Thursday, July 23, 2009

- Erostratus -
Storja ta’ Jean-Paul Sartre maqluba għall-Malti minn Kevin Saliba

(Erostrate dehret għall-ewwel darba fil-ġabra ta’ stejjer qosra Le Mur, li Jean-Paul Sartre kien ippubblika fl-1939.
Din il-verżjoni Franċiża tista’ titniżżel minn hawn.
Biex tniżżel u tistampa din it-traduzzjoni (mingħajr stampi) f’verżjoni word agħfas hawn.
Ħajr lil John Degiorgio għall-qari tal-provi. Ħajr ukoll lil Markus Schroder talli tani l-permess nuża xi ritratti ta’ xeni mill-film tiegħu Eróstrato.)



Il-bnedmin, trid tarahom mill-għoli. Kont nitfi d-dawl u nintefa’ mat-tieqa: lanqas biss kien ikollhom ħjiel li wieħed seta’ jgħajnashom mill-għoli. Jieħdu ħsieb in-naħa ta’ quddiem, minn xi daqqiet dik ta’ wara, iżda l-effetti kollha tagħhom huma meqjusa għal spettaturi ta’ madwar metru u sebgħin ċentimetru. Min qatt ħaseb dwar kif tidher l-għamla ta’ kappell tal-feltru mis-sitt sular? Jinsew jipproteġu spallejhom u rashom bi lwien qawwija u b’tessuti jgħammxu, ma jafux jissiltulu ’l dan l-għadu hekk kbir tal-Umanità: il-veduta mill-għoli. Kont nittawwal mit-tieqa ’l barra u naqbad nidħak: fejn kienet, mela, dil-famuża “qagħda dritta” li tant kellhom bokka biha: kienu jitgħattnu mal-bankina u żewġ riġlejn twal għoddhom imkaxkra kienu joħorġu minn taħt spallejhom.

Fil-gallerija tas-sitt sular: hemm kien messni qattajtha ħajti. Jeħtieġ li s-superjoritajiet morali jintrifdu b’simboli materjali, inkella jaqgħu. Iżda sewwasew, x’superjorità għandi fuq il-bnedmin? Superjorità fil-qagħda, xejn iżjed: poġġejt lili nnifsi ’l fuq mill-uman ta’ ġo fija u noqgħod niflih. Huwa proprju għalhekk li kont inħobb it-torrijiet ta’ Notre Dame, il-pjattaformi tat-Torri Eiffel, is-Sacré-Cœur, is-sitt sular tiegħi fuq Triq Delambre. Dawn huma simboli mill-aqwa.

Ġieli kien ikolli nerġa’ ninżel fit-toroq. Biex immur l-uffiċċju, ngħidu aħna. Kont naqta’ nifsi. Meta tkun fl-istess livell tal-bnedmin, hija ferm iżjed iebsa li tgħoddhom b’nemel: iqanqluk. Darba rajt wieħed mejjet fit-triq. Kien ħadha għal wiċċu. Dawruh wiċċu ’l fuq, kien infaġar. Rajtlu għajnejh mifuħin, u l-bixra mwerrċa, u dak id-demm kollu. Bejni u bejn ruħi għedt: “Din mhi xejn, mhix iżjed kommoventi minn daqsxejn żebgħa friska. Żebgħulu mnieħru bl-aħmar, dak kollox.” Iżda f’riġlejja u f’għonqi ħassejt ħlewwa ta’ qalb tqażżek u tani mejt. Ħaduni fi spiżerija, tawni daqqtejn bil-keff fuq spallejja u sqewni xi alkoħol. Kont nasal noqtolhom.

Kont naf li kienu l-għedewwa tiegħi, imma huma ma kinux jafu. Bejniethom kienu jinħabbu, kienu jibqgħu qaqoċċa; u lili, xi daqqa t’id ’l hemm jew ’l hawn kienu jagħtuhieli, għax kienu jaħsbuni wieħed bħalhom. Iżda li kieku kellhom ixommu mqar l-iċken nitfa mill-verità kienu jsawtuni. Hekk jew hekk, dak li għamlu, wara. Meta qabduni u fehmu min kont, bambluli xebgħa xebgħun; fl-għassa tal-pulizija bektuni għal sagħtejn sħaħ, tawni bil-ħarta u bil-ponn, ilwewli driegħi, ċarrtuli l-qalziet u fl-aħħarnett xeħtuli n-nuċċali fl-art u jien u nfittxu, għarkupptejja b’idejja mal-art, bdew jidħku u jfajruli bis-sieq ġo sormi. Dejjem bsart li kienu ser jispiċċaw isawtuni: b’saħħti m’iniex u nistax niddefendi ruħi. Uħud minnhom kienu ilhom ħafna għassa tiegħi: dawk il-kbar. Fit-triq kienu jibqgħu deħlin fija, biex jidħku, ħalli jaraw x’kont ser nagħmel. Ma kont ngħid xejn. Kont nagħmel tabirruħi li ma fhimtx. Imma minkejja dan, għamluhieli. Kont nipprendihom lilhom: kienet bħal teħbira. Imma emmnuni, kelli raġunijiet iżjed serji l-għala nistmerrhom.

Inkwantu dil-biċċa xogħol, kollox mar ferm aħjar minn dakinhar illi xtrajt pistola. Tħossok b’saħħtek meta ġġorr fuqek, b’mod tenaċi, xi ħaġa li tista’ tisplodi u tagħmel il-ħoss. Kont neħodha miegħi l-Ħadd, kont sempliċement inpoġġiha fil-qalziet u mmur nimxi – is-soltu fit-toroq prinċipali. Kont inħossha ġġebbidli fil-qalziet bħal xi granċ, kont inħossha ma’ koxxti, kiesħa silġ. Iżda bil-qajla l-qajla kienet tisħon tmiss ma’ ġismi. Kont nimxi b’ċerta ebusija, kelli x-xeħta ta’ wieħed b’ġismu mqajjem li żobbu kien qed iwaqqfu ma’ kull pass li jagħmel. Kont inżellaq idi fil-but u mmiss l-oġġett. Minn ħin għal ieħor kont nidħol f’xi mibwel – anke hemmhekk kont noqgħod b’seba’ għajnejn għax spiss kien ikolli l-ġirien – kont noħroġ il-pistola, kont inħossilha l-piż, inħares lejn il-maqbad biċ-ċangaturi suwed u l-grillu iswed qisu għajn nofsha mbexxqa. L-oħrajn, dawk li kienu jaraw, minn hemm barra, riġlejja miftuħin u l-qalza tal-qalziet, kien ikun mingħalihom li qed inbul. Imma jien fl-imbiewel ma nbul qatt.

