Monday, November 30, 2009

Il-Kanzunetta ta’ Mħabba – Nick Cave

(Nota tat-traduttur: Din it-taħdita kienet ingħatat mill-kantawtur Awstraljan Nick Cave fl-Akademie der bildenden Künste Wien ta’ Vjenna fil-25 ta’ Settembru, 1999.
Il-test oriġinali bl-Ingliż jista’ jitniżżel minn hawn. Biex tniżżel u tistampa din it-traduzzjoni (mingħajr stampi) f’verżjoni word agħfas hawn.
Hawnhekk tistgħu ssegwu wkoll vidjo ta’ intervista li kienet saritlu dwar din it-taħdita.
Verżjoni estensiva ta’ din it-taħdita moqrija minn Nick Cave innifsu tista’ tinstema’ fir-reġistrazzjoni The Secret Life of the Love Song / The World Made Flesh.
Ħajr lil John Degiorgio għall-qari tal-provi.)



Taħdita: Il-Kanzunetta ta’ Mħabba
Kelliem: Nick Cave
Post: Akademie der bildenden Künste Wien, Vjenna
Data: 25 ta’ Settembru, 1999
Traduttur: Kevin Saliba


Sinjuri,

L-istedina biex niġi hawnhekk ħalli ngħallem, nagħmel taħdita, biex ngħaddilkom l-għarfien li ġbart dwar il-poeżija, dwar il-kitba tal-kanzunetta, qajmet fija bosta sentimenti konfliġġenti. L-iżjed wieħed qawwi u insistenti minnhom għandu x’jaqsam ma’ missieri – illi llum m’għadux magħna – li kien għalliem tal-Letteratura Ingliża fl-iskola superjuri fejn li nattendi l-Awstralja. Għad għandi memorji ċari ħafna ta’ meta kelli xi tnax-il sena, bilqiegħda, kif qegħdin intom bħalissa, fi klassi jew sala tal-iskola, u kont nara ’l missieri, li kien ikun bilwieqfa, hawn fuq, bħal fejn ninsab issa, jien u naħseb bejni u bejn ruħi, dgħumi u miżerabbli, għax iżjed iva milli le jien kont tifel dgħumi u miżerabbli, “nagħmel x’nagħmel b’ħajti l-aqwa li ma nispiċċax bħal missieri.” U t’erbgħin sena donnu kważi m’hemmx ħaġa waħda milli nagħmel illi ma tqarribnix iżjed lejh, li ma ġġibnix iżjed bħalu. T’erbgħin sena sirt bħal missieri, u hawn jien, ngħallem.

Li xtaqt nagħmel hawnhekk hu li nitkellem daqsxejn dwar “il-kanzunetta ta’ mħabba”, rigward l-approċċ personali tiegħi lejn dal-ġeneru ta’ kitba tal-kanzunetta, li nemmen li kien sewwasew fil-qalba tal-attività artistika partikulari tiegħi. Nixtieq nagħti ħarsa lejn xi xogħlijiet oħrajn, illi, għal xi raġuni jew oħra, ngħoddhom bi bravuri sublimi f’din l-iżjed dedikazzjoni artistika nobbli minn kollha: il-ħolqien ta’ kanzunetta kbira ta’ mħabba.

