Wednesday, March 15, 2006

Tradosofija (1)
Genial-Genital - Manuel Laval
Mill-ħelsien mis-sesswalità għall-ħelsien fis-sesswalità

Parti kbira mill-kultura tagħna għandha x'taqsam mas-sħubija u s-sesswalità. Madankollu, ċerta żona mill-ġisem tinżamm kważi dejjem 'l bogħod mill-għajn.

Il-ġenitali jintwerew biss, sa ċertu punt, fil-pornografija. Darba f'mitt qamar jiddaħħlu f'kuntest estetiku u kulturali.

Hemm lakuna fil-kultura tagħna - post mhux magħruf fil-mappa tar-relazzjonijiet tagħna.



Permezz tal-fotografija tiegħi, jiena nipprova nimla dan il-vojt kulturali u nħeġġeġ lin-nies biex jaħsbu dwar l-attitudni tagħhom lejn il-ġisem tagħhom stess u ta' ħaddieħor. L-intenzjoni tiegħi hija li ngħin lin-nies jieħdu gost iħarsu.

Ir-ritratti tiegħi jistiednu lil min ikun qiegħed jara sabiex jesperjenza it-tnemmis bħala xi ħaġa kemm pjaċevoli u kemm pożittiva.


Wara kollox: kull m'huwa eċitanti jista' jkollu wkoll valur estetiku.

Għaldaqstant... jiena nistiednek biex tħares u toħlom, jew biex taħseb - waħdek, jew ma' xi ħaddieħor, jew...


L-ISFOND


Il-fotografija tiegħi għandha l-għan li teħodha kontra t-tabujiet sesswali li daħlulna 'l ġewwa.


Imma għala issa, minn tant żminijiet, u kontra liem tabujiet, meta fil-midja għandna rapporti donnhom ma jispiċċaw qatt rigward il-pornografija tat-tfal u l-kummerċ tal-bniet u n-nisa? Għaliex issa, meta l-iċken dettalji ta' attività sesswali jew imġiba personali, bħall-eżempju klassiku ta' l-affari Clinton-Lewinsky, jinħarġu fil-beraħ waqt il-programmi ta' diskussjoni, fl-istampa u f'mezzi tax-xandir oħrajn...?

Għaliex issa, meta spiss nisimgħu ilmenti li kollox jgħaddi u li kulħadd jista' jgħix kif irid? Jekk wieħed jgħarbel sewwa, jidher ċar li l-kunċett ta' "ħelsien sesswali" huwa superfiċjali u mistħajjel. Huwa biss fl-esplorazzjoni ta' l-erotiċiżmu fil-pornografija, fil-prostituzzjoni, fl-ispettakli ta' l-istriptease, fir-reklamar u fil-ġurnali senzazzjonali li hija tassew mingħajr limiti. Anke l-materjal illegali huwa aċċessibbli kważi għalkollox, u hemm kummerċ dejjem jikber fil-pornografija tat-tfal.

Il-kummerċjalizzazzjoni tas-sesswalità ma żżommx 'l bogħod lanqas minn kwistjonijiet problematiċi bħall-pornografija tat-tfal, l-AIDS u l-vjolenza. Dawn is-suġġetti jintwerew fil-pubbliku b'ħafna daqq ta' trombi u, minflok ikunu eżaminati b'mod sensibbli, iferrxu sensazzjoni isterika mas-soċjetà kollha kemm hi. Li wieħed jara l-figuri huwa meqjus iżjed importanti mir-rapportar ċar, mid-dibattitu miftuħ u mill-esperjenza senswali ġenwina.

Is-sesswalità, bħala l-isbaħ esperjenza interpersonali, hija ddominata l-iżjed mill-flus. Is-sess irħis issibu kullimkien u t-trivjalità tisboq lis-sesswalità. Ir-riżultat huwa li s-sess u l-erotiċiżmu ttebbgħu, u issa ftit li xejn jistgħu jiddaħħlu b'mod mhux preġudikat f'xi kuntest kulturali.

Numru kbir ta' artisti jistħu jindirizzaw u jirrappreżentaw l-erotiżmu, għax jibżgħu li jiġu ttimbrati bħala baxxi. Jeżisti wkoll xkiel konkret, bħal ma hija ċ-ċensura fuq it-televixin u fiċ-ċinema, u nervożiżmu fost l-organizzazzjonijiet li jagħtu għotjiet u edituri.