Lejla minnhom għaddietli minn rasi li nispara fuq in-nies. Kien is-Sibt filgħaxija, ħriġt biex ngħaddi għal Lea, waħda bjonda li toqgħod titlajja bi dritt lukanda fi Triq Montparnasse. Qatt ma kelli x’naqsam ma’ mara: kont inħossni misruq kieku qatt kelli. Tirkibhom, veru minn daqshekk, iżda jdexxulek taħt żaqqek kollu b’dak ħalqhom kbir muswaf u, skont ma smajthom jgħidu, huma proprju huma li jmorru minn fuq f’dil-affari kollha, u fil-wisa’. Jiena ma nitlob xejn m’għand ħadd, iżda ma rrid nagħti xejn lanqas. Jew inkella nkun neħtieġ xi mara bierda u bigotta li toqgħodli għal kollox b’sentiment ta’ diżgust. Kull l-ewwel Sibt tax-xahar kont nitla’ ma’ Lea f’kamra tal-Hôtel Duquesne. Hija kienet tinża’, u jien kont noqgħod inħares lejha bla ma mmissha. Xi drabi kienet tiġini weħidha fil-qalziet; drabi oħra kien ikolli l-ħin immur niżvoga d-dar. Dak il-lejl ma sibthiex fil-post tas-soltu. Qgħadt nistenna għal ftit, u peress li ma rajthiex ġejja, issopponejt illi belgħet xi riħ. Kien il-bidu ta’ Jannar u kien qed jagħmel ħafna ksieħ. Iddejjaqt: jien tfantis waħdi u kont diġà stħajjilt bi ħġari l-pjaċir li kelli nieħu dik l-għaxija. Kien hemm, xorta waħda, fi Triq d’Odessa, waħda smajra li kont innotajtha spiss, mara kemxejn avvanzata imma soda u mbaċċa: lili ma jdejquni xejn in-nisa avvanzati: meta jkunu mneżżgħin jidhru iżjed għarwenin mill-oħrajn. Iżda din ma kienet taf xejn dwar il-gosti tiegħi, u kont qed nitfantas xi ftit ngħidilha bihom hekk ċumm bumm. Barra dan jien ma nafdax nies ma nafhomx: dan-nisa ma trid xejn biex jaħbulek wara l-bieb xi wieħed ta’ qattagħni li mbagħad jixref fuqek ħabta u sabta u jeħodlok il-flus. Ikollok xorti jekk ma jilgħablekx ukoll xi daqqtejn ta’ ponn. Madankollu, dik il-lejla, ħassejt ċerta awdaċja, u qtajtha li ngħaddi sad-dar ħalli nġib il-pistola u mmur nittanta xortija.

Meta rsaqt lejn dil-mara, xi kwarta wara, kelli l-arma fil-but u ma kont qed nibża’ minn xejn. Mad-daqqa t’għajn mill-qrib kellha bixra pjuttost imċerċra. Kienet tagħti lemħa ’l-ġara ta’ quddiemi, mart is-sottuffiċjal tal-armata, u kont tassew kuntent għax kont ili għomor biex naraha għarwiena ’l dik. Meta żewġha ma jkunx hemm kienet tilbes bit-tieqa miftuħa, u mhux l-ewwel darba li qgħadt wara l-purtiera biex forsi nagħtiha xi qatgħa. Imma meta tbiddel kienet toqgħod dejjem fuq in-naħa warranija tal-kamra.

Fl-Hôtel Stella kamra vojta kien hemm waħda biss, fir-raba’ sular. Tlajna. Il-mara kienet tqila mhux ħażin u bdiet tieqaf ma’ kull tarġa biex tieħu n-nifs. Ħassejtni veru tajjeb: għandi ġismi magħlub iżda wtieq, minkejja ż-żaqq, u trid iżjed minn erba’ sulari biex taqtagħli nifsi. Fuq il-pjan tat-taraġ tar-raba’ sular il-mara waqfet tilheġ u poġġiet idha tal-lemin fuq qalbha. F’tax-xellug kellha ċ-ċavetta tal-kamra.

“X’telgħa din,” qalet hi u tipprova titbissimli. Ħadtilha ċ-ċavetta bla ma weġibt xejn u ftaħt il-bieb. Kont qed inżomm il-pistola b’idi x-xellugija, ippuntata ’l quddiem mill-but, u qabel ma xgħelt l-iswiċċ ma tlaqthiex. Il-kamra kienet vojta. Fuq is-sink kienu poġġew biċċa sapuna ħadra u kwadra, għall-ħasil. Tbissimt: jien niġi naqa’ u nqum mill-bidejiet u mill-biċċiet tas-sapun. Il-mara kienet għadha qed tilheġ warajja, u dil-ħaġa bdiet tqanqalni. Dort; hija ġebbditli xofftejha ’l barra. Jien imbottajtha.

“Inża’,” għedtilha.

Kien hemm pultruna tal-ġild; intfajt bilqiegħda komdu. F’mumenti bħal dawn jiddispjaċini li ma npejjipx. Il-mara neżgħet il-libsa u mbagħad waqfet, u tatni ħarsa dgħulija.

“X’jismek int?” għedtilha jien u nitmattar lura.

“Renée.”

“Sewwa, Renée, ħaffef. Qed nistenna.”

“M’intx ser tinża’ int?”

“Ejj’ejja”, għedtilha, “ħallik minni ħi.”

Niżżlet il-qalziet ta’ taħt sa saqajha, imbagħad ġabritu u poġġietu bil-galbu fuq il-libsa mar-reġġipettu.

“Allura int xi bugħażż hux, ħanini, wieħed kutu kieti?” staqsietni. “Trid il-mara toqgħod tagħmel ix-xogħol kollu hi?”

Fl-istess waqt għamlet pass lejja, u hija u sserraħħ idejha fuq driegħ il-pultruna, ipprovat tinżilli għarkupptejha bejn riġlejja bis-saħħa. Iżda qajjimtha bil-goff:

“Tagħmillix minn daw’, tagħmillix minn daw’,” għedtilha.

