwar dan fil-ħarġa li sibt ma rajt xejn. Kull ma sibt f'dan ir-rigward kien artiklu fjakk bis-subtitlu "Dead Ideology." Dan l-artikolist nofs kedda beda jipprova jargumenta li l-Komuniżmu hu ideoloġija mejta. Hmm, jista' jkun. Bħalma huma dawk il-miljuni ħutna li jmutu bil-ġuħ kull sekonda ma' l-erbat irjieħ tad-dinja. Anke dawk huma mejtin. Mhux hekk?

Is-sit ta' l-istħarriġ huwa interessanti ferm. Hemm sezzjoni estensiva dwar in-nominazzjonijiet li ressaq kull min kien interessat. Dan kien l-ewwel stadju ta' dan l-istħarriġ, fejn kulħadd seta' jinnomina l-ħassieb favorit tiegħu u jispjega l-għala għażel lilu. Ġew innominati bosta ħassieba minn kull skola u żmien, mill-filosofi Pre-Sokratiċi sal-ħassieba kontemporanji. Wieħed saħansitra nnomina lil eks-striker Franċiż tal-Manchester United Eric Cantona, u ddeskriva ben tajjeb il-kontribut tiegħu fil-filosofija kif ġej:

"He was the first to postulate with resorting to logical empiricism that the proximity of seagulls to trawlers is due not, a priori to the trawler itself, but to a sardine based reward system. He also disproved Cloughos theorem at Leicester that it only takes a second to score a goal."

Il-ħassieba li kkwalifikaw għall-istadju tal-votazzjoni, minbarra dawk il-ħamsa li diġà semmejt qabel, kienu dawn: l-ewwel sindikajr inkwiżittiv Sokrate, l-ikbar fost il-Griegi Aristotile u d-dell miskin tiegħu San Tumas Akwinu, l-ottimista Epikuru, id-duwalista René Descartes, il-monista ambigwu Baruch Spinoza, l-awtoritarju Thomas Hobbes, l-utalitarju John Stuart Mill, l-ontologu Nazista Martin Heidegger, it-taparsi-filosofu tax-xjenza Karl Popper, l-agnostiku u l-matematiku Bertrand Russell, l-individwalista ta' stoffa Søren Kierkergaard, l-eżistenzjalista bil-bajd Jean-Paul Sartre, dak l-iddisprat Arthur Schopenhauer u fl-aħħar iżda żgur mhux l-inqas, dak il-mustaċċun m'aħniex Friedrich Nietzsche.

Dwar dawn l-għoxrin finalist ukoll għandi xi riservi. U forsi mhux ħamsa, bħall-Onorevoli Fredu Sant! Bil-frejjeġ li ħareġ bihom Karl Popper f'għajnejja jkollu xorti jekk jissemma fl-istess nifs mas-Sur Gawdenz; minflok San Tumas Akwinu kont faċilment inpoġġi lil Santu Wistin; lil Mill narah wisq run-of-the-mill; u Hobbes interessanti, imma mhux li npoġġih ma' l-aqwa għoxrin.

Fost dawk li kont ninnomina kien ikun hemm qabel xejn il-koppja miġġiedla Eraklitu u Parmenide, żewġ imħuħ miċidjali u ferm influwenti; Demokritu, il-prekursur tal-fiżika atomika; Rousseau jew Voltaire, x'aktarx il-quċċata ta' l-Illuminiżmu; Hegel, li għad li kien moħħu fis-sħab kien x'aktarx l-iżjed ħassieb profond u spettakolari ta' l-istorja; Galileo u Darwin, żewġ stalletti kbar oħrajn f'dahar in-nagħaġ ta' Ġesù Qbiżtu; u Freud u Foucault, żewġ apoloġisti gwappi tan-nittien pervers li jien. Kont ninnomina wkoll lil Oscar Wilde ta' qalbi, l-iktar intellettwali-ala-bieb-żobbu u x'aktarx idolu kbir kemm ta' l-elite liberali u kemm tal-maskilisti ġentlomi.

