Wednesday, July 13, 2005

L-Akbar Ħassieb ta' Kull Żmien II
- We have a winner! We have a winner!

"And if you think it obsolete
Then you go back across the street”
Love - Maybe The People Would Be The Times or Between Clark & Hilldale

Fi bloggata reċenti kont ktibt dwar l-istħarriġ tal-BBC Radio 4 dwar l-akbar ħassieb ta' kull żmien. Kont ktibt ukoll dwar min kienu l-kontestanti innominati u dwar lil min kieku kont ninnomina jew le. Ovvjament, ma nqastx ukoll li nitkellem dwar il-vot tiegħi, li mar għal Karl Marx, u li nispjega l-għaliex għażilt lilu. Dak iż-żmien Marx kien qiegħed fil-quċċata, iżda l-votazzjoni kienet għadha miftuħa. Fil-fatt intemmet ftit tal-ġranet ilu.

Niftakar ukoll li kien sar attentat ta’ sabutaġġ mill-Economist biex itajjru lil Marx minn hemm fuq. Xi sorsi m’ilux żvelawli li l-Economist bdew jikkanvażjaw għal David Hume. Iżda dan kollu baqa’ f’wiċċhom, għax Marx reġa’ ħarat lil kulħadd. Fil-fatt, huwa rebaħ din it-tellieqa b’27.93% tal-voti. Warajh ġie proprju Hume 12.67%, u għandi nifhem, li li kieku ma kienx għall-appell ta’ l-Economist, x’aktarx li kienet tkun storja differenti.

Il-klassifika finali ta’ l-ewwel għaxra kienet din:
  1. Karl Marx (27.93%)
  2. David Hume (12.67%)
  3. Ludwig Wittgenstein (6.80%)
  4. Friedrich Nietzsche (6.49%)
  5. Platun (5.65%)
  6. Immanuel Kant (5.61%)
  7. San Tumas Akwinu (4.83%)
  8. Sokrate (4.82%)
  9. Aristotile (4.52%)
  10. Karl Popper (4.20%)
Minkejja li, kif naħseb li tissoponu, jiena ninsab kuntent ħafna li dan l-istħarriġ intrebaħ minn Marx, xorta waħda f’din il-klassifika finali hemm xi affarijiet li ma tantx nista’ nifhem.
  1. Għalija hija inkonċepibbli kif Ludwig Wittgenstein jista’ qatt isib ruħu fuq Nietzche, Platun u Aristotile. X’aktarx li dan ġara għax ivvotaw ħafna nies Brittaniċi, u Wittgenstein fir-Renju Unit inzerta jgawdi ċerta popolarità, speċjalment ma’ l-akkademiċi ta’ Cambridge. Madanakollu, nibqa’ nsostni li f’dak il-każ l-għażla ovvja kienet tkun Bertrand Russell. Fil-fatt ma kont nisknata xejn li kieku anke spiċċa ma’ l-aqwa għaxra.

  2. Wisq anqas nista’ nifhem li San Tumas Akwinu qabeż lil Sokrate u saħansitra lil Aristotile, meta kull min huwa midħla tal-filosofija jaf tajjeb li l-ħsibijiet tiegħu huma kopja Kristjana ta’ Aristotile stess. Fil-fatt fil-bloggata dwar dan l-istħarriġ kont ikkummentajt li Santu Wistin kien ikun kandidat ferm iżjed validu.

  3. Jidhirli wkoll li Aristotile ma marx tajjeb daqs kemm jixraqlu, l-iżjed meta wieħed iqis l-istatura ġganteska tiegħu fl-istorja tal-ħsieb u l-kontribut kbir immens li huwa kien ta fil-filosofija u f’ruxxmata oqsma oħrajn. Fil-fatt, nemmen li hu kien l-ikbar fost il-Griegi u ġieli saħansitra ddeskrivejtu bħala l-Leonardo d’Avinci tal-filosofija. U kif għedt qabel, x’aktarx li l-iżjed ħaġa offensiva f’dan ir-rigward hi li San Tumas Akwinu mar aħjar minnu.