Ħarset lejja mistagħġba.

“Ħeqq, xi tridni nagħmillek mela?”

“Xejn. Imxi, ippassiġġa, ma rrid xejn iżjed minnek.”

Bdiet timxi ’l hawn u ’l hemm, b’bixra imbarazzata. Lin-nisa xejn ma jdejjaqhom iżjed milli joqogħdu jimxu għarwenin. Mhumiex imdorrija jpoġġu għarqubhom mal-art. Il-qaħba qawset dahra u telqet idejha jitbandlu. Jien kont fis-seba’ sema: hemm kont ninsab, poġġut trankwill fuq il-pultruna, imlibbes sa għonqi, sal-ingwanti żammejt fuqi, u bl-amar tiegħi dis-sinjura avvanzata kienet neżgħet għarwiena ħuta u kienet qiegħda ddur miegħi dawramejt.

Dawret rasha lejja, u biex issalva l-apparenza tbissmitli b’mod nejjieki:

“Tarani sabiħa lili eh? Qed titgħaxxaq bija hux?”

“Ħallik minn dan.”

“Isma’ għid,” staqsietni b’rabja ta’ f’daqqa, “biħsiebek tibqa’ tmexxini hekk ’l hawn u ’l hemm għal ħafna ħin?”

“Poġġi bilqiegħda.”

Poġġiet fuq is-sodda u qgħadna nħarsu lejn xulxin fis-skiet. Ġisimha kien imqajjem xewk xewk. Smajna t-tektik ta’ żveljarin min-naħa l-oħra tal-ħajt. F’daqqa waħda għedtilha:

“Iftaħ riġlejk.”

Eżitat sekonda, imbagħad obdiet. Ħarist bejn saqajha u ġbidt nifs ’il ġewwa. Imbagħad infqajt nidħak, tant li ħariġli d-dmugħ. Wara sempliċement għedtilha:

“M’intix tinduna għid?”

U erġajt qbadt nidħak.

Hija ħarset lejja, skantata, imbagħad ħmaret nar u għalqet riġlejha.

“Majjal,” qalet minn bejn snienha.

Iżda jien dħakt b’iżjed qawwa: allura qamet bilwieqfa f’salt u qabdet ir-reġġipettu minn fuq is-siġġu.

“Ejj hemm,” għedtilha, “għadni ma spiċċajtx. Ser intik ħamsin frank dalwaqt, imma rrid ingawdihom kollha tafx.”

Qabdet il-penti bin-nervi.

“Xbajt, qed tifhem?! Jien ma nafx xi trid int. U jekk tellajtni hawn fuq biex toqgħod titnejjek bija...”

Allura ħriġt il-pistola u wrjethielha. Ħarset lejja b’bixra serja u niżżlet il-penti bla ma qalet xejn.

“Imxi ejja,” għedtilha, “ippassiġġa isa.”



Imxiet ’l hemm u ’l hawn għal ħames minuti oħra. Imbagħad tajtha l-bastun tiegħi u ġegħeltha tagħmel xi eżerċizzji. Meta ħassejt li l-qalziet ta’ taħt tiegħi kien imxarrab, qomt minn hemm u newwiltilha karta ta’ ħamsin frank. Ħaditha.

“Saħħa,” żidt ngħid, “ma tantx kiddejtek wisq għal dal-prezz.”

Tlaqt ’l hemm, ħallejtha għarwiena laħam f’nofs il-kamra, bir-reġġipettu f’id waħda u bil-ħamsin frank fl-oħra. M’għalejt xejn għall-flus li nfaqt: kont bellahtha u qaħba mhux lakemm tgħaġġibha. Jien u nieżel it-taraġ ħsibt: “Dak li rrid jien, ngħaġġibhom kollha kemm huma.” Kont kuntent qisni tifel żgħir. Is-sapuna l-ħadra kont ħadtha miegħi, u meta wasalt id-dar, ħakkiktha kemm flaħt fil-misħun sakemm minnha ma kien għad fadal xejn ħlief pellikola rqajqa qisha xi ħelwa tal-menta li ntredgħet qatigħ.

Iżda bil-lejl qomt maħsud u erġajt rajt wiċċha, il-ħarsa t’għajnejha meta wrejtha l-arma, u ż-żaqq ħxajna li kellha tielgħa u nieżla ma’ kull pass li middet.

“Kemm kont ċuċ!” għedt bejni u bejn ruħi. U ħassejt rimors morr: kien messni sparajt fuqha la kont fiż-żifna, kont intaqqbilha żaqqha bħal passatur. Dak il-lejl u tul it-tlieta ta’ wara, ħlomt b’sitt tqajbiet ħomor imqiegħda f’ċirku madwar żokritha.

Minn hemm ’il quddiem ma ħriġtx iżjed mingħajr il-pistola. Kont inħares lejn dahar in-nies, u kont nistħajjel, mill-mixja tagħhom, il-mod kif kieku jaqgħu li kelli nispara fuqhom. Kont qbadt id-drawwa, ta’ kull nhar ta’ Ħadd, li mmur nintasab quddiem ix-Châtelet, x’ħin ikunu ħerġin in-nies mill-kunċerti tal-mużika klassika. Għall-ħabta tas-sitta kont nisma’ qanpiena ddoqq, u l-uxxiera kienu jiġu jsakkru l-bibien tal-ħġieġ bil-ganġetti. Dak kien ikun il-bidu: il-folla kienet ħierġa bil-mod il-mod; in-nies kienu mexjin b’passi mperpra, b’għajnejhom għadhom mimlija ħolm, b’qalbhom għadha mimlija b’sentimenti ħlejjin. Bosta kienu qed iħarsu madwarhom imgħaġġbin: aktarx it-triq kienet qed tidhrilhom kaħla nir. Imbagħad xiddu tbissima misterjuża: kienu għaddejjin minn dinja għal oħra. Kien proprju fl-oħra li kont qed nistenniehom jien. Żellaqt idi l-leminija fil-but u ħfint il-maqbad tal-pistola b’saħħti kollha. Wara ftit, kont qed nara lili nnifsi nispara fuqhom. Kont qiegħed inwaqqagħhom għal wiċċhom bħal brilli, kienu qed jaqgħu wieħed fuq l-ieħor, u dawk li kienu baqgħu ħajjin, kollhom paniku, kienu qed ibewġu lura lejn it-teatru u jkissru l-ħġieġ tal-bibien. Kienet logħba tabilħaqq imqanqla: fl-aħħar idejja bdew jirtogħdu, u kelli mmur nixrob konjak għand Dreher ħalli nerġa’ niġi f’tiegħi.

