Sunday, March 12, 2006

Tradosofija: Sensiela ta' Traduzzjonijiet Filosofiċi
Għax il-ħajja mhix mistħarrġa mhux valapena tgħixha

Wara pawża pjuttost twila, bil-mod il-mod dan il-blogg issa reġa' qiegħed jieħu spinta, kemm fid-dehra u kemm fil-kontenut. F'dawn l-aħħar ġranet tista' tgħid li qattajthom litteralment imwaħħal mal-blogg inżabbab mat-template, għax wara ħafna snin, skoprejt mill-ġdid il-pjaċir ta' l-html u l-javascript u x'naf jien. Tant hu hekk, li skond is-sieħba tiegħi, li appik li nsibha wara l-bieb bit-tama li ma ninsabx imwaħħal mal-qaħbeċ internet, dan l-aħħar sirt bloggomanijaku u saħansitra "moħħni-mhux-hawn."

Iżda iżjed minn hekk, f'dan l-aħħar ġimgħat skoprejt ukoll il-pjaċir li nittraduċi kitbiet letterarji, fosthom kitbiet filosofiċi, li (s)fortunatament, fil-Malti ftit li xejn għandna minnhom. Dan seħħ l-iżjed bit-traduzzjoni tar-rumanz filosofiku
In-Nawżja, li aktarx hi l-iżjed biċċa xogħol ambizzjuża li qatt dħalt għaliha. Madankollu, minn żmien għal żmien, se nibda nittraduċi wkoll xi passaġġi filosofiċi qosra oħrajn ta' l-għażla tiegħi, l-iżjed sabiex naqta' xi ftit min-nawżja li kultant wieħed taf taqbdu meta anke l-għaxqa tiegħu tibda ssir rutina.

Għaldaqstant, dan ix-xahar se ntella' l-ewwel traduzzjoni f'din ir-rubriki/rokna/sensiela, li se ġġib l-isem ta' Tradosofia. Permezz ta' dan it-titlu, Tradosofija, irrid infisser "it-traduzzjoni tal-filosofija", fejn 'trado' tfisser 'traduzzjoni', u 'sofia' tfisser 'l-għerf', jew f'dan il-każ, anke sempliċiment 'ħsibijiet'. Tajjeb li nżid, la issa ġejt għaliha, li din is-sensiela kellha tagħmel parti mill-blogg l-ieħor tiegħi 'Bloggosofija', li xi darba kont bdejtu bil-moħbi iżda llum alla m'għamlu.

Il-passaġġi magħżula mhux neċessarjament ikunu ta' ħassieba mastuċċani jew ta' individwi li akkademikament jappartjenu strettament lill-qasam tal-filosofija f'sens tradizzjonali, jew kif insibhom jien, textbook philosophers. Fil-fatt l-ewwel test li se nittraduċi ma nkitibx minn xi filosofu, iżda minn fotografu. Madankollu, xorta waħda nqisu bniedem viżjonarju li għandu filosofija valida ħafna xi jwassal.

Din is-sensiela, flimkien mat-traduzzjoni ta' In-Nawżja u t-traduzzjonijiet l-oħrajn li qegħdin jagħmlu t-tradutturi ta' Il-Kuntest, għandha mnejn isservi wkoll ta' risposta f'waqtha għal dawk li jaħsbu li lsienna m'hux adattat għat-traduzzjoni, jew agħar minn hekk, li ladarba nistgħu naqraw bl-Ingliż m'hemmx bżonn jew lok li jsiru traduzzjonijiet bħal dawn.

Dawn it-traduzzjonijiet la se jkunu twal ħafna u lanqas se jidhru ta' spiss wisq, aktarx xi darba jew darbtejn fix-xahar. Sewwasew kull meta, la naf u lanqas irrid ngħid, għax wara l-esperjenza kerha ta' l-interruzzjoni tas-sensieli 'Anniversarji Kwinarji ta' Albums' u 'Tant Snin Ilu', f'dan is-sens ikkommettejt ruħi li ma nikkommetix iżjed ruħi.

Ta' min ninnota wkoll li l-passaġġi li nagħżel mhux bilfors ikunu jirriflettu l-ideat u l-fehmiet personali tiegħi, u għaldaqstant dawn it-traduzzjonijiet m'għandhomx jittieħdu bħala promozzjoni ta' xi idea partikulari jew oħra. Se jkunu siltiet tradotti sabiex qabel xejn inqanqal l-interess, il-ħsieb u forsi wkoll id-dibattitu, l-iżjed dwar dawk il-ħwejjeġ li f'għajnejja huma l-iżjed importanti u anke urġenti. Wara kollox, kif kien qalilna Sokrate, "il-ħajja mhix mistħarrġa mhix lant tgħixha..."

Mużika: Principles of Lust I: Sadness - Enigma



Ħatab: 2

Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Idea mill-aktar nobbli, sur Imżebbel. Se nieħu gost naqra din ir-rubrika li għadek kemm nedejt.

Prosit ukoll ta' l-affarijiet li żidt mal-ġenb... biss naħseb li se tispiċċa tiġġennen taġġorna l-iżbarra kuljum jew kull ġimgħa skond xi tkun rajt/qrajt/smajt... il-bloggomanija taf tkun qalila kultant!

11:12 pm  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Hawn, fejn iż-żikk marret il-ħatba li xħett il-bieraħ?

6:52 am  

Post a Comment

<< Lura