Meta nħares lura lejn dawn l-aħħar għoxrin sena, toħroġ ċerta luċidità. Qalb il-ġenn u l-pandemonju kollu, jidher li kont qiegħed intanbar dejjem fuq l-istess tanbur. Jidhirli li l-ħajja artistika tiegħi kienet iċċentrata madwar sforz biex inlissen in-natura tas-sens – li kważi jintmess bl-idejn – ta’ dik it-telfa li ddettatli ħajti. Fid-dinja tiegħi, tberrħet ħofra immensa bil-mewt xejn mistennija ta’ missieri, meta kelli dsatax-il sena. Il-mod li bih tgħallimt nimla dil-ħofra, dal-vojt, kien il-kitba. Missieri għallimni dan bħal donnu biex iħejjini għal mewtu. Il-kitba tatni aċċess dirett għall-immaġinazzjoni tiegħi, għall-ispirazzjoni, u fl-aħħar mill-aħħar, għal Alla. Bl-użu tal-lingwa skoprejt li bil-kitba kont qiegħed inkewwen l-eżistenza t’Alla. Il-lingwa saret dik il-gverta li kont nitfa’ fuq ir-raġel inviżibbli, illi lilu kienet tagħtih il-forma u s-sura. It-tagħmil t’Alla permezz tal-kitba tal-kanzunetta ta’ mħabba baqa’ l-motivazzjoni ewlenija tiegħi bħala artist. Aktarx il-kanzunetta ta’ mħabba hija l-iżjed don uman awtentiku u distintiv biex wieħed jagħraf ’l Alla, u d-don illi saħansitra Alla stess jeħtieġ. Alla tana dad-don sabiex Lilu nlissnuh u nkantawh, ħaj, għax Alla jgħammar fil-komunikazzjoni. Li kieku d-dinja kellha ħabta u sabta taqa’ fil-muta, Alla jisfa dekostrutt u jmut. Kien Ġesù Kristu stess li qal, f’waħda mill-isbaħ stqarrijiet tiegħu, “fejn hemm tnejn jew tlieta miġburin f’ismi, hemm jiena fosthom.” Kien qal hekk għax kull fejn tnejn jew iżjed jinġabru flimkien ikun hemm il-lingwa. Sibt li l-lingwa saret ġbara fuq il-ġrieħi li sofrejt bil-mewt ta’ missieri. Il-lingwa saret il-wens li jdewwi t-tixwiq.



Minkejja li l-kanzunetti ta’ mħabba jistgħu jieħdu diversi xejriet – kanzunetti ta’ qima u tifħir, kanzunetti ta’ rabja u disprament, kanzunetti erotiċi, kanzunetti t’abbandun u telfa – dawn kollha kemm huma jindirizzaw ’l Alla, għaliex huwa proprju fl-imkejjen msaħħra tat-tixwiq li tassew tgħix il-kanzunetta ġenwina ta’ mħabba. Hija għawja fil-baħħ, għall-Imħabba u għas-sabar, u tgħix fuq xofftejn tat-tfajjel li jibki għal ommu. Hija l-għanja tal-maħbuba li teħtieġ lill-maħbub tagħha, id-dagħdigħa tal-karràb li jraħħam ’l-Alla tiegħu. Hija l-bikja ta’ xi ħadd imjassar mal-art, mal-ordinarju u mal-mundan, li jixxennaq għat-tajran; tajran fl-ispirazzjoni, fl-immaġinazzjoni, fid-divinità. Il-kanzunetta ta’ mħabba hija l-ħoss tal-isforzi tagħna biex insiru bħal Alla, biex nittraxxendu l-irmiġġar tal-art u l-medjokri.

It-telfa ta’ missieri, skoprejt jien, f’ħajti ħolqitli vakum sħiħ, spazju li fih kliemi qabdu jifflowtjaw, jinġabru, u jsibu l-milja tagħhom. Il-kbir W.H. Auden kien qal li “din l-hekk-imsejħa tiġriba trawmatika mhix xi aċċident, iżda opportunità li t-tfajjel ikun qed jistennieha bi ħġaru – li kieku ma tiġrilux issib oħra – sabiex ħajtu ssir kwistjoni serja.” Il-mewt ta’ missieri kienet “it-tiġriba trawmatika” li tkellem dwarha Auden, li ħalliet ħofra ħalli Alla jimlieha. Kemm hi sabiħa din l-idea li nkunu proprju aħna li nġibu b’idejna d-diżgrazzji tagħna, u li huma l-forzi kreattivi ta’ ġo fina li jkunu l-kaġun ta’ dan kollu. Aħna lkoll għandna l-ħtieġa li noħolqu, u n-niket huwa att kreattiv. Il-kanzunetta ta’ mħabba hija kanzunetta ta’ diqa, hija l-ħoss tan-niket innifsu. Ilkoll kemm aħna nġarrbu fina dak li l-Portugiżi isejħulu Saudade, li tista’ tittraduċih bħala sens ta’ tixwiq li ma jitfissirx, tixniq bla isem u oskur tar-ruħ, u huwa sewwasew dan is-sentiment illi jgħix fl-isferi tal-immaġinazzjoni u l-ispirazzjoni, u li huwa l-art għammiela tal-kanzunetta mnikkta, għax il-kanzunetta ta’ mħabba hija d-dawl t’Alla, li tfernaq minn ġo ġriħitna sa mill-qigħan tagħna.