Lin-nisa ma kontx noqtolhom kieku. Kont nisparalhom fil-kliewi. Jew inkella fil-pexxun, ħalli nżeffinhom daqsxejn.

Ma kont għadni ddeċidejt xejn. Iżda kont qed nagħmel kollox daqslikieku d-deċiżjoni tiegħi kienet diġà ttieħdet. Bdejt billi ħadt ħsieb l-irqaqat iż-żgħar. Mort nitħarreġ f’gallerija tal-isparar, fil-fiera ta’ Denfert-Rochereau. Ma kellix xi riżultati tal-għaġeb, imma l-bnedmin joffrulek bersalli mdaqqsa, l-iżjed meta tisparalhom mill-qrib. Imbagħad bdejt naħdem fuq il-pubbliċità. Għażilt ġurnata meta l-kollegi kollha tiegħi kienu miġburin l-uffiċċju. Nhar ta’ Tnejn minnhom, filgħodu. Kont ningwalaha tajjeb magħhom, normalment, minkejja li ma stajtx għaliha li neħdilhom b’idhom. Kienu jneħħu l-ingwanti biex isellmulek; kellhom mod oxxen kif jgħarwnu idejhom, kif jaqilbu l-ingwanta u kif iżerżquha tul subgħajhom bil-mod il-mod, huma u jikxfu l-għera ħoxna u mkemmxa tal-pala t’idhom. Jien kont nibqa’ dejjem bl-ingwanti.

It-Tnejn filgħodu ftit li xejn kien ikollna xogħol. It-tajpista tas-servizz kummerċjali ġiet iġġibilna l-irċevuti. Lemercier iċċajta magħha bil-ħlewwa, u meta telqet l-oħrajn bdew jelenkaw il-faxxini tagħha b’kompetenza bierda. Imbagħad qabduha fuq Lindbergh. Jogħġobhom dan Lindbergh. Jien għedtilhom:

“Lili l-eroj is-suwed jogħġbuni.”

“In-Nigri?” staqsa Massé.

“Le, suwed fis-sens ta’ ngħidu aħna Maġija Sewda. Lindbergh eroj abjad. Lili ma jinteressanix dak.”

“Jekk hu faċli, ara tmurx taqsmu int l-Atlantiku, buli,” qal Bouxin b’ton aspru.

Spjegajtilhom l-idea tiegħi tal-eroj iswed:

“Anarkist mela,” kompla Lemercier.

“Le,” għedt bil-kalma, “l-anarkisti jħobbu l-bnedmin bil-mod tagħhom.”

“Allura xi wieħed miġnun.”

Imma Massé, li huwa kolt, indaħal dak il-ħin:

“Nafu t-tip tiegħek,” qalli. “Jismu Erostratus. Ried isir famuż u ma kien sab xejn aħjar milli jaħraq it-tempju t’Efesu, wieħed mis-seba’ għeġubijiet tad-dinja.”

“U x’kien jismu l-perit ta’ dat-tempju?”

“M’għadx għandi amment,” stqarr hu, “naħseb ħadd ma jafu ismu.”

“Tassew? Imma l-isem Erostratus tiftakru hux? Rajtx, ma marx xagħwiet sa barra mela.”



Dit-taħdita ntemmet b’dan il-kliem, iżda kont veru kalm; kellhom jiftakruha fil-mument opportun. Lili, li sa dakinhar qatt ma kont smajt b’Erostratus, l-istorja tiegħu qawwietli qalbi. Kien ilu iżjed minn elfejn sena mejjet, u għemilu kienu għadu jibbrilla bħal djamant iswed. Bdejt nemmen li d-destin tiegħi kellu jkun qasir u traġiku. Għall-ewwel dil-ħaġa kexkxitni, iżda mbagħad drajtha. Jekk wieħed iħares lejha minn banda jaraha tal-biża’, iżda minn band’oħra, lill-mument għaddieni din tagħtih qawwa u sbuħija notevoli. Meta kont ninżel fit-toroq f’ġismi kont inħoss saħħa stramba. Fuqi kien ikolli l-pistola, dil-ħaġa li tispara u li tagħmel il-ħoss. Iżda ma kienx iżjed minnha li kont qed nieħu s-sikurezza, iżda minni nnfisi: kont essri tal-ispeċi tal-pistoli, tal-murtali jew tal-bombi. Jien ukoll, xi darba, fi tmiem ta’ din ħajti mqita, għad nisplodi u ndawwal lid-dinja bi fjamma vjolenti u qasira daqs leħħa tal-manjeżju. Seħħli, dik il-ħabta, li jkolli l-istess ħolma diversi ljieli. Kont anarkist. Intfajt fi triq il-kżar u fuqi kont qed inġorr magna infernali. Fis-siegħa miftiehma, għadda l-korteo, il-bomba splodiet u nbżaqna fl-ajru, jien, il-kżar u t-tliet uffiċjali mberfla bid-deheb, quddiem għajnejn il-folla.

Issa kont ili ma nidher l-uffiċċju ġimgħat sħaħ. Kont immur nippassiġġa fit-toroq prinċipali qalb il-vittmi futuri tiegħi, jew inkella ningħalaq f’kamarti u noqgħod infassal il-pjanijiet. Tawni s-sensja fil-bidu t’Ottubru. Allura qbadt ngħaddi ħini nikteb din l-ittra, li bħalha għamilt mitt kopja u tnejn:

