Tuesday, July 26, 2005

Tagħlaqlix il-Bieb, Ma

Made the scene
Week to week 
Day to day 
Hour to hour 
The gate is straight 
Deep and wide 
Break on through to the other side 

(Break On Through – The Doors)


Daqq nofs il-lejl.

Issa sarilna l-ħin biex nieqfu mid-daħk u l-biki, nitfgħu d-dawl u nidħol norqdu, għax żmien ilu qalulna li għalhekk biss jiġi fuqna l-lejl. Il-jum għax-xogħol u l-lejl għall-irqad. U jekk nagħmlu hekk il-Bambin isir iħobbna ħafna u la mmutu jeħodna ngħammru miegħu x’imkien sabiħ fejn il-lejl ma jkunx jista' għalina.

Iżda xi ħadd darba qalli wkoll li l-jum jeqred lil-lejl u li l-lejl jaqsam lill-jum. U lil dan ix-xiħadd kultant żmien nisimgħu jsejjaħli u jittantani biex ninxteħet għal ħdejh x’imkien ieħor, x’aktarx f’xi ġnien maqtugħ għalih 'l bogħod lejn tarf il-lejl.

- Għada xogħol kmieni, hux?

- Iva, kmieni ħafna ma.

- Issa strieħ mela. Idħol strieħ...

- Iva ma, dalwaqt.

- Għalaqtu l-bieb ibni?


- Le ma. Il-bieb dal-lejl ma għalaqtux.

Il-bieb ħallejtu miftuħ beraħ biex min irid jidħol, jidħol. Forsi xi ħalliel ħieles jitħajjar jidħol jisraq l-għeluq t’hawn ġew u jkaxkar lili miegħu.

Il-bieb ma għalaqtux, biex x’ħin nistenbaħ noħroġ nixxejjer mar-riħ għall-arja t’hemm barra.

Tagħlaqlix dak il-bieb, ma. Il-bieb ħallijuli miftuħ għax qabel dħalt ħadt ħsieb niftħu biex forsi niftaħ mija.

Le, il-bieb m’għalaqtux, biex għada naħrab minn ħdejk bla ma ħadd jintebaħ.

Iżda meta għada ma ssibnix, la tibkinix. U la ssakkarx il-bieb warajja.

Dak il-bieb ħallih miftuħ u tagħlqu qatt u qatt. Għal-lanqas ħallih kemm kemm imbexxaq.

U waqt li tbexxqu la tibża’ xejn. Hawn ġew m’hawn xejn x’tisraq ħlief lili.

Għada qabel jisbaħ inbakkar u ndabbar rasi, iżda xi darba forsi għad niġi lura, nitolbok merħba, kenn u maħfra...

...Imbagħad tkun tista’ ssakkar, biex fl-aħħar forsi nidħlu nistrieħu.

Mużika: Break On Through – The Doors



Ħatab: 3

Anonymous Anonymous qal/qalet...

kif qatt ma tinstema l-muzika tijek?

12:58 pm  
Anonymous Anonymous qal/qalet...

L-Imzebbel diga' spjega li l-muzika li jindika fi tmiem il-posts m'hijiex audible fuq il-blog.

Hija biss il-muzika li jkun qed jisma' dak il-hin l-awtur/blogger.

8:25 pm  
Blogger L-Imżebbel qal/qalet...

Mil-lum 'quddiem ħafna drabi tkun tista' tisma' l-mużika tiegħi għax fl-aħħar irnexxili nsib irkaptu.

Il-mużika ta' l-aħħar bloggata tiegħi kienet ideali biex inniedi l-awdjo fil-blogg. Żgur aħjar mir-rakkont ta' l-avventurużi inċesti ta' Karmnu ta' Randu!

5:48 am  

Post a Comment

<< Lura