Tuesday, July 05, 2005

Daq(q)shekk!

Illum naħseb li ħadt deċiżjoni daqsxejn diffiċli, jekk mhux ukoll storika. Iddeċidejt li nieqaf inkabbar il-kollezzjoni mużikali tiegħi u nieqaf ukoll nipprova naġġorna l-katalgu tagħha fuq l-eteru. Qiegħed insejħilha kważi storika għax din hi l-ewwel darba f'għaxar snin, minn kemm ili nikkollezzjona bla heda, li kkunsidrajt nieħu tali paswsa.

Ili xi għaxar snin inniżżel albums, qxur (album covers) u liriki bla heda minn fuq l-eteru. Ma' dan trid tgħodd il-mijiet ta' albums li ħraqt minn CDs oriġinali. B'din ir-rata, ġieli saħansitra nqatta' iżjed ħin nilgħab ma' din il-kollezzjoni milli ndoqq u nisma' l-mużika.
Ara naqra x'ġenn! Illum il-kollezzjoni tiegħi tgħodd 'l fuq minn 2,500 album. Jekk jaqbduni dawk il-liba ta' IRAA żgur li jirrakomandawni għall-forka!


Imbagħad għandi kollezzjonijiet oħrajn. Fost dawn hemm kollezzjoni mdaqqsa ta' listi u klassifiċi miġburin minn bosta kritiċi tal-mużika li jaħdmu ma' pubblikazzjonijiet awtorevoli bħal Q, Rolling Stone u Mojo. Żmien ilu kelli wkoll kollezzjoni sabiħa ta' Mojo megazines, iżda jien l-għoxx darba tagħni estru u rmejt kollox!

Din il-biċċa xogħol teħodli ħafna u ħafna ħin, għax tinvolvi ħafna riċerka u dedikazzjoni. Jiena f'dawn l-affarijiet vera pittma. Wara li nniżżel album, li qabel xejn noqgħod b'seba' għajnejn li jkun ta' kwalità 192kbs jew iżjed, infittex il-lirika u l-istampi tal-qoxra tiegħu, kemm ta' wara u kemm ta' quddiem. Imbagħad nirranġa l-isimijiet tad-diski u l-partikolaritajiet tagħhom li jkun hemm fl-ID Tags. Dan x'aktarx huwa l-iżjed proċess tedjanti. Imbagħad inżidu mal-lista (ownership list) li nżomm fuq l-eteru u nieħu ħsieb ukoll naġġorna l-lista ta' dawk l-albums u EPs li rrid iżda li għad m'għandix. Din il-lista fadalli ħafna biex inlestiha. Fil-fatt għadni wasalt biss fl-ismijiet tal-gruppi u l-kunjomijiet ta' l-artisti li jibdew bl-ittra E!

Kif ngħaqqad xi 700 megabajt ta' albums minn grupp jew artist partikolari f'ordni strettament kronoloġika, naħraq dik il-kollezzjoni (li nsejħilha volum), fuq CD. Din taf tkun problema, għax mhux dejjem insib kull ma rrid f'ordni kronoloġika u għalhekk għad għandi biżibilju ta' discography gaps. Dan in-nuqqas iħallini b'turrun albums fil-hard disk mhux maħruqin, fil-waqt li l-ispazju vojt disponibbli jibqa' dejjem jonqos!

Min bħali huwa ossessjonat b'dan-nejk, jaf tajjeb li bosta albums wara ċertu żmien jerġgħu joħorġu għall-bejgħ. Tali album insibuh bħala reissue. Meta jiġri hekk ħafna drabi nirrabja, iżda xorta noqgħod nieħu paċenzja nfittxu mill-ġdid qisu xi nagħġa mitlufa. Ladarba nsibu u nniżżlu, nibdlu mal-qadim u ġieli jkolli naħraq kollox mill-bidu. Mhux l-ewwel darba li kelli nniżżel mill-ġdid diskografiji sħaħ bħal kornut. L-aħħar fost dawn kienet dik tal-Cure. Xi dwejjaq aqalla!

Din il-kilba għall-albums kulma jmur dejjem kompliet tikber u jekk nagħtiha l-lagħla ma tbatti qatt. Fil-fatt tant kibret li llum m'għadx għandi wisq ħin għaliha. Dan l-aħħar twikkejt b'wisq responsabbiltajiet. Qabel xejn, la twelidt fakinn fqir, ikolli mmur aq alla għax-xogħol bil-fors. Dan jixrobli 40 siegħa fil-ġimgħa, is-sentimenti ta' moħħi u forsi wkoll xi ftit snin minn ħajti. Imn'alla xogħoli għandu konnessjoni politika, għax b'din l-iskuża nkun nista' niskarta ftit biex naqra xi siti politiċi u ta' ġrajjiet kurrenti. Kieku ma kienx hekk, dan kien ikolli nagħmlu d-dar fil-ħin liberu u nkompli niġi aq alla ottu!