“Sinjur,
Int persuna magħrufa u l-kotba tiegħek jinbiegħu bl-eluf. Ħallini ngħidlek għaliex: dan għax int tħobb il-bnedmin. Għandek l-umaniżmu fid-demm: tassew xortik tajba int. Meta tkun man-nies wiċċek jieħu d-dawl; appena tkun ma’ xi wieħed bħalek, anke jekk ma tkunx tafu, tħoss simpatija għalih. Tiggostalu ġismu, il-mod kif ikun magħqud, riġlejh li jinfetħu u jingħalqu meta jrid, u fuq kollox idejh: togħġbok din li jkollu ħamest iswaba’ f’kull id u li jkun jista’ jipponta behmu lejn is-swaba’ l-oħra. Titgħaxxaq meta dak ta’ maġenbek jaqbad kikkra minn fuq il-mejda, għax il-mod kif jaqbadha jkun uman għalkollox u min jaf kemm-il darba ddeskrivejtu fil-kotba tiegħek; huwa inqas flessibbli, inqas għaġġieli minn dak ta’ xadina, iżda ferm iżjed intelliġenti, mhux hekk? Fil-bniedem tħobb ukoll il-laħam, il-mixja ta’ midrub gravi fi triqtu lejn ir-riabilitazzjoni, dik l-arja ta’ xi ħadd li qed jivvinta l-mixi mill-ġdid ma’ kull pass li jagħmel, u dik il-ħarsa famuża li l-bhejjem selvaġġi ma jġerrgħuhiex. Għaldaqstant kien faċli għalik li ssib l-aċċent konvenjenti biex tkellem lill-bniedem dwaru nnifsu: aċċent modest iżda mqanqal. In-nies jintefgħu fuq il-kotba tiegħek b’ċerta regħba, jaqrawhom fuq xi pultruna komda, joqogħdu jaħsbu fuq dik l-imħabba kbira mnikkta u rżina li ġġibilhom, u dana jagħtihom il-faraġ għal ħafna xorti, talli jkunu koroh, talli jkunu ġwejfa, talli jkunu kornuti, talli ma jkunux ħadu ż-żieda fl-ewwel ta’ Jannar. U dwar l-aħħar ktieb tiegħek, bil-qalb kollha jgħidu: din azzjoni tajba.

“Nimmaġina li għandek kurżità tkun taf x’jista’ qatt ikun bniedem illi ma jħobbx il-bnedmin. Sewwa wisq, jiena wieħed minnhom, u tant ma nħobbhomx li ser immur noqtol nofs tużżana minnhom ma ndumx: għandek imnejn tistaqsi: imm’għala nofs tużżana biss? Għax il-pistola tiegħi għandha sitt skrataċ biss. Mostrożità din, hux? U barra minn hekk, dan hu att tabilħaqq bla dehen, hux hekk? Iżda jiena ngħidlek li ma nistax inħobbhom. Dak li tħoss int nifhmu sew. Iżda dak illi tħobb fihom int lili jqallagħni. Bħalek, jien rajt bnedmin jomogħdu bil-mod waqt li jżommu għajnejhom attenti, huma u jqallbu rivista ekonomika b’idhom ix-xellugija. Għandi xi tort jien jekk nippreferi nara l-ikliet tal-foki? Il-bniedem b’wiċċu ma jista’ jagħmel xejn bla ma jispiċċa f’logħba tal-fiżjonomija. Meta jomgħod b’ħalqu mitbuq, l-irkejjen ta’ ħalqu jitilgħu ’l fuq u jinżlu ’l isfel, donnu jkun għaddej bla heda mis-serenità għal sorpriża mbikkma. Din togħġbok lilek, naf, int issibha bħala l-viġilanza tal-Ispirtu. Imma lili ddardarni; l-għaliex ma nafx, hekk twelidt jien.

“Li bejnietna ma kien hemm xejn għajr differenza fil-gosti kieku jien ma kont inħanfsek xejn. Imma kollox jiġri bħalkieku inti qiegħed fi stat ta’ grazzja mentri jiena le. Jien liberu li nħobb jew nobgħod l-awwista l’Amerikana, imma jekk ma nħobbx il-bnedmin, allura jiena wieħed miżerabbli u l-ebda miżbla ma tridni. Is-sens tal-ħajja kkapparrawh għalihom. Nittama li qed tifhem xi rrid ngħid. Issa ilni tlieta u tletin sena naħbat ma’ bibien mitbuqa li fuqhom ikollhom miktub: “Ma jidħol ħadd li mhux umanist.” Kulma kont dħalt għalih kelli nitilqu ħesrem; kien jeħtieġli nagħżel: jew kien xi tentattiv assurd u misħut jew inkella llum jew għada kellu jinbidel fi gwadann għalihom. Dawk il-ħsibijiet li ma kontx naħsibhom b’mod espliċitu għalihom, kieku qatt irnexxieli nbegħedhom minni, nifformulahom: kienu jibqgħu hemm ġo fija bħal taħrikiet ħfief u organiċi. Saħansitra l-għodod li kont ninqeda bihom kont inħosshom tagħhom; il-kliem perkażu: xtaqt kliem li jkunu tiegħi. Iżda dawk li ninqeda bihom jien tnikkru f’min jaf kemm-il kuxjenza; jissawru f’rasi minn jeddhom skont id-drawwiet li qabdu m’għand ħaddieħor, u ara taħseb illi jien u niktiblek qed nużahom bla stmerrija ta’ xejn. Iżda did-darba kienet tal-aħħar. Ħa ngħidlek: jeħtieġ tħobbhom il-bnedmin, inkella jkollok xorti jekk iħalluk tilgħab tal-ors. Imsomma, jiena ma rridx noqgħod nilgħab tal-ors. Sejjer naqbad il-pistola dalwaqt, ser ninżel fit-triq u ser nara daqsxejn jekk tistax issir xi ħaġa kontra tagħhom. Saħħa Sinjur, għandu mnejn ikun proprju miegħek li niltaqa’. Jekk ikun hekk, ma ssir taf qatt imbagħad b’liema pjaċir inkun tajjartlek rasek. Jekk le – bħal m’aktarx jiġri – aqra waħda l-gazzetti t’għada. Fihom għandek tara li tizju jismu Paul Hilbert mar qatel, waqt dagħdigħa, ħamsa min-nies li nzertaw għaddejja mill-Boulevard Edgar-Quinet. Ħadd daqsek ma jafu l-valur tal-proża tal-ġurnali ta’ kuljum. Għandek tifhem, imbagħad, li m’iniex “imdagħdagħ.” Anzi, ninsab kalm ħafna u nitolbok tilqa’, Sinjur, l-isbaħ tislijiet tiegħi.”

Paul Hilbert

Daħħalt il-mitt kopja u tnejn f’mitt envelop u tnejn, u fuq l-envelops ktibt l-indirizzi ta’ mitt kittieb Franċiż u tnejn. Imbagħad, tfajthom kollha fil-kexxun tal-mejda flimkien ma’ sitt kotba bolol.