  4. Kuntent li minn fost l-aqwa għaxra Karl Popper spiċċa proprju l-aħħar. Madanakollu, xorta deluż bil-fatt li rnexxilu jdeffes saqajh f’din l-istess klassifika.

  5. Ma kont sorpriż xejn li Hume spiċċa ma’ l-aqwa għaxra, kemm għax hu magħruf sew fost il-Brittaniċi, kemm għax fih inniffsu huwa ħassieb ta’ stoffa u anke għax naf li ngħata palata ġmielha mill-Economist. Madanakollu, il-fatt li spiċċa fit-tieni post narah xi ftit esaġerat u fażull, u kif diġà għedt qabel, f’din il-biċċa xogħol kollha kien hemm xi ftit tal-ħaxi.

  6. L-aħħar darba kont semmejt bosta ħassieba li żgur kont ninnomina għall-istadju final tal-votazzjoni, jiġifieri, ma’ l-aqwa għoxrin. Fost dawn kien hemm uħud li ma waslux sa dan l-istadju aħħari u għalhekk ma ħadux sehem. Issa, il-fatt li ħadd minn Descartes, Kierkegaard, Russell, Sartre u Spinoza ma biss intgħażel fost l-aqwa għaxra ddiżappuntani ħafna wkoll. U l-preżenza oġġezzjonabbli ma’ l-aqwa għaxra ta’ Wittgenstein, Popper u forsi ukoll Sant Tumas Akwinu nħossha tkompli żżidli xi naqra iżjed melħ fuq il-ferita wkoll.
Li kelli npoġġi l-għoxrin kontestant li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ skond l-ordni u l-preferenza tiegħi, naħseb li r-riżultat kien ikun xi ħaġa hekk:
  1. Karl Marx
  2. Aristotile
  3. Platun
  4. Sokrate
  5. Friedrich Nietzsche
  6. Søren Kierkegaard
  7. Jean-Paul Sartre
  8. Baruch Spinoza
  9. Immanuel Kant
  10. Rene Descartes
  11. Arthur Schopenhauer
  12. Bertrand Russell
  13. Epikuru
  14. Martin Heidegger
  15. David Hume
  16. Thomas Hobbes
  17. San Tumas Akwinu
  18. John Stuart Mill
  19. Ludwig Wiggenstein
  20. Karl Popper


Forsi tgħiduli li r-rebħa ta’ Marx hija waħda relattiva għax is-sistema ta’ l-għadd tal-voti kienet qisha first-pass-the-post. Jiġifieri, minkejja li Marx ġab l-ogħla perċentwal ta’ voti, xorta jibqa’ l-fatt li 72.07% tal-votanti ma għażlux lilu. Dan huwa veru, iżda f’stħarriġ bħal dan ma naħsibx li tista’ tuża sistema differenti, u ma nemminx li qatt jista’ jkun li xi ħassieb jispiċċa jġib 50% u wieħed tal-voti kollha mitfugħin. Inżid ukoll li l-qabża notevoli ta’ 15.26% li hemm bejn Marx u ta’ warajh tkompli tissiġilla iżjed is-suċċess li kiseb u tikkonferma wkoll li din kienet tassew rebħa mistħoqqa.

Nagħlaq din il-bloggata billi nistaqsi xi ftit mistoqsijiet:

  1. Meta wieħed iqis il-bokka kbira li l-Brittaniċi għandhom bil-ħassieba nattivi tagħhom, x’seta’ għamel lil Marx daqshekk attraenti f’għajnejn il-votanti?

  2. Jista’ jkun li dan ġej mill-fatt li għadha teżisti kuxjenza mifruxa li s-sistema kapitalista, illum jew għada, trid tispiċċa?

  3. Nistgħu ninterpretaw dan ir-riżultat bħala indikazzjoni li l-ideat ġenerali tal-Marxiżmu għadhom jitqiesu bħala alternattiva valida għall-kapitaliżmu? U jekk iva, kif jinkwadra dan kollu meta jitqiegħed f’perspettiva storika?

