Saturday, April 12, 2008

DJASPORA
Lejla letterarja fil-Lussemburgu



Ix-xemx nieżla

Mill-pinna ta' Ċali Grima

Hemm ċentimetru għoli
fejn jegħreq il-ħsieb

u t-tifel żgħir jilbes l-ingwanti
tal-gomma

u jaqra fil-polz
it-taħbit tax-xemx

tissara ma’ l-aħħar għoljiet
qabel ma jsajjarha l-lejl
f’dan id-dlam ta’ bla forma
fejn minn taħt
jiġu sparati
il-porvli blu
tal-baħar.

Qari minn Antoine Cassar


----------------------------------


Iċ-Ċipressa ta’ Soma
Mill-pinna ta' Albert Marshall

imperpra fuq ix-xifer misnun tal-fruntiera bejn ir-realtà u l-mistħajjel
staqsejtek jekk il-mewt hix twelid ġdid
u wieġbu għalik darbtejn il-kadavri
darbtejn impalajna d-dellijiet minn taħt iċ-ċipress
bil-weraq tal-ħarifa ta’ ħajti
darbtejn il-mota
li dellket iċ-ċlampu ma’ sensina
u l-messinxena fiċ-ċimiteru minn wara ż-żlieġa tad-demgħat iffriżati f’għajnejna
neżgħet il-ħoss
u siket it-tnehid
u ttarrxet ix-xena

għarrixna taħt qigħan it-twiebet
qabel iż-żerżiq indiċenti għal ġol-bokka
qabel ma d-deffiena effiċjenti
bdew isoddu x-xquq bejn il-kaptelli
bil-paġni tat-times u l-orizzont
għarrixt f’għajnejk
u qegħidthomlok żewġ żebbuġiet ħodor fi plattina ċiniża
wara li awtopsjajtek bil-kalma għal tweġiba
imma minflok iż-żebbieġa ta' għajnejk
wieġeb ir-riħ jokrob monotonu qerried ta' baħar imniġġes

xi ħadd ġie jwaħħalli qronfla tagħti fl-abjad mal-pavru
minn ħalq bukkett ifesfes it-talba tal-mejtin fuq l-għatu tat-tebut
il-fjura mmanettjani mal-fdal tal-mejtin tagħna
u kkalzratni lsir fuq ix-xini taż-żmien
ibaħħar mingħajr boxxla
imma t-tweġiba baqgħet mistura x’imkien fejn lili
ma jlaħħaqlix

ħarist bla dmugħ mix-xaqq diżinfettat tal-bieb tal-mortwarju
u bħal donni rajt barbier bi bluża bajda silġ
jirgħa s-sapun ma’ lħit il-kadavru ta’ missieri
għall-aħħar taqxira qabel it-tkeffin
u lmaħt it-tweġiba tiżgiċċa ma' leħħa ruħ li taret 'il barra żbrixx minn miegħi

meta ġie lura l-ħoss fiċ-ċimiteru tal-messinxena
terter leħen imnebbaħ minn qalb il-balzmu tal-friegħi taċ-ċipressa
ta’ soma li taf lil kristu jitwieled

x’jimporta jekk il-mewt mhix twelid ġdid
meta inti anqas biss taf jekk
il-ħsieb
il-kitba
it-taħdit
ifissrux li inti ħaj

Qari mill-awtur





----------------------------------


Għal-Lussemburgu
Mill-pinna ta' Alex Vella Gera

M'iniex ser
Inbaxxi rasi u nissottometti ruħi
M’iniex ser
Nassumi li qatt m’jien se nissodisfa ġuħi
Ġewwa moħħi hemm uġigħ
Jidwi bħal fanal fid-dlam
L-uġigħ ta’ l-apparenza
Tas-soppravivenza
Ta’ l-irħam.

Ma rridx
Nisma’ iktar l-istess diskors.
Kemm se ndumu nħokku l-istess ġerħa?
Id-demm ħiereġ u ma ntuhx ċans jinxef
Jgħaqqad, jinħall, ifur,
Dal-likwidu bħal ħall
Ma jaqtax għatx ir-Redentur.