Tul il-ħmistax ta’ wara barra ħriġt ftit li xejn, tħallejt ninħakem bil-qajla l-qajla mid-delitt tiegħi. Fil-mera, fejn ġieli kont immur inħares, kont ninnota il-bidliet ta’ wiċċi bi pjaċir. Għajnejja kibru, kienu qed jibilgħuli wiċċi kollu. Kienu suwed u teneri taħt in-nuċċali, u kont indawwarhom bħal pjaneti. Għajnejn sbieħ t’artist u t’assassin.



Imma fija kont nistenna bidliet ferm iżjed fil-fond wara t-twettiq tal-massakru. Rajt ir-ritratti ta’ daż-żewġ xebbiet sbieħ, dawk iż-żewġ sefturi li kienu qatlu u serqu l-padruni tagħhom. Rajt ir-ritratti tagħhom, ta’ kif kienu qabel u ta’ kif saru wara.



Qabel, wiċċhom kien jitbennen bħal fjuri għaqlija fuq għenuq illamtati tal-pikè. Kienu jrejħu l-iġjene u onestà li tiftaħlek l-aptit. Ħadida diskreta kienet ġegħdetilhom xagħarhom pariġġ. U – iżjed rassikuranti minn xagħarhom innokklat, minn għenuqhom u mill-bixra ta’ tnejn li qegħdin għand il-fotografu – kien hemm ix-xebh ta’ żewġ aħwa, xebh tabilħaqq qawwi, li dlonk joħroġ fid-dieher ir-rabtiet tad-demm u l-għeruq naturali tal-grupp tal-familja.



Wara, wiċċhom kien jiddi bħal ħuġġieġa nar. Kellhom l-għonq għeri ta’ tnejn sejrin għall-qtugħ ir-ras. Tikmix kullimkien, tikmix iwaħħax ta’ mibegħda u biża’, tinjiet, toqob fil-ġilda bħal donnu xi bhima kollha dwiefer kienet qagħdet iddur mejt fuq wiċċhom. U dawk l-għajnejn, dawk l-għajnejn dejjem suwed u bla qiegħ – bħal tiegħi. U madankollu ma kienu baqgħu jixxiebhu xejn. Kull waħda kienet tixhed il-fakra tad-delitt komuni tagħhom bil-mod tagħha. “Jekk jibbasta,” għedt lili nnfisi, “delitt li sar fil-biċċa l-kbira b’ċikka, biex jibdel dawk l-uċuħ iltiema b’dal-mod, mela x’ma nistenniex minn delitt meqjus u organizzat għalkollox minni?” Dan kellu jippossedini, jaqlibli l-kruha hekk umana tiegħi ta’ taħt fuq... delitt, delitt li jaqta’ l-ħajja ta’ min jagħmlu f’biċċtejn. Għandu jkun hemm mumenti meta fihom tkun tixtieq terġa’ lura, imma jibqagħlek hemm, warajk, jimbarralek it-triq, dal-mineral ifexfex. Ma kont qed nitlob xejn għajr siegħa waħda biex ingawdi ’l tiegħi, biex inħoss il-piż tiegħu jisħaqni. Dis-siegħa kont ser inħejji kollox b’tali mod li tkun kollha tiegħi: għamilt f’rasi li l-eżekuzzjoni nagħmilha fil-parti ta’ fuq ta’ Triq d’Odessa. Kelli napprofitta mill-paniku sabiex inlebbet ’l hemm huma u jiġbru l-mejtin tagħhom mill-art. Kelli niġri, naqsam il-Boulevard Edgar-Quinet u ndur b’kemm nimxi għal Triq Delambre. Ma nkunx irrid aktar minn tletin sekonda biex nilħaq il-bieb tal-bini fejn noqgħod. Dak il-ħin, dawk li kellhom jiġu jfittxuni jkunu għadhom il-Boulevard Edgar-Quinet, il-passi tiegħi jkunu tilfuhom u jkunu jeħtieġu fuq siegħa fiż-żgur biex jerġgħu jsibuhom. Jiena noqgħod nistenniehom id-dar, u meta nismagħhom iħabbtuli l-bieb, nikkarga l-pistola u nispara ġo ħalqi.

Kont bdejt ngħix iżjed komdu; ftehimt ma’ fornitur tal-ikel minn Triq Vavin li kien jibgħatli bukkun tajjeb kull filgħodu u kull filgħaxija. Il-lavrant kien idoqq, imma jien ma kontx niftaħ. Kont nistenna xi ftit minuti, imbagħad inbexxaq il-bieb u nara platti mimlijin idaħħnu f’basket tawwali mqiegħed mal-art.

Fis-27 ta’ Ottubru, fis-sitta ta’ filgħaxija, kien fadalli sbatax-il frank u nofs. Qbadt il-pistola u l-pakkett tal-ittri, u nżilt ’l isfel. Qgħadt attent li ma nagħlaqx il-bieb, ħalli wara li nkun wettaqt il-kolp inkun nista’ nidħol ġewwa iżjed malajr. Ma kontx qed inħossni tajjeb, kelli idejja kesħin silġ u d-demm kien tiela’ għal rasi, għajnejja bdew jikluni. Ħarist lejn il-ħwienet, lejn l-Hôtel des Ecoles, lejn tal-gazzetti minn fejn nixtri l-lapsijiet, u m’għarafthomx. Kont qed ngħid lili nnifsi: “Xi triq hi din?” Il-Boulevard Montparnasse kien maħnuq bin-nies. Kienu qed jimbuttawni, jitfgħuni lura, jidħlu fija bil-minkeb jew bl-ispalla. Ħallejtni nintefa’ ’l hawn u ’l hemm, ma kellix saħħa niżgiċċa minn fosthom. F’ħin bla waqt rajt lili nnifsi qalb dil-kotra, orribilment waħdi u ċkejken. Kemm setgħu jweġġgħuni kieku riedu! Kont qed nibża’ minħabba l-arma li kelli fil-but. Deherli li kienu ser jintebħu li kienet qiegħda hemmhekk. Kieku, kienu jħarsuli b’għajnejn isawtu, kienu jgħidu: “Ħojj hemm... ħojj...!” b’korla kuntenta, jaħfnuni b’dawk l-idejn ta’ bnedmin. Minxur! Kienu jixħtuni għal fuq rashom u nerġa’ naqa’ f’dirgħajhom bħal pupazz. Qist li kien ikun iżjed għaqli jekk nipposponi l-eżekuzzjoni tal-pjan tiegħi għall-għada. Mort niekol għand La Coupole b’sittax-il frank u tmenin. Is-sebgħin ċenteżmu li kien fadalli xħetthom f’miżieb.