Għal dawn ir-raġunijiet, m'huwiex possibbli li ġo film kulturali tinkludi xena erotika mingħajr tabujiet bla ma jaqa' suspett fuqek li qiegħed ixxandar ħwejjeġ mhux xierqa. Xeni permessibbli jispiċċaw jitbiċċru mill-awto-ċensura, minkejja li jistgħu jkunu tajbin għall-film, għax xena waħda espliċita żżejjed ikollha mnejn thedded il-proġett kollu minħabba problemi legali, ċensura, prospetti ta' reklamar internazzjonali fjakki u x'naf jien...

Hemm suq daqsiex fil-pornografija. Ix-xewqa ta' l-individwu li jikkonsmaha hija wkoll leġittima - u għaliex le? Madankollu, il-pornografija jkun fiha dejjem l-istess ingredjenti: tbeżlik, ħaxi u rdigħ ta' żbub. Din hija sesswalità ta' iġri u ġerri; il-kreattività u l-fantażija jitħallew barra mill-istorja.

Sa fejn għandha x'taqsam il-kultura, jew x'jista' jissejjaħ b'dan l-isem, wieħed ma jsib kważi xejn. Il-mużewijiet ta' l-arti erotika s-soltu juru biss is-superfiċjali, jew, mill-ġdid, pornografija biss. Trid tkun fula f'qargħa biex issib xogħlijiet artistiċi jew antikitajiet minn kulturi oħrajn li jixhdu li l-erotiċiżmu u s-sesswalità jistgħu jiddaħħlu fl-arti u fil-ħajja ta' kuljum mingħajr mistħija....

Ħafna relazzjonijiet spiss ifallu kaġun ta' nuqqas ta' sodisfazzjon sesswali. Il-komunikazzjoni bejn il-koppji dwar il-ħolm u x-xewqat erotiċi tagħhom għad għandha t-tendenza li tkun mill-inqas u miżmuma mill-inibizzjonijiet. Bosta individwi jiskantaw x'jistgħu jaħsbu dwarhom is-sieħeb jew is-sieħba tagħhom li kellhom jesprimu x-xewqat veri tagħhom. Għadd kbir ta' relazzjonijiet huma miżgħudin bil-possessività, mill-għira u min-nuqqas ta' komunikazzjoni jew ta' ftehim.

Il-kultura erotika ta' żmienna għandha t-tendenza li tbegħdna minn xulxin u tkaxkarna 'l bogħod mill-esperjenza attwali. Fl-aħħar mill-aħħar taqa' taħt il-madmad tal-klixés.


UTOPJA


Il-kultura huwa proċess li dejjem jiżviluppa. L-Utopja tiegħi hija dinja fejn l-erotiċiżmu jiżviluppa fil-kultura sakemm ikun diskuss u rikonoxxut b'mod miftuħ daqs l-ikel, il-mużika u l-isport. Hemm ikollok skambju mhux preġudikat ta' l-ideat. Dan iġib lid-daħk antipatiku, liċ-ċajt oxxen u lill-vulgarità mhix mitkellma bejn l-irġiel u n-nisa bla bżonn. It-tnemmis isir pjaċevoli u jinħasel mit-tebgħa tal-korruzzjoni. Ma jibqax iżjed xi ħaġa negattiva, u jsir kwistjoni ta' ħars b'sens ta' tqanqil u interess estetiku.



L-esibizzjoniżmu, jiġifieri li turi lilek innifsek, u x-xewqa li jħarsu lejk, titqies bħala xi ħaġa ta' gost u ma tibqax moħbija jew ristretta għal erba' min-nies jew ftit postijiet (fejn isiru l-istriptease, il-pornografija u l-bqija), fejn il-kummerċ u l-ostrċiżmu jgħarrqu l-kultura f'attivtà tal-ħabba gods. [....]

Manuel Laval


Mużika: The Principles of Lust II: Find Love - Enigma



Ħatab: 2

Blogger Hsejjes qal/qalet...

Imzebbel, I am impressed.

8:10 am  
Blogger Pawlu qal/qalet...

Bilhaqq... sibt din l-istampa...
ta skultura...

http://i2.tinypic.com/t67ybr.jpg

12:10 pm  

Post a Comment

<< Lura