Fit-taħdita tiegħu, li jisimha It-Teorija u l-Funzjoni tad-Duende, Federico García Lorca jipprova jixħet xi ftit dawl fuq l-enimma u d-diqa ma titfissirx li taħji l-qalba ta’ ċerti opri artistiċi. “Kull ħaġa li għandha ħoss kiebi fiha d-duende,” jgħid, “dik il-qawwa misterjuża li jħossha kulħadd iżda l-ebda filosofu ma jfissirha.” Fil-mużika Rock kontemporanja, li hu l-qasam li naħdem fih jien, donnu l-mużika m’għandhiex daqstant tendenza li jkollha r-ruħ tagħha, irrekwieta u mirgħuda, dak in-niket illi jitkellem dwaru Lorca. Eċċitament, ta’ spiss; rabja, xi kultant: iżda niket sadiq, rari. Bob Dylan dejjem kellu minnu. Leonard Cohen jaħdem sewwasew fih. Wara Van Morrison isus qisu kelb, u għad li jipprova jiskartah, ma jirnexxilux. Tom Waits u Neil Young isejħulu u jiġi. Lil Polly Harvey jitturmentaha. Sħabi d-Dirty Three għandhom minnu biex ibiegħu. Lill-grupp Spiritualized iqanqalhom. It-Tindersticks iriduh b’saħħa, iżda kollox ma’ kollox, jidher li d-duende hija fraġli wisq biex tkampa mal-brutalità tat-teknoloġija u mal-aċċellerazzjoni dejjem tlebbet tal-industrija tal-mużika. Għandu mnejn fin-niket m’hemm tmegħix ta’ xejn, fid-duende m’hemm l-ebda dollaru. In-niket u d-duende jeħtieġu l-beraħ ħalli jieħdu n-nifs. Il-malinkonija tistmerrha l-għaġġla, tifflowtja fis-skiet. Wieħed irid jittrattaha b’kawtela.



Kull kanzunetta ta’ mħabba għandu jkollha d-duende. Għax il-kanzunetta ta’ mħabba qatt ma tkun tabilħaqq kuntenta. Qabelxejn jeħtiġilha tħaddan magħha l-potenzjal għall-uġigħ. Dawk il-kanzunetti li jparlaw fuq l-imħabba bla ma jkollhom xi weġgħa jew tnehida fi vrushom m’huma kanzunetti ta’ mħabba xejn, iżda pjuttost kanzunetti ta’ mibegħda bil-kostum ta’ kanzunetti ta’ mħabba, u m’għandniex noqogħdu fuqhom. Dal-kanzunetti jċaħħduna mill-umanità tagħna u mid-dritt li ngħatalna minn Alla li nkunu mnikkta, u jniġġsu l-imwieġ tar-radju kollha. Fil-kanzunetta ta’ mħabba jrid jidwi t-tpespis tad-diqa, iċ-ċenċil tas-sogħba. Il-kittieb li jirrofta jistħarreġ l-inħawi oskuri tal-qalb qatt m’hu ser ikollu l-ħila jikteb b’mod konvinċenti dwar l-għoġba, il-maġija u l-ferħ tal-imħabba, daqs kemm ma tistax tafda t-tjieba jekk din ma tkunx ħadet in-nifs mill-istess arja tal-ħażen. Qed tiġini f’rasi hawnhekk il-metafora dejjiema ta’ Kristu msallab bejn żewġ kriminali. Mela allura, fil-binja tal-kanzunetta ta’ mħabba, fil-melodija, fil-lirika tagħha, wieħed għandu jħoss u jagħraf id-dispożizzjoni li jkollha għat-tbatija.