Qattajt tlett ijiem f’kamarti, bla kilt u rqadt. Kont għalaqt il-persjani u la ssograjt nersaq lejn it-tieqa u lanqas nixgħel id-dawl. Jum it-Tnejn, xi ħadd daqqli l-qanpiena tal-bieb. Żammejt in-nifs u qgħadt nistenna. Wara xi minuta reġa’ ċempel. Mort fuq ponot subgħajja nwaħħal għajni mat-toqba tas-serratura. Ma rajt xejn ħlief biċċa drapp sewda u buttuna. Reġa’ ċempel oħra u mbagħad niżel ’l isfel: min kien ma nafx. Billejl kelli viżjonijiet rinfreskanti, siġar tal-palm, ilma ġieri, sema vjola fuq koppla. Għatx ma kellix għax kull siegħa kont immur nixrob mill-vit tas-sink. Imma kelli l-ġuħ.



Erġajt rajt il-qaħba s-smajra. Dan kien f’kastell li kont bnejt fuq il-Causses Noires mili ’l bogħod minn kull villaġġ. Kienet għarwiena u weħidha miegħi. Ġegħeltha tinżel għarkupptejha u timxi fuq idejha mal-art bit-theddid tal-pistola tiegħi; imbagħad irbattha ma’ kolonna, u wara li fissirtilha fit-tul dak li kont ser nagħmel, imlejtha tilja ċomb. Dax-xeni tant skunċertawni li kelli mmur indoqqhomlu. Wara bqajt fid-dlam bla ma nitħarrek, b’rasi battala għalkollox. L-għamara bdiet tfaqqa’. Kienu l-ħamsa ta’ filgħodu. Ma nafx x’ma kontx nagħti biex nitlaq mill-kamra, iżda ma stajtx noħroġ għax kien hemm in-nies mexjin fit-triq.

Sebaħ il-jum. Ma kellix iżjed ġuħ, iżda beda jxoqq l-għaraq għalija: il-qmis ġibtha għasra. Barra kienet ix-xemx. Imbagħad ħsibt: “F’kamra magħluqa jinsab Hu, moħbi fi dlam ma tarax tidgħi. Tlett ijiem ilu ma jiekol u jorqod. Ċemplulu l-bieb, iżda Huwa ma fetaħx. Minn hawn u ftit ieħor, Huwa ser jinżel fit-triq u ser joqtol.” Kont qed inwerwer lili nnifsi. Fis-sitta ta’ filgħaxija reġa’ bini l-ġuħ. Kont imbegħren bir-rabja. Għal mument bqajt dieħel fl-għamara, imbagħad xgħelt id-dawl tal-kmamar, tal-kċina, tal-kamra tal-banju. Qbadt inkanta ngħajjat kemm niflaħ, ħsilt ħasla idejja u tlaqt ’il barra. Domt fuq żewġ minuti biex nimposta l-ittri fil-kaxxa. Bdejt indeffishom ’il ġewwa għaxra għaxra. Xi wħud minnhom kelli ngħaffiġhom. Imbagħad imxejt tul il-Boulevard Montparnasse sa Triq d’Odessa. Waqaft quddiem vetrina ta’ ħanut tal-qomos, u meta lmaħt wiċċi fiha ħsibt: “Għal-lejla.”

Intasabt fil-parti ta’ fuq ta’ Triq d’Odessa, tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod minn fanal tat-triq, u qgħadt nistenna. Għaddew żewġ nisa. Kienu id f’id, il-bjonda kienet qed tgħid:

“Kienu poġġew xi twapet mat-twieqi kollha, u n-nobbli tal-pajjiż kienu qed jieħdu sehem fil-ġilwa.”

“Mela kienu bla flus?”

“M’hemmx għalfejn tkun bla flus biex taċċetta xogħol li jqallgħek ħames luwiġi kuljum.”

“Ħames luwiġi!” skantat is-samra. Hi u għaddejja minn maġenbi kompliet tgħid: “U mbagħad, nimmaġina li kienu jieħdu gost ixiddu l-kostumi tal-antenati tagħhom.”

Tbiegħdu. Kont qiegħed inħoss il-bard, imma kont qed negħreq qatigħ. Dikment rajt tlett irġiel ġejjin; ħallejthom jgħaddu: kelli bżonn sitta. Dak tax-xellug ħares lejja u ċaqċaq waħda lsienu. Jien dawwart ħarsti ’l hemm.

Fis-sebgħa u ħamsa, żewġ gruppi li kienu qed isegwu ’l xulxin mill-qrib feġġew mill-Boulevard Edgar-Quinet. Kien hemm raġel u mara ma’ żewġt itfal. Warajhom kienu ġejjin tliet nisa anzjani. Middejt pass ’il quddiem. Il-mara dehret irrabjata u bdiet tissossa lit-tifel minn driegħu. B’leħen mkarkar ir-raġel qal:

“X’uġigħ ta’ ras fih dal-imqarċaċ ukoll!”

Qalbi tant bdiet tħabbat illi qabdu juġgħuni dirgħajja. Imxejt ’il quddiem u qgħadt quddiemhom, immobbli. Subgħajja, fil-but, kienu rotob ħaxu madwar il-grillu.

“Skużani,” qal ir-raġel waqt li mbuttani.

Ftakart li kont għalaqt il-bieb tal-appartament, u dil-ħaġa fixlitni: kont ser nitlef ħin prezzjuż biex niftħu. In-nies tbiegħdu. Dort lura u qbadt insegwihom mekkanikament. Iżda l-aptit li nispara fuqhom kien telaqni. Intilfu fil-folla tal-bulevard. Mort nissiegħen mal-ħajt. Smajt it-tmienja jdoqqu u anke d-disgħa. Qgħadt intenni lili nniffsi: “Imm’għala għandi noqtol ’il dan-nies meta huma ġa mejtin?”, u kelli aptit nidħak. Ġie kelb ixammem ma’ saqajja.