M’inix
Ma rridx
Nikkontempla iktar it-telfien tiegħi.
F’wiċċ is-sema fuq il-Lussemburgu
Darba rajt par idejn jissawru minn sħaba
Jiġġebbdu ’l isfel lejn it-Torri A
U min-naħa l-oħra tal-pont qgħadt niskanta.
Ħsibtha viżjoni tal-mewt
Sarima ta’ rimors jew oraklu tal-ġejjieni
Kont naħseb li wasalt tard iżda forsi qiegħed kmieni.

U l-istorja tkompli, tikkomplika ruħha.
Il-bidu tal-vjaġġ għosfor warajja
It-tmiem għadu moħbi xi mkien fil-ħajja
U l-ġuħ kontinwu ta’ min għex ħajtu fil-kċina
U l-qalb diżilluża, fraġili, tal-kina.
Kliem kemm trid issib fl-Aquilina,
Ħlief dik li hija ċ-ċavetta għal barra
Għal barrani f’art barranija -
Mhux biss fil-ġisem, iżda wkoll ġo fija.

Qari mill-awtur




----------------------------------


In-Nawżja
Mill-pinna ta' Jean-Paul Sartre. Maqlub għall-Malti minn Kevin Saliba.

Introduzzjoni bl-Ingliż: This is a short excerpt from my Maltese translation of Jean-Paul Sartre’s seminal existential novel La Nausée. This passage portrays the ad hoc discursive reasoning of a disturbed individual whose phenomenological understanding of the world has been somewhat altered. Still ambivalent about this profound realization, he weighs up possibilities by going back and forth in the remote and recent remembrances of his existence. But what is the matter with him? At this early stage, we are not allowed to know. Admittedly, he does not even know himself. All he seems to really know is that he’d better find himself some answers before it’s all to late.



(Ftuħ id-djarju ta’ Antoine Roquentin, mill-ewwel rumanz ta’ Jean-Paul Sartre)

It-Tnejn, 25 ta’ Jannar 1932.

Ġratli xi ħaġa, ma nistax niddubita dan iżjed. Ġiet fuqi bħal xi marda, mhux bħal xi ċertezza tas-soltu, mhux bħal xi ħaġa evidenti. Daħlet fija inkiss inkiss, bil-ftit il-ftit; ħassejtni xi ftit stramb, xi ftit skomdu, dak kollox. Malli qagħdet f’postha, ma tħarrkitx iżjed, baqgħet kwieta, u stajt nikkonvinċi lili nnifsi li ma kelli xejn u li kien allarm falz. U issa hemm araha, bdiet tinfirex.

Ma nafx kemm il-professjoni ta’ storiku hi adattata biex tagħmel analiżi psikoloġika. Fil-qasam tagħna jkollna x’naqsmu biss ma’ sentimenti assoluti li nagħtuhom ismijiet ġeneriċi bħal Ambizzjoni jew Interess. Madankollu jekk għandi mqar nitfa għarfien tiegħi nnifsi, issa hu l-waqt li jmissni nħaddmu.

Pereżempju, f’idejja hemm xi ħaġa ġdida, ċertu mod kif naqbad il-pipa jew il-furketta tiegħi. Jew inkella hija l-furketta li issa għandha ċertu mod kif titħalla tinqabad, ma nafx. Iss’issa, hekk kif kont dieħel f’kamarti, waqaft ħesrem għax f’idejja ħassejt oġġett kiesaħ jiġbidli l-attenzjoni b’xi xorta ta’ personalità. Ftaħt idi u ħarist: kont sempliċement qiegħed naqbad il-pum tal-bieb. Dalgħodu fil-librerija, meta l-Awtodidatta ġie jgħidli bonġu, domt għaxar sekondi biex għaraftu. Rajt wiċċ mhux magħruf, bil-kemm kien wiċċ. Imbagħad kien hemm idu, bħal dudu abjad u oħxon f’idi. Tlaqtha minnufih u d-driegħ intreħa lura qisu mejjet.