Fil-kanzunetta eċċezzjonali tiegħu Perfect Day, Lou Reed jikteb, bħal kważi fi djarju, l-avvenimenti li jsawru “ġurnata perfetta.” Hija ġurnata li tikkorrispondi mal-ġmiel skjett tal-imħabba, fejn huwa u l-maħbuba tiegħu joqogħdu bilqiegħda fil-park jixorbu s-sangrija, jitimgħu l-annimali fiż-żu, imorru jaraw film eċċetera, iżda huma dawk il-linji li b’sogħba, fit-tielet vers, “I thought I was someone else, someone good,” illi minn kanzunetta sentimentali bħall-oħrajn jittrasformawha fil-kapolavur ta’ malinkonija li hi. Dawn il-linji mhux biss iwaħħmu bil-falliment u l-mistħija, iżda f’termini iżjed ġenerali jfakkruna fin-natura effimera tal-imħabba nnifisha – li ser jgħaddi l-ġurnata tiegħu “fil-park”, iżda wkoll li bħal Cinderella, li jkollha tirritorna f’nofsillejl fil-ġmied u l-irmied tad-dinja diżilluża tagħha, tant ieħor huwa jkollu jmur lura għal dak il-jien tas-soltu, il-jien ħażin tiegħu. Huwa proprju mill-baħħ li did-diska tixref, imlibbsa bit-telfa u t-tixniq.

Ta’ madwar għoxrin sena bdejt naqra l-Bibbja, u sibt, fil-proża brutali tat-Testment l-Antik, fit-taħsis tal-kliem u x-xbihat tiegħu, għajn bla tmiem ta’ nebħ. L-Għanja tal-Għanjiet ta’ Salamun, aktarx l-ikbar kanzunetta ta’ mħabba li qatt inkitbet, kellha fuqi impatt tremend. In-natura espliċitament erotika tagħha, il-vjaġġ metaforiku magħmul mal-iġsma tal-maħbubin – żejżiet imqabbla m’għenieqed tal-għeneb u ma’ ċerva żgħira, xagħar u snien imqabbla ma’ mrieħel ta’ mogħoż u ngħaġ, saqajn ma’ kolonni tal-irħam, iż-żokra, tazza tax-xorb tonda, iż-żaqq, imniezel tal-qamħ, ix-xbihat tagħha li jqabbdu l-bard, jixħtuna fid-dinja tal-immaġinazzjoni pura. Minkejja li fiżikament iż-żewġ maħbubin huma mifruda – Salamun huwa eskluż mill-ġnien fejn hemm il-maħbuba tiegħu tkanta – huma l-projezzjonijiet qliel u ossessivi tas-sieħeb fuq seħbitu li jdewbu lil dawn it-tnejn f’essri wieħed, mibnija minn sensiela ta’ metafori estatiċi ta’ mħabba.

L-Għanja tal-Għanjiet ta’ Salamun hija kanzunetta straordinarja ta’ mħabba, iżda lili kienet is-sensiela notevoli ta’ kanzunetti ta’ mħabba/poeżiji, magħrufa bħala s-Salmi, li tabilħaqq laqtitni. Deherli li s-Salmi, li jittrattaw b’mod dirett ir-relazzjoni bejn il-bniedem u Alla, huma miżgħuda bid-disprament werżieqi, it-tixniq, it-tifħir, il-vjolenza erotika u l-brutalità kollha li qatt stajt nixtieq. Is-Salmi huma mgħaddsa fis-saudade, imxappa fid-duende u mgħammsa fil-vjolenza mdemmija. B’diversi modi, dawn il-kanzunetti saru x-xempju ta’ bosta mill-iżjed kanzunetti sadisti ta’ mħabba li ktibt. Is-Salm 137, li hu wieħed mill-favoriti nett tiegħi, u li kien sar suċċess fil-klassifika tad-diski permezz tal-gruppett favoluż Boney M, huwa eżempju perfett ta’ dak kollu li tkellimt dwaru.


