Sunday, November 08, 2009

Li Kissirtu Sewwu

Il-każ Vella Gera, kif qed insejjaħlu jien, ta lok li toħroġ fid-dieher ċertu tip ta’ oxxenità grassa li żgur m’għandhiex titħalla terfa’ rasha fil-pajjiż. Kienu bosta dawk li b’dal-każ ħassewhom urtati, u ma nlumhomx, għax dak li tkisser mhux lakemm jissewwa.

Qed nirreferi għall-pubblikazzjoni, fil-gazzetta studenteska Ir-Realtà, tan-novella pjuttost spinta Li Tkisser Sewwi, miktuba mill-awtur Malti Alex Vella Gera. L-istorja, irrakkontata fl-ewwel persuna, tikkonsisti f’sensiela ta’ ħsibijiet skjetti ta’ raġel b’ossessjonijiet ħormana akuti li fin-nisa ma jara xejn għajr mezz ta’ sodisfazzjoni sesswali.

Mingħajr ma noqgħod nidħol f’ġudizzji morali fuq il-karattru tan-narratur, ngħid li l-istorja kienet biċċa xogħol artistika tajba ħafna. Vella Gera rnexxielu jippreżenta l-arketip tiegħu f’kuntest Malti b’mod konvinċenti ħafna. Kien hemm min ilmenta minħabba l-użu ta’ “kliem baxx.” Nistaqsi jien: liema kliem ħtieġlu jpoġġi f’ħalq in-narratur biex joħroġlu t-tendenzi partikulari tiegħu? F’dal-kuntest, id-diskors tan-narrattiva bilfors kellu jkun dak li kien.
Apparti dan, jidhirli li fil-karattru tiegħu l-awtur xeħet b’ħila ċerta ambigwità psikoloġika li, imqar jekk biss bejn il-linji, tfakkarna fit-taqbida primordjali bejn l-istinti karnali u ċerti sentimenti emozzjonali li ilha tkidd lill-ġeneru uman, u mhux biss lill-irġiel, minn ewl id-dinja. Fl-istorja ta’ Vella Gera, altru milli xi fakkinata, allura, nidentifika qabelxejn taqbida fl-inkonxju kollettiv li qatt ma tista’ tbassar sewwasew fejn hi sejra. Hemm ħafna x’wieħed jgħid, imma dwar dan nieqaf hawn, għax mhux l-iskop tiegħi li nagħmel analiżi tan-novella. Madankollu nżid biss li fil-fehma tiegħi l-pubblikazzjonijiet riċenti ta’ Alex Vella Gera jixhdu li huwa wieħed mill-iżjed kittieba Maltin promettenti tal-ġenerazzjoni tiegħu.

Lura għal x’ġara fuq il-kampus, qiegħed jingħad li din l-istorja ma niżlet tajjeb xejn mal-kappellanija tal-Università, tant li l-kritiċi letterarji tagħha kienu tal-ġudizzju li mhux xieraq li materjal bħal dak jitqassam fuq il-kampus. Ir-Rettur tal-Università, il-Professur Juanito Camilleri, minn tant nies, donnu kien tal-istess fehma, għax minnufih ħareġ ordni ta’ projbizzjoni fuq it-tqassim ta’ dan il-ġurnal fuq il-kampus. Biex tgħaxxaqha, fil-każ dlonk iżżefnu wkoll il-Pulizija, u ma trid xejn biex fil-ġejjieni qrib dan il-każ jispiċċa wkoll il-Qorti.

Li f’pajjiż retrogradu bħal tagħna jqum daqsxejn kjass fuq storja bħal din fiha u ma fihiex. Tajjeb li nfakkru li dan ma kienx l-ewwel każ ta’ ċensura li ġiet infurzata bil-barka tal-awtoritajiet tal-Università ta’ Malta. Naħseb kulħadd għadu jiftakar il-każ ta’ Karl Schembri. Iżda jkolli nistqarr illi qatt ma bsart li din il-biċċa kienet ser tiskala daqshekk. U jekk f’dil-farsa kien hemm xi ħaġa tabilħaqq oxxena ma kinitx l-istorja inkwistjoni, iżda dil-ħamba għalkollox mhux f’lokha li tqajmet dwarha. Oxxentià, ma tistax tiddeskriviha mod ieħor.