Fit-toroq, ukoll, hemm bosta ħsejjes imtappna għaddejjin jitkaxkru.

Mela allura xi bidla ġrat matul dawn l-aħħar ftit ġimgħat. Iżda fejn? Hija bidla astratta li ma toqgħod fuq xejn. Tgħid jiena li nbdilt? Jekk mhux jien, mela dil-kamra, dil-belt, din-natura; irrid nagħżel.

* * * * * * *

Naħseb li jien li nbdilt: dik l-eħfef soluzzjoni. Hija wkoll l-iżjed waħda antipatika. Iżda fl-aħħar mill-aħħar ikolli nagħraf li jien suġġett għal dawn il-bidliet ta’ bla ħsieb. Il-biċċa hi li jien darba f’mitt qamar nintefa’ naħseb; għaldaqstant jinġemgħu fija gzuz ta’ metamorfożijiet żgħar bla ma nittendi, u mbagħad, jum fost l-oħrajn, tqum rivoluzzjoni ta’ vera. Dan hu li ta lil ħajti dan l-aspett imħarbat u bla sens. Meta tlaqt minn Franza, per eżempju, ħafna nies qalu li jien tlaqt wara li kien tani xi estru. U meta ġejt lura ħabta u sabta wara sitt snin ta’ vvjaġġar, aktarx setgħu reġgħu qabduha dwar xi estru. Qiegħed nerġa’ narani ma’ Mercier fl-uffiċċju ta’ dak l-uffiċjal Franċiż li rriżenja s-sena l-oħra wara l-każ Pétrou. Mercier kien ser jerħilha għall-Bengal fuq spedizzjoni arkeoloġika. Jien minn dejjem xtaqt immur il-Bengal, u huwa ħeġġiġni biex ningħaqad miegħu. F’dal-mument, niskanta għalfejn. Nimmaġina li ma kienx qiegħed iħossu ċert minn Portal u li kien qiegħed jorbot fuqi biex inżommu taħt għajnejja. Ma stajtx nara raġuni għala nirrofta. U anke kieku f’dak iż-żmien kont xammejt dik id-daqsxejn ta’ konġura rigward Portal, dik kienet tkun raġuni oħra biex naċċetta bil-qalb. Ħeqq, kont issummat, ma stajtx inlissen kelma. Kont qiegħed niċċassa lejn statwetta tal-Khmer li kienet fuq tapit aħdar, biswit l-apparat tat-telefon. Ħassejtni donni kont mimli limfa jew ħalib fietel. B’paċenzja ta’ l-anġli li kienet qiegħda tostor tfantisa ħafifa, Mercier qalli:

“Taf int, għandi bżonn inkun ċert uffiċjalment. Naf li ser tispiċċa tgħid iva, mel’allura aħjar taċċetta mill-ewwel.”

Għandu daqna sewda tagħti fl-aħmar u tfuħ ħafna. Ma’ kull taħrika ta’ rasu bdejt inxomm fewġa ħafifa ta’ fwieħa. U mbagħad, f’daqqa waħda, stenbaħt minn raqda ta’ sitt snin.

L-istatwa dehritli kerha seħta u stupida u ħassejtni mxabba’ sa mnifsejja. Ma stajtx nifhem għala kont qiegħed fl-Indo-Ċina. X’kont qiegħed nagħmel hemm? Għalfejn kont qiegħed inkellem lil dawk in-nies? Għaliex kont liebes daqstant stramb? Il-passjoni tiegħi kienet mejta. Kienet ħakmitni u kaxkritni warajha għal snin sħaħ; issa ħassejtni fieragħ. Iżda dak ma kienx l-agħar ta’ dan kollu: mixħuta quddiemi b’xi xorta ta’ telqa, kien hemm idea goffa u inspida. Ma nafx sewwasew x’kienet, iżda ma stajtx inħares lejha tant kemm marrditni. Dak kollu kien qiegħed jitħarbixli mal-fwieħa tad-daqna ta’ Mercier.

Trażżant, u mimli għalih weġibt xott xott:

“Nirringrazzjak, imma naħseb ivvjaġġajt biżżejjed: irrid immur lura Franza issa.”