Imbagħad hemm oħrajn li m'iniex ċert għandhomx isibu posthom mat-Top 20, imma xorta nemmen li ta' min ta' l-inqas isemmihom. Dawn jafu ma jkunux usual suspects, iżda xorta nqishom bħala honourable mentions. Fost dawn bla dubju hemm Talete minn Miletu, li kien waqqaf l-ewwel manikomju fl-istorja; il-matematiku Pitagora, li ried iċaħħadna mill-laħam u l-fażola biex ma tantx inbossu; Newton u Leibniz, żewġ matematiċi formidabbli oħra; ċertu Albert Einstein, kurżitajr relattiv ieħor; Theodor Adorno, mużikologu u ħassieb xellugi b'differenza; dak l-eroj minsi Ludwig Feuerbach, li kien spira lil Marx biex jibgħat lill-Assolut ta' Hegel l-insinwa; u Albert Camus, li ħadd daqsu qatt ma spjegali aħjar għala ħafna drabi nħossni aqqalla se niġġennen.

U biex għal darba nkun politikament korrett u semmejt mara, Simone de Beauvoir; mara tant intelliġenti li tarha mill-bogħod taħsibha raġel. Kandidat b'saħħtu ieħor huwa Zenone minn Elea, li kien tant ħaxxej u moħħu jilħaqlu li lanqas il-filosofi kollha ta' warjah ma laħħqu miegħu jew sabulu rkaptu.


U kif kont inkun fiż-żifna, kont forsi ninnomina wkoll lil Norman Lowell, bħala rikonoxximent xieraq għan-nisġa ideoloġika impressjonanti ta' l-Imperium Europa u talli kien ħabbrilna dwar dik is-suppiera tal-ħara. Għaliex le?

Jiena llum qajla għadni ngħodd ruħi bħala Marxist ortodoss, iżda kif diġà għedt qabel, jiena erġajt vvotajt għal Karl Marx. Din id-darba forsi b'xi ftit inqas konvinzjoni, iżda xorta waħda vvotajt lilu. Meta nsemmi lil Marx ħafna drabi ma jkollix f'moħħi lilu biss, iżda wkoll lil ħassieba simili kbar oħrajn bħal Leon Trotsky, Vladimir Lenin, Antonio Gramsci u naturalment, Frederich Engles. Fi kliem ieħor, dawk kollha li ddedikaw ħajjithom biex iħażżu l-linji-gwidi għal-liberazzjoni tal-klassi tal-ħaddiema.


Ovvjament fost dawn Karl Marx jibqa' l-ikbar wieħed, mhux biss għax kien proprju hu li ġie jitnejjek mill-kastelli fl-arja tal-ħsieb Idealist Ġermaniż, iżda wkoll għax, għal-lanqas fuq il-karta, lid-dijalettika libbisha libsa materjali u tanġibbli u ttrasforma lill-filosofija f'għodda prattika u f'strument tal-bidla. Kien forsi wkoll Marx li artikola l-aħjar iċ-ċaħda ta' kwalunkwe twemmin reliġjuż, u li kixef bl-aħjar mod possibbli l-mekkaniżmi vili li dawn jaħdmu bihom biex jgħammdu għajnejn il-masess opressi. Kien Marx ukoll li ddistingwa bejn ħidma li ssir sempliċiment għall-manteniment tal-ġisem u dik li ssir biex il-ħaddiem jiżviluppa fil-milja u d-dinjità sħiħa tiegħu.


Kien Marx ukoll li bħal sajjetta fil-bnazzi wissiena dwar il-limiti tal-loġika formali u dwar il-kontradizzjoni essenzjali li hemm moħbija f'kollox. Biex ma nsemmix ukoll it-twissija kontra l-aljenazzjoni u l-emfasi li, kontra dak li ħaseb ftit qablu Hegel, huwa l-bniedem li jiddetermina ċ-ċirkustanzi ta' madwaru u mhux bil-kontra. Fuq kollox, kien propju hu li laqat il-musmar fuq rasu dwar x'inhu l-akbar kankru li qiegħed jeqred lill-ispeċi tagħna, jiġifieri l-pussess tal-kapital u l-makkinarju tal-produzzjoni mill-ftit għad-detriment tal-ħafna. Dwar dan u l-klassijiet u l-inġustizzji soċjali li dan kollu jġib miegħu, Rousseau kien diġà tana xi ħjiel, iżda ħadd daqs Marx ma fehem u fiehem daqstant tajjeb il-loġika u l-mekkaniżmi ta' din is-sistema.