Meta dak ir-raġel godli għadda minn biswiti, inħsadt u mort nitrod warajh. Kont qed naralu t-tinja tar-raqba ħamra bejn it-tomna u l-għonq tas-surtun. Kien qed jimxi daqsxejn imferċaħ u jieħu n-nifs bil-qawwi, kien jidher sod. Ħriġt il-pistola: kienet liemja u kiesħa, bdiet tqażżiżni, ma kontx qed niftakar sewwa x’suppost kelli nagħmel biha. Daqqa kont qed inħares lejha u daqqa lejn ir-raqba ta’ dat-tizju. It-tinja tar-raqba kienet qed titbissimli, bħal fomm imbissem u mqit. Kont qed nistaqsi lili nnifsi jekk kontx ser immur narmi l-pistola f’xi katusa.

F’daqqa waħda dat-tali dar lejja u ħarisli b’bixra mfantsa. Għamilt pass lura.

“Xtaqt... nistaqsik...”

Ma kienx jidher li qed jisma’, kien qed iħares lejn idejja. Temmejt ngħid bi tbatija:

“Tista’ tgħidli fejn tiġi Triq de la Gaîte?”

Kellu wiċċu mimli, u xufftejh bdew jirtogħdu. Ma qal xejn, mattar idu ’l barra. Imxejt iżjed lura u għedtlu:

“Nixtieq...”

F’dak il-waqt fhimt li kont ser naqbad inwerżaq. Ma ridtx: fajjartlu tliet tiri ġo żaqqu. Waqa’ żorba fuq irkupptejh, b’xeħta t’idjota, u rasu daret fuq spalltu tax-xellug, bħal rota.

“Ja bagħal,” għedtlu, “ja bagħal imġiddem!”

Ħrabt. Smajtu jisgħol. Smajt ukoll xi għajjat u passi mlebbta minn warajja. Xi ħadd staqsa: “X’inqala’? Qed jiġġieldu?” Imbagħad dlonk xi ħadd għajjat: “Għall-assassin! Għalih!” Lanqas ġietni f’rasi li dal-għajjat kellu x’jaqsam miegħi. Iżda deherli heddiedi, bħas-sireni tal-pumpiera meta kont għadni tifel. Heddiedi u kemxejn ridikolu. Kont qed inkarwat b’saqajja ma’ sormi.



Biss, kont għamilt żball ma jinħafirx: minflok erġajt tlajt Triq d’Odessa versu l-Boulevard Edgar-Quinet, kont qiegħed ninżilha ’l isfel versu l-Boulevard Montparnasse. Meta ntbaħt b’dan kien tard wisq: kont diġà qiegħed f’nofs il-kotra, bosta wċuħ mistagħġba kienu qed iduru lejja (niftakar dak ta’ mara kollha żebgħa li kellha kappell aħdar bil-pjumi), u kont qed nisma’ ’l dawk il-boloh ta’ Triq d’Odessa jħanġru “assassin assassin” wara dahri. Ħassejt id fuq spallti. Hemmhekk tlift rasi: ma ridtx immut mgħaffeġ min dik il-folla. Erġajt skargajt żewġ tiri. In-nies qabdu jwerżqu u jinferqu. Dħalt niġri f’kafetterija. Jien u għaddej il-klijenti qamu bilwieqfa iżda ma ttanta jwaqqafni ħadd. Qsamt il-kafetterija minn tarf sa tarf u ssakkart fil-loki. Fil-pistola kien għad fadalli balla waħda biss.

Għadda mument. Kont bla nifs u għadni nilheġ. Oħroġ il-għaġeb, kien hemm skiet perfett, bħalkieku n-nies kienu siktu għal tal-apposta. Għollejt l-arma s’għajnejja u rajt dik it-tqajba sewda u tonda: il-balla kellha toħroġ minn hemmhekk; il-porvli kellu jaħraqli wiċċi kollu. Irħejt driegħi ’l isfel u qgħadt nistenna. Waslu f’ħakka t’għajn, inkiss nkiss; mit-tkaxkir tas-saqajn mal-art li smajt, kellhom ikunu truppa sħiħa. Qagħdu jpespsu xi ftit imbagħad siktu. Jien kont għadni nilheġ u ħsibt illi kienu qegħdin jisimgħuni nonfoħ min-naħa l-oħra tal-paraventu. Xi ħadd mexa ’l quddiem bil-mod u heżżeż il-pum tal-bieb. Bilfors li kien imrassas mal-ħajt, ħalli jevita l-balal tiegħi. Xorta waħda kelli aptit nispara, iżda l-aħħar balla kienet għalija.

“X’qed jistennew?” staqsejt bejni u bejn ruħi. “Jekk jintefgħu għal fuq il-bieb u jifqgħuh f’salt, ma jkollix ħin inneħħi ħajti b’idejja, u jaqbduni ħaj.” Iżda ma kienu qed jgħaġġlu xejn, kienu qed iħalluli l-ħin kollu biex immut. Kienu qed jibżgħu, dawk il-qatta liba.

Wara ftit għola leħen:

“Ejj’iftaħ, m’aħna ser nagħmlulek xejn.”

Kien hemm waqt ta’ skiet, u l-istess leħen żied jgħid:

“Taf tajjeb li m’għandekx ċans taħrab.”

Ma weġibtx, kont għadni nilheġ. Biex nagħmel il-qalb ħalli nispara, qgħadt ngħid lili nnifsi: “Jekk jaqbduni dawk ser iħassruni, ser ikissruli snieni, forsi jifqgħuli għajni.” Xtaqt kieku nsir naf jekk dak il-godli kienx miet. Kelli mnejn drobtu biss... u ż-żewġ balal l-oħra, forsi ma kienu laqtu ’l ħadd... Dawk żgur kienu qed iħejju xi ħaġa, tgħid kienu qed ikaxkru xi oġġett tqil mal-art? Daħħalt il-kanna ġo ħalqi bil-ħeffa, u gdimtha bis-saħħa. Iżda ma stajtx nispara, u lanqas inpoġġi sebgħi fuq il-grillu ma stajt. Reġa’ waqa’ s-skiet.

Allura rmejt il-pistola u ftaħtilhom il-bieb.

Mużika: Song of Joy - Nick Cave & The Bad Seeds



Ħatab: 1

Blogger Erezija qal/qalet...

twila din :)

issa nipprintjaha u naqraha bil-kwiet

10:04 am  

Post a Comment

<< Lura