Jumejn wara qbadt il-vapur lejn Marsilja.

Jekk m’iniex sejjer żmerċ, u jekk is-sinjali kollha li qegħdin jinġemgħu huma ħabbara ta’ xi tqalliba ġdida f’ħajti, mela ħeqq, jien qed nibża’. Mhux li ħajti hi rikka jew mimlija jew prezzjuża, iżda mbażża’ minn x’ser jitwieled u jaħkimni – u jġorrni miegħu, min jaf fejn? Tgħid ser ikolli nerġa’ nitlaq u nħalli kollox warajja bħall-Erbgħa fost il-ġimgħa – ir-riċerki, il-ktieb? Tgħid ftit xhur oħra, ftit snin oħra, għad nistenbaħ imkisser, deluż, qalb ħerba ġdida? Jeħtieġ nifhem lili nnifsi sewwa qabel ma jkun tard wisq.

Qari ta' l-introduzzjoni mit-traduttur. Qari tat-traduzzjoni minn John De Giorgio




----------------------------------


Il-Kejl
Mill-pinna ta' Mario Vella

Minn tuli mimdud fuq żaqqi nitmiegħek
għal ġisem li b’jedd kellu jkun midfun f’sodda miegħi
taħt dawn il-kutri tqal xi minn daqqiet immattar minkbejja
li laħqu draw l-irdoss ta’ kuxxtejk marbutin ma’ riġlejja
l-irqad li qatt ma jasal pront wara t-titwiba
ma niftakarx jekk kinux erbgħin sebgħin jew mija
in-nemex fuq imnieħrek żgħir inkaljat bejn żewġt ikwiekeb
li d-dija tagħhom ma rġajtx rajt mindu r-riħ ġarr il-weraq jitriegħed
Il-ħoss tal-kitla fuq in-nar ma’ sbieħ il-jum m’għadux jidwi fil-kċina
Fuq siġġu l-flokk u qalziet li ħallejt warajk għadhom mitwija
Spiċċa l-pjaċir ta’ skuża mbenġla wara t-tmasħin
Issa li ftakart li l-qomos bojod imorru fil-kexxun t’isfel
Issa li nifhem il-bżonn ta’ sħun u kiesaħ sabiex jiġik fietel
L-ashtray li ma titbattalx qabel timtela sa ruħ missierha
Is-sidin li mniżżel insejt kull meta fdajtlek il-Fiat
In-noti li għal kull xejn kont twaħħal mal-bieb tal-friża
Subgħajk li bilfors ridt taqta’ sabiex tuża sikkina
Il-vizzji kollha li bihom kont togħxa timpikani
Wieħed wieħed inberikhom u nsejjħilhom lura fi ħdani
Ta’ warajk ħerqana offrew dak li int ma ridtx twiegħed
u ħadtilhom ritratt hekk kif bil-mod rawni nitbiegħed
bħali lkoll ħallsu mingħajr qatt ma raw bqija
għax l-ebda qies ma kien preċiż daqs il-kejl tiegħek.

Qari minn Mark Vella




----------------------------------


Il-Madonna f’Dar Evelina
Mill-pinna ta' Pierre J. Mejlak

Kien iltaqa' magħha fil-Hungry Duck, fil-qalba ta' Moska, fejn sal-ħdax u nofs ta' bil-lejl in-nisa jlegilgu li jridu b'xejn. It-tnejn inzertaw mal-bar. Hi b'Hanky-Panky. Hu b'Vodka Martini. L-ewwel raw it-tazzi. Imbagħad ħarsu lejn xulxin u ntebħu li - bħal speċi - kienu weħidhom. U tiskanta kif kelma, anke fl-inġazzar ta' Moska, iġġib l-oħra. U l-għada filgħodu stagħġeb ftit għax hu u ħiereġ mill-appartament daqs nitfa tagħha, Evelina tatu x'jifhem li xtaqet li jerġgħu jiltaqgħu. U reġgħu.