  4. Ħafna huma tal-fehma li bosta avvenimenti u skejjel ta’ ħsieb li ġraw u nibtu wara t-tieni gwerra dinjija skreditaw lil Marx u l-ideat tiegħu. Allura kif se nispjegaw li kważi ħadd minn dawn il-ħassieba, ma qata’ figura tajba?

  5. Tista’ r-rebħa ta’ Marx tissuġġerixxi li dawk li vvotaw, li bla dubju ħafna minnhom huma midħla sew tal-filosofija, huma maqtugħin mir-realtajiet ta’ madwarhom. Fi kliem ieħor, jista’ dan ifisser li l-filosofi, jew in-nies interessati fiha, m’humiex nies prattiċi?

  6. E il Fukuyama, che l'ha visto?!

Is-Sliem.

Mużika: Maybe The People Would Be The Times or Between Clark & Hilldale - Love

Aġġornament: Kif wasalt id-dar illum, għal xi raġuni, din il-bloggata ma sibthiex hemm. Fil-fatt kelli noqgħod nerġa' ntellagħha bħaċ-ċuċ. Tgħid isabotaġġawni ta' l-Economist? :)



Ħatab: 10

Blogger Arcibald qal/qalet...

Miraklu ras... ma ktibt "qalla" wahda f'bloggata sħieħa :)

Insomma dawn il-klassifiċi huma kollha suġġettivi wara kollox - ma naħsibx li ħassieba bħal Aristotile jew Sokrate jistgħu qatt jitqabblu ma' ħassieba relattivament riċenti bħal Marx jew Hume. Kemm is-sehem tagħhom kif ukoll id-dinja li għexu fiha kienu totalment differenti. Apparti l-fatt li l-enfażi hawn qegħda fuq il-teorist/filosofu meta din għandha tkun fuq it-teorija/filosofija nfisha. Issa jekk ħasibiex Ċikku jew Peppu - l-importanti huwa d-dawl li għandna fuq aspetti differenti taż-żummara ta' uman.

10:40 pm  
Anonymous Anonymous qal/qalet...

Marx, Nietszche, Hume u Kant forsi ma kienu jkunu hadd li kieku Aristotile, Sokrate, Platun ma kinux il-pijunieri tal-Hsieb Mahsub.

11:26 am  
Blogger L-Imżebbel qal/qalet...

Arċibald, jiena kont qiegħed inħares lejn x'kontribut taw biex il-ħsieb jiżviluppa u jevolvi, u kif il-preżenza tagħhom affettwat il-mod kif aħna ngħixu u naħsbu.

Ma nqastax ukoll li nara x'influwenza dawn kellhom fl-istorja tal-lbieraħ u jekk fi żminijietna l-ħsiebijiet tagħhom għadhomx validi.

Rigward dak li kkummenta l-qarrej anonimu, naħseb li għandu punt. Fil-fatt, biex inġib eżempju, Marx iddeskriva lil Aristotile bħala "the greatest thinker of Antiquity." Jekk rajtu sew l-ordni ta' kif poġġejthom jien, tindunaw li lil Sokrate, Platun u Aristotile tajthom preċedenza fuq kważi kulħadd. Wara kollox, kienu l-Griegi li ssettjaw l-aġenda tal-ħsieb uman, tant li wieħed jista' jargumenta li x-xejtriet tal-ħsieb kollha hemm qegħdin.

Pero' lil Anonimu nfakkru li x'aktarx ir-Radiohead illum ma kienu jkunu ħadd mingħajr il-Beatles u l-Pink Floyd. Imma taħseb li dan inaqqsilhom xi ħaġa?

Il-ħsieb hu xi ħaġa li tevolvi f'proċess dijalettiku. Marx, u qablu Hegel, kellu ħafna xi jgħid dwar din l-imbierka dijalettika.

3:07 pm  
Blogger L-Imżebbel qal/qalet...