Madanakollu, hemm ideat Marxisti li jiena xi ftit jew wisq xettiku dwarhom. Fost dawn hemm ir-riġidità tal-materjaliżmu storiku, l-inevitabilità tal-ħolqien ta' dinja ugwali għal kulħadd u l-konvinzjoni tiegħu li n-natura tagħna hija waħda essenzjalment kooperativa sa mit-twelid. Kultant tiġini t-tentazzjoni naħseb li Macchiavelli kellu xi ftit raġun. Għaldaqstant, m'għadx għandi dik il-fiduċja għamja fir-rieda tajba tal-masess proletarji, tant li ġieli nasal nakkużahom klieb tagħhom innfushom u li, bħall-ġrieden kuntenti kif inhuma, jgħumu fil-ħara.

Barra minn dan, ma naqbel xejn ma' dawk il-Marxisti ortodossi li jsostnu li wara Marx il-ħassieba ma pproduċew xejn lant tixtarru. Dawn jemmnu li wara Marx il-filosofija spiċċat, x'aktarx għax jaraw kollox mill-perspettiva tal-klassi u ma jirrikon(għ)oxxux il-ħtieġa li nikkunsidraw ideat strettament maħsubin mill-individwu għall-individwu. Lili d-dogmi jdejjquli żobbi, u din mhux anqas. Ma nemminx li tista' tħares lejn il-bniedem mill-perspettiva tal-klassi biss, għax kull individwu għandu identitajiet u dimensjonijiet oħrajn li m'humiex neċessarjament influwenzati minn dawk ekonomiċi. Fil-fatt imorru lil hinn minnhom għax għandhom eżistenza awtonoma. Ngħidu aħna, Sartre tkellem ħafna dwar ir-relazzjonijiet umani, inklużi dwak sesswali/emozzjonali bejn iż-żewġ sessi. Fil-ħajja tal-bniedem din id-dimensjoni hi travolġenti. Iżda x'għandu xi jgħid il-Marksiżmu dwar dan? Ftit li xejn. U dan hu biss eżempju wieħed.

Għaldaqstant, nemmen li jiżbalja dak il-ħassieb xellugi li jillimita l-ħsieb tiegħu biss għal dak li jirrigwarda id-dinja tax-xogħol. Il-bniedem mhux bix-xogħol biss jgħix. U mn'alla! Kif kien irrimarka Herbert Marcuse, "
not every problem someone has with his girlfriend is necessarily due to the capitalist mode of production."

Għandi wkoll id-dubji dwar kemm il-Marksiżmu nistgħu nsejħulu xjenza fil-veru sens tal-kelma. Kultant nissusspetta li l-isforz biex din l-ideoloġija jippreżentawha bħala xjenza hu iżjed tentattiv biex jirrinforzawlha l-kredibilità milli konklużjoni tabilħaqq veritiera. Din tista' forsi titqabbel ma' l-allegata infallibilità tal-Papa.

Wieħed ma jridx jinsa li l-esperiment Komunista falla, jew aħjar fallewh. Warajna fl-istorja għandna massess kbar li għalihom il-kelma Marksiżmu hi xi ħaġa orrenda, tal-waħx. U ma tagħtihomx tort. L-istorja turina li l-Komuniżmu kien l-akbar gidba li blajna, ovjjament, wara l-Kristjaneżmu. But that goes without saying.

Madanakollu jiena xorta nemmen li
għal-umanità, dan l-ideal kif kien maħsub hu tant sabiħ u ta' fejda, li dejjem hu lant li l-bniedem jerġa' jipprovah. Jiena nemmen li dan għad narawh. Il-qilla tal-kapitaliżmu għad tant tiħrax li għad terġa' tixpruna fostna mewġa oħra ta' Komuniżmu. Dan huwa kunċett dijalettiku bażiku. Forsi mhux dejjem ireġi, imma meta jreġi, żurlu! Aħna x'aktarx ma nkunux hawn, imma li nqajjmu lin-nies mir-raqda li qegħdin fiha biex naħdmu għal dinja aħjar hija responsabilità tagħna lkoll.