Salm 137

1. F'xatt ix-xmajjar ta’ Babilonja, hemm qgħadna bilqiegħda
u bkejna, aħna u niftakru f'Sijon.
2. Mas-siġar tal-luq tagħha, dendilna ċ-ċetri tagħna.
3. Għax hemm, dawk li jassruna, talbuna ngħannulhom xi għanja; dawk li hemm għakksuna stennew minna għana ta’ ferħ: “Għannulna
mill-għana ta’ Sijon.”
4. Kif nistgħu ngħannu l-għana tal-Mulej f'art barranija?
5. Tibbiesli idi l-leminija, jekk qatt ninsa lilek, Ġerusalemm!
6. Jeħilli lsieni mas-saqaf ta’ ħalqi, jekk ma niftakarx fik, jekk
ma nżommx ’il Ġerusalemm ’il fuq minn kull ferħ tiegħi!
7. Ftakar, Mulej, x’qalu wlied Edom f'jum il-waqgħa
ta’ Ġerusalemm, meta bdew jgħidu: “Ġarrfuha, ġarrfuha sal-pedamenti tagħha?”
8. Ja Belt tal-Babilonja, int għad tinqered! Hieni min iħallsek għal kull ma għamiltilna!
9. Hieni min jaħtaflek it-trabi tiegħek u jsabbathomlok mal-blat!


Il-kanzunetta ta’ mħabba għandha titwelled fl-isfera tal-irrazzjonali, tal-assurd, tad-distratt, tal-malinkoniku, tal-ossessiv, tal-imherwel, għax il-kanzunetta ta’ mħabba hija l-ħoss tal-imħabba nnifisha, u l-imħabba, m’hemmx xi ngħidu, hija għamla ta’ ġenn. Sew jekk tkun l-imħabba għal Alla, jew imħabba romantika, erotika – dawn huma kollha manifestazzjonijiet tal-ħtieġa tagħna li ninfatmu mir-razzjonali, biex nieħdu btala ’l bogħod mis-sensi tagħna, biex ngħidu hekk. Il-kanzunetti ta’ mħabba jieħdu diversi xejriet, u jidher li jinkitbu għal ħafna raġunijiet – bħala stqarrijiet jew biex iġerrħu – anke jien ktibt kanzunetti ’ħabba dar-raġunijiet kollha – iżda fl-aħħar mill-aħħar il-kanzunetti ta’ mħabba qegħdin hemm biex jimlew, bil-lingwa, is-silenzju li hemm bejnna u Alla, biex inaqqsu d-distanza bejn it-temporali u d-divin.

Fis-Salm 137, il-poeta jsib ruħu priġunier f’“art stramba” u jiġi mġiegħel ikanta kanzunetta lil Sijon. Huwa jaħlef l-imħabba tiegħu lejn art twelidu u joħlom bil-vendetta. Fis-sentimenti ta’ vjolenza tiegħu s-Salm huwa tal-waħx, għax ikanta għall-imħabba lejn artu u lejn Alla tiegħu, u fuq kif huwa jista’ jsir ferħan bil-qtil t’ulied l-għedewwa tiegħu. Dak li sibt, bosta u bosta drabi, fil-Bibbja, b’mod speċjali fit-Testment l-Antik, kien li versi ta’ għaxwa, ta’ estasi u mħabba, jistgħu jħaddnu fihom sentimenti, li għall-ewwel jidhru opposti – bħall-mibegħda, il-vendetta, il-mentalità mdemmija eċċ – li madankollu ma jeskludux lil xulxin. Din l-idea ħalliet impressjoni perpetwa fuq il-kitba tal-kanzunetti tiegħi.



Fid-dinja tal-mużika pop moderna – dinja li tidher li tittratta l-kanzunetta ta’ mħabba, iżda li fis-sew ma tagħmilx wisq iżjed milli tixħet ċapep ta’ rieq fietel tat-trabi lewn il-kastard fl-imwieġ tar-radju – id-diqa sadiqa ma tingħatax merħba. Iżda xi minn daqqiet tfaqqas xi diska li taħbilek, wara dak il-bit kwalunkwe u tal-plastik li jkollha, lirika ta’ mħabba ta’ qisien tabilħaqq devastanti. Better The Devil You Know, li hi miktuba mill-hitmakers Stock, Aitkin and Waterman u kantata mis-suċċessun tal-pop Awstraljan Kylie Minogue, hija kanzunetta ta’ dix-xorta. Il-ħabi tat-terrur tal-imħabba f’biċċa mużika pop ta’ kaf kaf u innokwa huwa kunċett intriganti. Better The Devil You Know hija waħda mill-iżjed liriki ta’ mħabba vjolenti u tad-dwejjaq tal-mużika pop.