...U rigward il-qalla, jiena sorpriż iżjed minnek. Xi ħaġa li qatt ma fhimt dwari hi kif meta nitkellem dwar materji bħal dawn it-ton tiegħi għandu tendenza stramba li jinbidel.

Xi darba għad nikteb xi ħaġa dwar il-fenomenu tad-dagħa f'ħalq il-Maltin. Nixtieq nargumetna li dak li ħafna jqisuh bħala dagħa, jien iżjed inqisu bħala idjoma.

Insomma, nispera li ma toqgfhodx aqqalla tara l-bloggati tiegħi biex tfittex il-(k)qallijiet. :)

3:15 pm  
Blogger Immanuel Mifsud qal/qalet...

ikolli nghid issa qbadt min int! kif int? nispera li tajjeb. u tantx tghid li kont nghallmek inkella jkun hemm xihadd li jiskanta kif int kont toqghod tistaporti l-omeliji tal-Ħadd tieghi. attent mill-krepuskolarità, ras!

5:05 pm  
Blogger Kenneth qal/qalet...

Xi darba għad nikteb xi ħaġa dwar il-fenomenu tad-dagħa f'ħalq il-Maltin. Nixtieq nargumetna li dak li ħafna jqisuh bħala dagħa, jien iżjed inqisu bħala idjoma.

Kont smajt li xi Ġermaniż kien kiteb teżi dottorali kollha kemm hi fuq id-dagħa Malti u l-effett psikoloġiku li jħalli, fis-sens li ħafna nies jużawh biex jiżvugaw.

Jekk din it-teżi teżisti veru, ta' min isibha, jaqlibha għall-Malti u jibda jqassamha fid-djar b'xejn mal-kwestjonarju li se jqassmu għaċ-Ċensiment f'Novembru li ġej. Taf int, kif inkunu fiż-żifna...

9:55 pm  
Blogger mistoqsija qal/qalet...

Trid tiftakar ukoll li persuni bhal Aristotli u Sokrate ghandhom hafna aktar pregju ghaliex kienu l-gheruq tal-linji tal-hsieb moderni. Zgur li Marx u Popper ma kienux jezistu minghajr il-hassieba ta' l-Antika Grecja.

Ps. Lil Demokritu hallejtu barra? :D

10:37 pm  
Blogger L-Imżebbel qal/qalet...

Insellimlek Immanuel.

Jiena mhux ħażin. Nispera li int tajjeb ukoll.

Kif irnexxielek taqbad min jien? U issa li qbadtni, se tagħtini copy, sir? :)

Rigward dawk l-omeliji, għandi ħafna xi ngħid. Fejn jidħol l-iżvilupp tiegħi fil-ħsieb, tajjeb jew ħażin, naħseb li dawk il-lectures dwar Achille Mizzi għalija kienu mumenti tassew definittivi.

Naħseb li dawk is-sentejn li qattajt il-Junior College kienu turning point ta' veru għalija. Ma naħsibx li qatt kien hemm żmien fejn iltqajt ma' daqstant għalliema li b'xi mod jew ieħor ħallew timbru fuqi. Din hi xi ħaġa li fl-Università kont relattivament xi ftit nieqes minnha. U llum iżjed u iżjed, għax qiegħed nistudja waħdi.

Kif kont għedt f'intervista reċenti ma' ġurnalista barranija, "my college days were a major turning point during my early formative years as a student… and I still can't understand why back then so many students weren't seeing it my way. I still regret that we didn't work it out

Na(q)rak, u sellili għal Melvin. :)

12:26 am  
Blogger L-Imżebbel qal/qalet...

mistoqsija, rigward Demokritu, lil dak mhux jien ħallejtu barra, iżda l-maġġoranza ta’ dawk li ħadu sehem fin-nominazzjonijiet. Fil-fatt fl-ewwel bloggata li ktibt f’dan ir-rigward, kont għedt li kont nikkunsidra ninnominah, avolja nistqarr li għandi simpatija ikbar lejn Eraklitu. Però għalija l-akbar diżappunt hawn kien kif Hegel ma ssemma mkien. Demokrazija eh?