Nispera li dak iż-żmien il-bnedmin ikunu ppreparati; tant konxji mill-qagħda miżera tagħhom li lesti jgħannqu lil ħuthom, huma min huma, biex flimkien jimxu 'l quddiem. U nispera wkoll li dak iż-żmien il-bnedmin, jew min jinzerta jkun qiegħed imexxihom, ikunu tgħallmu sewwa mill-iżbalji tal-passat, biex b'hekk ma jerġgħux jaħxu kollox u forsi fl-aħħar tassew nibdew paġna ġdida. Imbagħad inkunu nistgħu tassew nitkellmu dwar il-bniedem il-ġdid tas-seklu wieħed u għoxrin. Mill-bqija, jekk se nibqgħu aqalla nobgħodu lil xulxin, fejn aħna se nibqgħu. U addijo paċi, ġustizzja u ras żobbi!

U nittama wkoll, li dik id-darba l-Komuniżnu joffrielna arkitettura naqra deċenti, biex Immanuel Mifsud ma jkollux għalfejn igorr dwar kemm huma koroh il-flattijiet ta' Praga!


Minkejja dawn il-kunsiderazzjonijiet, xorta waħda nemmen li lil Marx it-titlu ta' l-akbar ħassieb ta' kull żmien jixraqlu. Nemmen li t-traġedji ta' l-istorja m'għandhomx għala jiskreditaw jew jaħxulu bla rkupru l-istatura intellettwali tiegħu. Nemmen ukoll, u bis-sħiħ, li jgħidu x'jgħidu l-apoloġisti tal-kapitaliżmu, il-ħsieb ta' Marx, jew aħjar il-moviment revoluzzjonarju li kien beda, għadu l-iżjed wieħed validu u relevanti għall-żmienijietna.

Jekk xejn, dan bħalissa qegħdin jixhduh dawk l-eluf ta' attivisti u dimostranti Marksisti li f'dawn il-jiem, b'sogru għal ħajjithom, inġabru fit-toroq Skoċċiżi biex jiddiżopprovaw il-kapitaliżmu u jappellaw għal sistema ġusta.

Jiena nazzarda ngħid li ċ-ċirkostanzi li nebbħu lil Marx jikteb fi żmienu m'humiex wisq differenti minn dawk li għandna llum. Il-forzi u l-fatturi ekonomiċi u soċjali tista' tgħid li baqgħu prattikament l-istess. Mhux imbilli issa għandna l-internet u ż-żobb ta' mowbajl fown!

Nasal biex ngħid ukoll, u forsi hawn se naħxi kollox, li anke kieku ma nemminx li Marx hu l-aqwa ħassieb ta' kull żmien, xorta waħda kont nivvota lilu. U dan b'appoġġ lil Marksiżmu, u bi sfida għas-sistema diżumana li tant jgħożżu l-mexxejja tal-G8, għax hekk jaqbel lilhom u lil sħabhom l-għonja u s-sidien tal-kapital.

Intant, waqt li huma jparlaw fil-vojt u jċekċku t-tazzi fi swali sbieħ quddiem il-ġurnalisti, miljuni kbar madwar id-dinja jmutu bil-ġuħ, bil-mard, jew bl-injoranza. Imbagħad forsi jaħfrulhom ftit dejn biex jidhru naqra sbieħ, ħalliha li mbagħad jinvaduhom bil-kumpaniji filantropiċi tagħhom biex ikomplu jħaxxnu iżjed bwiethom!


Forsi tgħiduli li b'vot simili kieku nkun qiegħed nikkommetti nuqqas intellettwali. Jista' jkun. Din hija akkuża li niffaċċja ta' spiss. Kif qalli dal-għodu kollega tiegħi mejjet bil-ġuħ: "Jiena ma nufx kif tifel ta' l-iskula bħulek għodu joħlom u jemmen bil-Kumunieżmu." Ma jimpurtax. Paċenzja. Onestament, f'dak il-każ jiena niġi altament ala bieb blogti mill-integrità intelletwali!

U intom, lil min tivvotaw? U għaliex?

Is-sliem.

Mużika: Is This The World We Created? - Queen