Better The Devil You Know

Say you won’t leave me no more
I’ll take you back again
No more excuses, no. no
Cause I’ve heard them all before
A hundred times or more
I'll forgive and forget
If you say you’ll never go
Cause it’s true what they say
Better the devil you know
Our love wasn’t perfect
I know, I think I know the score
You say you love me, O boy
I can’t ask for more
I’ll come if you should call

I'll be here every day
Waiting for your love to show
Cause it’s true what they say
It’s better the devil you know

I’ll take you back
I’ll take you back again


Meta Kylie Minogue tkanta dal-kliem, hemm ċerta innoċenza f’leħinha li jagħmel it-terrur ta’ dil-lirika tat-tkexkix iżjed u iżjed eċċitanti. L-idea ppreżentata fil-kanzunetta, oskura, kollha ħjiena u niket – l-idea li minnha nnifisha kull relazzjoni ta’ mħabba hija abbużiva, u li l-abbuż tiegħu, sew jekk fiżiku u sew jekk psikoloġiku, huwa milqugħ u mħeġġeġ, turi li anke l-iżjed kanzunetta innokwa ta’ mħabba għandha l-potenzjal li tostor ċerti veritajiet umani terribbli. Bħal Prometju marbut bil-ktajjen mal-ġebla, ħalli l-ajkla tkun tista’ tikollu l-fwied kull lejl, Kylie ssir il-ħaruf tas-sagrifiċċju tal-imħabba li tgħajjat stedina ardenti lil-lupu mliegħeb u miġwiegħ biex jiddevoraha għal darba tnejn, u dan kollu ma’ bit stimulanti tat-tekno. “I’ll take you back. I’ll take you back again.” Tassew. Hawnhekk il-kanzunetta ta’ mħabba ssir mezz li jurina stampa kiebja tal-umanità li mhix differenti minn dik tas-Salmi tat-Testment l-Antik. It-tnejn huma messaġġi lil Alla li jitkarrbu fil-baħħ imtewweb, kollhom diqa u stmerrija, għall-fidwa.

Kif għedt qabel, il-ħajja artistika tiegħi kienet iċċentrata madwar ix-xewqa, jew aħjar, il-ħtieġa, li nlissen id-diversi sentimenti ta’ telfa jew tixniq li saffru f’għadmi u ħħammjaw f’demmi, tul ħajti kollha. F’dal-proċess ktibt madwar mitejn kanzunetta, u fil-biċċa l-kbira tagħhom, ikolli ngħid, kienu kanzunetti ta’ mħabba. Kanzunetti ta’ mħabba, u allura, per definizzjoni, kanzunetti ta’ niket. Minn dil-massa kunsiderevoli ta’ materjal, hemm għadd żgħir illi jintgħażlu mill-bqija bħala xempji ġenwini ta’ dak kollu li tkellimt dwaru. Sad Waters, Black Hair, I Let Love In, Deanna, From Her To Eternity, Nobody’s Baby Now, Into My Arms, Lime Tree Arbour, Lucy, Straight to You; inħossni kburi b’dal-kanzunetti. Dawn huma tfal imnikkta, vjolenti, b’għajnejhom mudlama. Ipoġġu għalihom weħidhom, severi, u ma jilagħbux mal-kanzunetti l-oħra. Fil-biċċa l-kbira tagħhom huma wlied minn tqalat ikkumplikati u twelidijiet diffiċli u dolorużi. Fil-biċċa l-kbira tagħhom għandhom għeruqhom imħawla fl-esperjenza personali u tnisslu minħabba raġunijiet diversi, iżda dal-grupp imċerċer ta’ kanzunetti ta’ mħabba huma, fl-aħħar mill-aħħar, kollha l-istess ħaġa: swiegel mixħuta fil-galassji tad-divin minn raġel qed jegħreq.