Dwar il-Greċja Antika sa ċertu punt naqbel miegħek. Fil-fatt jiena għedt li x-xejriet fil-ħsieb kollha hemm qegħdin. Marx stess kellu ammirazzjoni kbira lejn il-ħassieba Griegi u rrefera ħafna għalihom fil-kitbiet tiegħu. Qabel xejn, it-teżi tad-Dottorat tiegħu għamilha fuq Demokritu, u l-idea bażika tal-process dijalettiku li tant tkellem dwarha għandi nifhem li silitha mill-ħsibijiet ta' Eraklitu. Dan jixhdu l-fatt li Hegel donnu kien jaħlef bih, tant li fir-rendikont ta’ l-Istorja tal-Filosofija tiegħu tgħidx x’eloġju għamillu: “Here we see land… There is no proposition of Heraclitus which I have not adopted in my Logic." (Hegel, History of Philosophy, Vol. I, p. 279.)

Madanakolu, f'għajnejja Marx fid-dinja tal-lum huwa ħassieb ferm iżjed relevanti. Fl-aħħar mill-aħħar waħda mill-iżjed realtajiet awtorevoli li hawn madwarna hija d-dinja tas-suq. X'aktarx li dawk kollha li bħali vvotaw lil Marx fuq dawn il-linji kienu qegħdin jaħsbu. Ma naħsibx li tista' targumenta li t-Teorija tal-Forom ta' Platun hija iżjed relevanti minn, ngħidu aħna, mill-ħsibijiet ta' Marx dwar l-aljenazzjoni u l-effetti xejn sbieħ tas-sistema tal-kapital. F'das-sens, l-iżjed idea Platonika li għadha relevanti hi l-allegorija ta’ l-agħar, li tista’ tinterpreta bħala appell lill-bniedem biex jistenbaħ mill-aljenazzjoni u jaħdem għal ċiviltà aħjar.

Il-faxxinu ta' Marx, jekk imkien ieħor, jinsab fil-mod ta' kif fehem u interpreta l-istorja tal-ħsieb uman u l-fenomeni ta' żminijietu, biex imbagħad sawwar filosofija li mhux talli wessgħet qatigħ il-fruntieri tal-ħsieb, iżda pprovdiet lill-umanita b'għodda ta' bidla. Kif kien kiteb hu stess, "the philosophers have hitherto interpreted the world in various ways. The point is to change it." (Marx's 11th Thesis on Feuerbach)

Ovvjament, inti mbagħad tista’ targumenta li r-Republika ta’ Platun hija aħjar mill-Komuniżmu, u x’aktarx li dak ikun dibattitu li ma jintemm qatt. Dan ukoll hu proċess dijalettiku. Jiena għandi ħabib tiegħi li jiddeffinixxi ruħu bħala Republikan Platonista, u lil dan ma nistennihx jippreferi lil Marx minn Platun. Jiena għażilt lil Marx għax ħafna mix-xejriet tal-ħsieb tiegħi hemm qegħdin.

Kif jgħid il-Malti, kulħadd jifraħ b’rixu ruħi. :)

1:07 am  
Blogger L-Imżebbel qal/qalet...

btw, min huwa interessat jista' jaqra r-reazzjoni assertiva ħafna ta' www.marxist.com dwar dan ir-riżultat fuq http://www.marxist.com/announcements/karl-marx-bbc-vote140705.htm. Minn dak is-sit tistgħu wkoll tniżżlu programm speċjali li ħejja l-BBC dwar Marx, bħala follow-up ta' l-istħarriġ.

Ngħid is-sew issa ndunajt li kkummentaw dwarha għax għadni ġej mill-qaħba xogħol u mejjet bi ngħas.

U issa ħa nieqaf hawn, għax naħseb li dejjaqtilkom kull m'għandkom bil-qaħba Komuniżmu ta' żobbi!

2:51 am  

Post a Comment

<< Lura