Barra minn dan, lejn l-aħħar tas-sena l-oħra bdejt Baċellerat fil-Filosofija bħala student estern ma' l-Università ta' Londra. Din teħodli ħafna mill-ħin li jifdalli, għax tinvolvi ħafna riċerka, qari, smiegħ ta' lectures u x'naf jien. Imbagħad hemm il-ħin li fih inqatta' nikteb jew nagħmel xi traduzzjonijiet, daqqa għal bżonnu daqqa għal bużż. Fakinn biżii l-bojj ustja madunna!

Ma rridx ninsa wkoll li l-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd inkun impenjat niddamdam m'alla. F'dawn it-tliet ijiem ma nagħmel kważi xejn għax ngħaddihom litteralment fil-qamar. Ġieli jkolli xorti niftakar min ikun wassalni lura d-dar il-lejl (jew l-għodwa) ta' qabel! U fuq din m'iniex lest li nċedi pulzier. Le ħej! Lanqas naf x'naf! Insir ħara kont u nsir ħara nibqa', għax kif qalilna dan l-aħħar s-Sur Tony Zarb, jew aħjar Timpanu, il-bniedem irid isib bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin liberu. Mhux li kien li kulħadd jifhimha bħalu! I wouldn't feel all so alone - Everybody must get stoned!


Għaldaqstant kontra qalbi kelli nara kif nagħmel biex forsi niggwadanja xi ftit ħin. L-ewwel ma tajjart kien il-ħin żejjed ninħexa niċċettja fuq iż-żobb t'eteru. L-irqad minn disa' sigħat naqqastu għal tmienja, u minflok erba' films fil-ġimgħa sirt nara tnejn. Iżda dan xorta ma kienx biżżejjed, u għalhekk kelli ndur għal affarijiet oħrajn, fosthom is-sigħat twal li nqatta' nindokra l-kollezzjoni mużikali b'tant għożża u żelu.

Madanakollu, xorta se nżomm ħin għal mużika. Qabel xejn dan ix-xahar biħsiebni nagħmel kopja fuq DVDs ta' kull m'għandi maħżun fil-hard disks tal-kompjuter. Ma jmurx nibla' xi virus (letali?) u nitlef aq alla kollox! Ovvjament se nħalli xi ftit ħin għas-smiegħ u għall-kitba u l-qari tar-reviews, li dejjem jeħduli madwar sagħtejn kuljum ma jmissu ma mkien! Wara kollox għandi mijiet ta' albums li għadni ma smajtx, u nagħmilx ħażin li issa nassimila tajjeb dak li diġà għandi qabel inkompli nżid iżjed.

Kemm se jirnexxili nżomm din ir-riżoluzzjoni ma nafx. Ma tridux wisq biex f'xi bloggata fil-qrib taqraw li jkun reġa' darli. Din il-kilba li għandi kbira wisq, ikbar minn dik għas-sigarretti, għall-inbid jew għal xi biżlejn ta' xi faħla.

U la qiegħed insemmi l-biżlejn, illum se nieqaf hawn, għax iddejjaqt nikteb u, bejnietna, ġieni aptit indoqqhomlu!

Mużika: We Rule The School - Belle & Sebastian



Ħatab: 4

Blogger Arcibald qal/qalet...

U sadattant bil-hin li qed tiffranka spiccajt tikteb dan il-blogg :)

9:09 am  
Blogger L-Imżebbel qal/qalet...

Bsart li xi ħadd se joħrġ biha din! U bir-raġun!

Ħafna mill-bloggi tiegħi niktibhom f'dik is-siegħa li forsi nkun ftit kwiet fuq ix-xogħol. Id-dar kull ma nagħmel indurhom ftit u nippublikahom.

Apparti dan, jiena l-blogg nużah għal finijiet oħrajn ukoll. Iżda dwar dan, nikteb aktar 'l quddiem. :)

1:10 pm  
Blogger Arcibald qal/qalet...

Nistennew u naraw mela :)

6:56 pm  
Blogger L-Imżebbel qal/qalet...

Naf li m'għandekx wisq fiduċja fija f'dan ir-rigward, ladarba taf kemm jien iffissat fuq il-mużika :)

12:57 am  

Post a Comment

<< Lura