Thursday, June 05, 2008

Ardit Troglodit

Dil-mażżra li
ħażżaqtu m’għonq
ġensi żerrħitli l-essri.

Kont ġejt ngħammar magħkom
biex nixtarr il-għerf tagħkom;
sibt ilmenti u turmenti
sperimenti u sturmenti
nuċċalijiet lentijiet
kwantitajiet unitajiet;
iżda mank tieqa, mank bieb
mank trejqa jo’ miżieb.

U ngħalqu l-imnifsejn
u tqalu r-riġlejn
u qsaru l-idejn
...u ntebqu l-għajnejn
...u nstaddu l-widnejn.

Mel’jekk l-għajn qatt ma rat
u l-widna qatt ma semgħet,
x’hemm lest għalina
la n-nifs iħallina?

Oh x’inhu mwiegħer
dan il-għar!
Aħjar xawta nar
aħjar xarba fwar
minn dal-għaks
minn dal-ġuħ
minn dil-ħasda
tar-ruħ.

Għax jekk l-għajn qatt ma rat
u l-widna qatt ma semgħet,
x’ser jibqa’ minn fina
lil hinn minn dil-mina?

F’nharkom ilmaħt lejl
fej’ kull baqra sewda tuta,
f’lejlkom serp skifuż,
malizzjuż, velenuż.

Li dellkom kien ġawhar
aħjar il-ħjieġ minnu,
li kliemkom kien ħwawar
aħjar is-skiet la m’hux minnu.

Bakkartlu
maż-żerniq filgħodu,
u qtajtha ’lli ntir
lej’ sema ikħal nir
biex nisserreġ fix-Xemx
illi skondkom
żgur m’hemmx.

U nfetħu l-imnifsejn
u ħfiefu r-riġlejn
u twalu l-idejn
...u tberrħu l-għajnejn
...u nfetħu l-widnejn.

U mbagħad
....rajt
u mbagħad
....smajt:

“Kif trid tilmħu l-Infinit?
Kif trid tisma’ polz il-Mit
j’ardit troglodit?!
...Mhux torri ta’ l-għerf
...għandkom intkom,
...iżda Torri ta' Babel
...imdewwed bil-lebbra
...imgiddem bil-ġdiem
...imsewwes mis-sisien
...f’żogħritu ġà qdiem
...f’żogħżitu ġà spiċċa
...jiġ-
.........ġar-
................raf
...pass
.....pass
.......biċċa
.........biċ-ċa.”

Mużika: In The Wake of Poseidon - King Crimson