U allura bir-raġun li jiena l-ewwel wieħed inħossni urtat. U m’iniex qed ngħid dan biss b’riferenza għall-aġir tal-Kappillan u tar-Rettur tal-Università, iżda wkoll għad-diversi persuni bravi ħafna li fis-siti ta’ xi ġurnali lokali bl-Ingliż esprimew ġudizzju negattiv għalkollox dwar il-merti artistiċi tan-novella u saħansitra dwar l-integrità morali tal-awtur.

Naraha ħaġa tassew tal-għaġeb kif f’pajjiż ibbumbardjat minn ħemel ta’ mezzi tal-midja, fostna għad hawn nies – inklużi studenti Universitarji u persuni suppost kolti b’karigi għolja fil-ġerarkija akkademika tal-pajjiż – li lanqas biss jafu jagħmlu distinzjoni bejn narrattiva artistika u fehma personali ta’ individwu. Tant hu hekk, li bosta persuni, kif ġa għedt, ħarġu jeħduha qatta’ bla ħabel kontra l-awtur innifsu u ma nafx x’ma qalulux.

Li kieku Vella Gera kiteb artiklu f’ġurnal bħala opinjonista, u stqarr li “n-nisa, fis-sess isiru dak li misshom dejjem ikunu [...] Jirċievu [...] xogħolhom jirċievu u jaqilgħu mir-raġel,” kont ngħid paċenzja. Ma kont niskanta xejn li kumment miktub f’tali kuntest jitqies offesniv u politikament skorrett. Iżda f’dal-każ m’aħniex nitkellmu dwar fehma personali, iżda dwar narrazzjoni tal-għaġna psikoloġika ta’ karattru għalkollox fittizju.

Tassew nistqarr magħkom li għadni s’issa ma nistax nemmen li hawn daqstant nies illi lanqas għandhom edukazzjoni biżżejjed biex jintebħu bid-differenza evidenti ta’ bejn dawn it-tnejn. U allura lil dawn it-talin ser ikolli nistaqsihom xi domandi stupidi: jekk direttur ċinematografiku jidderieġi film dwar qattiel reċediv, allura dan bilfors ikun ifisser li d-direttur ikun qed jidentifika miegħu? Meta l-attriċi Sharon Stone ħadmet fil-film Basic Instinct kellha xi ħsieb tinstiga l-vjolenza fiżika fuq l-irġiel? Meta Mel Gibson idderieġa l-Passion of the Christ, xi ħadd f’sensih qatt għaddietlu minn rasu li kien qed jiċċelebra l-vjolenza fuq il-persuna ta’ Kristu? Ma naħsibx, jew aħjar, nittama li le. Ngħid is-sew, jien u nikteb dan qed inħossni kemxejn ridikolu, għax kif jgħid il-Malti, ir-raġuni ma tridx forza, u affarijiet bħal dawn tant huma ovvji li lanqas naf kif ser naqbad inpoġġihom. Għaldaqstant nitlobkom tiskużawni ta’ dil-artiklu sfurzat, iżda ir-raġuni ma tridx forza, veru, imma l-bluha forsi iva.

Lil hinn minn dir-redikolaġni, hemm punti oħrajn x’wieħed iqis. Qabelxejn, fil-fehma tiegħi, bil-pożizzjoni li ħa, il-Professur Juanito Camilleri għamel tmasħira liema bħalha mill-kariga tiegħu ta’ Rettur. Fil-fehma tiegħi b’dan l-aġir aktarx impulsiv waqqa’ l-pożizzjoni tiegħu u l-istituzzjoni li jmexxi għaż-żuffjett. Li l-Kappillan jiskrupla bit-tebgħ tal-istorja ta’ Vella Gera forsi nasal naċċettaha. Hekk jew b’hekk, f’dan-naħat tad-dinja għad trid tinħoloq istituzzjoni daqstant erotofobika u sesswalment ripressa daqs il-Knisja Kattolika. Iżda lanqas f’mitt sena ma kont nobsor li kellu jkun proprju r-Rettur, minn tant nies, li jieħu ċerti miżuri li f’għajnejja juru nuqqas kbir ta’ għarfien letterarju u nuqqas ta’ rispett lejn il-libertà tal-espressjoni artistika.