Ir-raġunijiet l-għala nħoss dit-tqanqila biex inpoġġi u nikteb il-kanzunetti ta’ mħabba huma ħafna. Uħud minnhom dehruli iżjed ċari meta nfajt bilqiegħda ma’ ħabib tiegħi, li f’ġieħ l-anonimità ser nirreferi għalih bħala J. Jien u J. ammettejna ma’ xulxin li t-tnejn li aħna nbatu minn dik id-diżordni psikoloġika li l-professjoni medika ssejħilha erotografomanija. L-erotografomanija hija x-xewqa ossessiva tal-kitba tal-ittri ta’ mħabba. Sieħbi stqarr miegħi li kien kiteb u bagħat lil martu, fl-aħħar ħames snin, iżjed minn sebat elef ittra ta’ mħabba. Dan sieħbi deher mifluġ, u l-mistħija tiegħu kważi stajt tħossha b’idejk. Jiena nbati mill-istess kundizzjoni, iżda b’xorti tajba għad fadalli ħafna x’naqdef biex nilħaq dan l-istadju hekk avvanzat tal-povru sieħbi J. Iddiskutejna l-qawwa tal-ittra ta’ mħabba, u sibna, bla ma stagħġibna xejn, li din hija simili ħafna għall-kanzunetta ta’ mħabba. It-tnejn iservu ta’ meditazzjonijiet wesgħin dwar il-maħbuba ta’ dak li jkun. It-tnejn iservu biex iqassru d-distanza bejn min jikteb u min jirċievi. It-tnejn iħaddnu fihom permanenza u qawwa li l-kelma mitkellma m’għandhiex. It-tnejn huma eżerċizzji erotiċi, fihom infushom. It-tnejn għandhom il-potenzjal li jivvintaw mill-ġdid, permezz tal-kliem, bħal Pigmaljun mal-maħbuba tal-ġebel maħluqa minnu stess, il-maħbuba ta’ dak li jkun. L-iżjed forma għażiża ta’ korrispondenza, l-ittra ta’ mħabba, jaħasra, bħall-kanzunetta ta’ mħabba, sofriet taħt il-madmad tal-ħeffa bierda tat-teknoloġija, taħt il-madmad tan-nuqqas ta’ kont u ta’ ruħ li għandna llum fi żmienna.

Nixtieq nagħti ħarsa, fl-aħħar, lejn waħda mill-kanzunetti tiegħi li rreġistrajt għall-album The Boatman’s Call. Din il-kanzunetta, inħoss jien, tagħti eżempju ta’ ħafna minn dak li tħaddidt dwaru llum. Dil-kanzunetta jisimha Far From Me.


Far From Me

For you dear, I was born
For you I was raised up
For you I’ve lived and for you I will die
For you I am dying now

You were my mad little lover
In a world where everybody fucks everybody else over
You who are so far from me
Far from me
So far from me

Way across some cold neurotic sea
Far from me

I would talk to you of all matter of things
With a smile you would reply
Then the sun would leave your pretty face
And you’d retreat from the front of your eyes

I keep hearing that you’re doing best
I hope your heart beats happy in your infant breast
You are so far from me
Far from me
Far from me

There is no knowledge but i know it
There's nothing to learn from that vacant voice
That sails to me across the line
From the ridiculous to the sublime
It's good to hear you’re doing so well
But really can’t you find somebody else that you can ring and tell

Did you ever
Care for me?
Were you ever
There for me?
So far from me

You told me you’d stick by me
Through the thick and through the thin
Those were your very words
My fair-weather friend

You were my brave-hearted lover
At the first taste of trouble went running back to mother
So far from me
Far from me
Suspended in your bleak and fishless sea
Far from me


Far From Me ħadet erba’ xhur biex tinkiteb, daqs kemm damet għaddejja r-relazzjoni li tiddeskrivi. L-ewwel vers inkiteb matul l-ewwel ġimgħa tar-rapport, u huwa mimli bid-drama erojka ta’ mħabba ġdida, filwaqt li jiddeskrivi t-totalità tas-sentiment mentri jirrikonoxxi l-potenzjal għall-uġigħ – for you I'm dying now. Ipoġġi liż-żewġ maħbubin li jiddeskrivi fl-isfond ta’ dinja li ma jimportaha minn xejn – a world that fucks everybody over – u jdaħħal l-idea tad-distanza fiżika li jissuġġerixxi t-titlu. Oħroġ il-għaġeb, madankollu, il-kanzunetta, bħal donnha kienet qiegħda tistenna ħalli tiġri t-“tiġriba trawmatika” li tkellimt fuqha l-ewwel, ma ħallietx lilha nnifisha titlesta sakemm ma laħqitx ġrat il-katastrofi. Ċerti kanzunetti huma makakki, u jkun għaqli li tkun moħħok hemm meta tittratta magħhom. Spiss insib li donnu l-kanzunetti li nikteb ikunu jafu xi jkun għaddej f’ħajti iżjed minni. Għandi paġni sħaħ ta’ kwartini li nkitbu waqt li r-relazzjoni kienet għadha għaddejja fuq ir-rubini. Vers minnhom kien jgħid:

The Camellia, the Magnolia
Have such a pretty flower
And the bells of St. Mary’s
Inform us of the hour

Kliem sbieħ, kliem innoċenti, li m’għandhom l-ebda ħjiel li għada pitgħada ser jisfaxxa kollox. Il-kanzunetti ta’ mħabba li jinthemżu mal-esperjenza attwali, li jippoetizzaw ġrajjiet ta’ vera għandhom sbuħija pekuljari fihom. Dawn jibqgħu ħajjin bħalma jagħmlu l-memorji, u ġaladarba huma ħajjin, jikbru u jgħaddu minn bidliet u jiżviluppaw. Kanzunetta ta’ mħabba bħal Far From Me sabet personalità li tmur lil hinn minn dik li kont tajtha jien fil-bidu, bis-setgħa li tinfluwenza s-sentimenti tiegħi stess fir-rigward tal-ġrajja attwali nnifisha. Din hija xi ħaġa straordinarja u wieħed mill-benefiċċji tabilħaqq meraviljużi tal-kitba tal-kanzunetta. Il-kanzunetti li ktibt illi jitkellmu dwar relazzjonijiet tal-imgħoddi saru relazzjonijiet huma stess. Permezz tal-kanzunetti kont kapaċi nimmitoloġizza l-ġrajjiet ordinarji ta’ ħajti, nelevahom ’il fuq mill-pjan temporali u nxewlaħhom ’il bogħod għal ġol-istilel. Ir-relazzjoni li tiddeskrivi Far From Me ġiet u marret, iżda d-diska nnifisha għadha tgħix, iżżomm polz itektek fl-imgħoddi tiegħi. Daqshekk hi eċċezzjonali s-sbuħija tal-kitba tal-kanzunetta.



Għaddew għoxrin sena ta’ kitba ta’ kanzunetti, iżda l-baħħ għadu miftuħ beraħ, xorta waħda. Dak in-niket inspjegabbli, id-duende, is-saudade, l-iskuntentizza divina għadhom jippersistu, u forsi ser jibqgħu miegħi sakemm nara wiċċ Alla nnifsu. Iżda meta Mosè xtaq jara l-wiċċ ta’ Alla, fl-Eżodu 33, 188, kien intqallu li jaf ma jkunx jiflaħ għalih, l-ebda bniedem ma jista’ qatt jaralu wiċċu u jgħix. Ħeqq, jien ma jimpurtanix wisq. Kuntent li nkun mdejjaq. Għaliex ir-residwi, li jitfarfu minni f’dit-tiftixa, il-kanzunetti nfushom, dal-boton imgħallat ta’ tfal b’għajnejhom kiebja, jinġabru madwari u jħarsuni kif jafu huma, iwennsuni u jaħjuni. Huma l-kumpanni tar-ruħ li jmexxuha lejn l-eżilju, li jtuqu dik il-waħma tremenda għal dak li mhuwiex ta’ did-dinja. L-immaġinazzjoni tixxennaq għal dinja oħra, u bil-kitba tal-kanzunetta ta’ mħabba, wieħed ipoġġi u jiekol il-kirxa mat-telfa u t-tixwiq, mal-ġenn u l-malinkonija, mal-estasi u l-maġija, b’rispett daqs kemm bi gratitudni. It-tiftixa spiritwali għandha ħafna wċuħ – ir-reliġjon, l-arti, id-drogi, il-ħidma, il-flus, is-sess – iżda dit-tiftixa rari taqdi ’l Alla b’mod daqstant dirett u s-sodisfazzjon rari jkun daqstant kbir meta din il-ħaġa ssir.

Grazzi.



Mużika: Into My Arms / Lime Tree Arbour / Are You The One I've Been Waiting For? – Nick Cave & The Bad Seeds