U għalhekk għandi diversi mistoqsijiet oħra x’nagħmel f’dar-rigward: jaf ir-Rettur li din ma kinitx l-ewwel biċċa letteratura spinta li ġiet ippubblikata f’pajjiżna? Jaf ir-Rettur li l-kampus tal-Università huwa ffrekwentat biss mill-adulti? Jaf ir-Rettur li xogħlijiet letterarji ta’ dak il-ġeneru, uħud minnhom meqjusin bħala klassiċi letterarji, illum wieħed jista’ jakkwistahom bla taħbit ta’ xejn mill-ħwienet tal-kotba lokali u saħansitra, terġa’, mil-libreriji tal-Università li huwa jmexxi? Jaf ir-Rettur li fis-sillabi tal-istudji letterarji, kemm f’livell avvanzat u f’livell ta’ baċellerat, jiġu studjati kittieba grafiċi u espliċiti? Jaf ir-Rettur f’liema sena qed ngħixu llum? Nixtieq nemmen li iva, imma tassew ma jidhirlix, għax kieku r-Rettur kien konxju minn dan kollu, ma naħsibx li kien ser jieħu pożizzjoni li b’xorti ħażina tfakkarna fil-persekuzzjonijiet kbar li għaddew minnhom kittieba spinti ċelebri bħal Jean-Paul Sarte, Henry Miller u D.H. Lawrence għexieren kbar ta’ snin ilu.

U għandi nifhem ukoll li kull min esprima xi appoġġ għall-projbizzjoni tat-tqassim fuq il-kampus tal-ġurnal Ir-Realtà għadu mingħalih, jew inkella forsi jixtieq, li llum għadna fir-realtà ta’ żmien Ġużè Ellul Mercer. Iżda ħabat li mhux talli m’għadniex fit-tletinijiet, talli llum, tajjeb jew ħażin, aħna membri sħaħ tal-Unjoni Ewropea. Iżda fid-dawl ta’ din l-istorja kollha, kemm tassew nistgħu ngħidu li pajjiżna “daħal fl-Ewropa?” Jien pjuttost ngħid li, tal-inqas artistikament u intellettwalment, dħalna f’koma. U mhux ta’ b’xejn li f’dal-pajjiż qajla tiltaqa’ m’artist diċenti li jgħidlek li jħossu jagħmel parti mill-kontinent. Imma dwar dan aħjar tkellimna l-Ministru għall-Kultura Dolores Cristina, li ngħid għalija, għadni ma fhimtx eżatt x’inhu l-irwol rispettiv tagħha fil-kabinett.

Biex nagħlaq għandi stedina x’nagħmel lir-Rettur. Kemm-il darba r-Rettur ser jibqa’ jsostni li l-istorja ta’ Alex Vella Gera hija illegali, oxxena u mhux ta’ min tkun f’idejn l-istudenti, allura nistiednu jmur sal-libreriji tal-Università u tal-Junior College, kemm tal-kotba u kemm tal-films, u jiknishom minn kull xogħol artistiku li jkun sesswalment espliċitu. Konvint li jkollu xalata. B’hekk biss, jidhirli jien, jista’ jkun tassew konsistenti f’għemilu u konformi ma’ dawk il-liġijiet tabilħaqq skaduti li forsi setgħu kkonvinċewh jieħu l-passi li ħa.

Kemm-il darba l-Professur Juanito Camilleri jonqos milli jagħmel dan, allura ma tagħti tort lil ħadd li jispekula li wara dil-biċċa jaf ikun hemm motivazzjonijiet politiċi. Għax fis-sew assolutament ma tagħmilx sens li jkollok sitwazzjoni fejn wieħed jista’ jissellef ktieb “oxxen” mill-Università iżda mbagħad ma jkunx jista’ jipproduċi u jippubblika xogħol artistiku simili fuq il-kampus.

Fil-fehma tiegħi li l-aħjar soluzzjoni għal kulħadd hi li dil-projbizzjoni oxxena titneħħa u kollox imut fuq ommu. Ma narax mod ieħor kif forsi tista’ tinbidel ir-reputazzjoni xejn tajba li sar għandha din l-università fost kull min f’pajjiżna tassew jgħożż il-ħsieb liberu.

Jekk dan ma jseħħx, allura wisq nibża’ li jaf jinħoloq preċedent ikrah ħafna li jista’ jkollu konsegwenzi tabilħaqq gravi fuq l-espressjoni artistika ħielsa fil-pajjiż.

F’ġieħ is-sens komun, li kissirtu, sewwu.

(Dan l-artiklu deher fil-ġurnal it-Torċa ta' llum, il-Ħadd 8 ta' Novembru, 2009.)

Mużika: The Red Telephone - Love
(They're locking them up today, they're throwing away the key, I wonder who it'll be tomorrow, you or me?)



Ħatab: 2

Blogger Erezija qal/qalet...

X'diska dik ostja!

9:29 pm  
Anonymous Anonymous qal/qalet...

blog u diska bil-bajd =)

3:38 pm  

Post a Comment

<< Lura