U sitt xhur wara kienet miegħu, fid-dar li ħallietlu nanntu, f'raħal żgħir f'pajjiż daqs nitfa bejn Sqallija u l-Libja. Roża - ta' quddiem tagħhom, li kienet tqarben lin-nisa xjuħ - qalet li biex sab mara kellu jixtriha. Oħrajn elaboraw ftit iżjed u qalu li xtraha minn fuq l-internet. U kien hemm min kien jitbissem x'ħin jarahom. Bħallikieku kellhom xi ħaġa taċ-ċajt. M'għandniex xi ngħidu - xi qassisin u dawk midħla ftit iżżejjed tagħhom kienu jħarsu lejhom qishom qed jaraw lill-Iskarjota b'kaxxa Hopleaf f'idu. Għax - ovvja - dawn kienu qed jgħixu fid-dnub. Mhux talli qed jagħmlu s-sess qabel iż-żwieġ, imma talli qed jirregolarizzaw l-irregolari. Għax qed jgħixu qishom miżżewġin. Anke għand tal-grocer, marelli, ġieli jmorru flimkien biex jixtru l-butir. U allura kienu jagħtuhom dik il-ħarsa. Ta' l-aħfrilhom għax - bħallikieku - ma jafux x'inhuma jagħmlu.

Kienu kuntenti. Hi tieħu ħsieb id-dar, iżżejjen, issaqqi l-buganvilla, toqtol id-dubbien u ddur bir-rota, u hu mix-xogħol għad-dar, mid-dar għax-xogħol. Qatt ma kienu tkellmu wisq dwar reliġjon, ħlief dwar l-affarijiet ovvji, tipo dik t'hemm, ara, dik knisja, jew ftit bi żbrixx, bħal meta, fil-bidu, neħħiet poster ta' l-aħħar ċena mill-kċina għax ma kenitx taqbel mad-dekor u hu qabel magħha waqt li għafasha miegħu. Hu kien Kattoliku. Tgħammed, għamel it-tqarbina u l-griżma. Imma billi Evelina qatt ma semmietlu quddies u affarijiet bħal dawn, ma riedx iqajjimhom hu. Sakemm darba - is-Sibt filgħodu - waqt li Evelina kienet qed iddur bir-rota - ġabulhom il-Madonna.

"Ġibnilkom il-Madonna," qaltlu l-ġara, hekk kif fetħilha l-bieb.

Kienu jġerruha mar-raħal kollu. Jibdew minn tarf u kull dar tgħaddiha lil ta' ħdejha, sakemm il-Madonna tasal fit-tarf l-ieħor. U f'kull dar tagħmillek jumejn - il-biċċa l-kbira fil-kċina tlaqqat ma' wiċċha ż-żejt mit-taġen taċ-ċipps. Jew fis-salott, ħdejn is-Super One.

X'seta' jagħmel? Jgħidilha li ma jridhiex għax ma taqbilx mad-dekor li għażlet Evelina? Jirrifjuta lill-Madonna? Mhux lilha jitlob kull darba li jkun fil-waiting room tat-tabib b'weġgħa x'imkien? U issa jirrifjutaha? Ma tarax. Daħħalha, poġġiha fuq il-mejda tal-kċina u kompla jaqta' d-dwiefer ta' saqajh. Imbagħad daħlet Evelina.

"What the hell is that?"
"Xi tridha tkun, Evelina, ħi? That's the Madonna."
"And what is the Madonna doing in our kitchen?"
U għalxejn spjegalha x'kien il-ħsieb. Għalxejn ipprova juriha li hemm min iqatta' ħajtu medhi f'dawn l-affarijiet. Evelina qabdet il-Madonna u poġġietha taħt it-taraġ, b'tali mod li biex taraha ridt titbaxxa qisek dieħel taħt trakk.

"The Madonna can stay there for these two days."

U għamel kif jagħmel dejjem. Għalaq ħalqu. Għax l-argumenti żejda jdejquh. Imma dakinhar filgħaxija - fid-dar bl-isem In-Nann (b'rispett għal nanntu li ħallithielu) - bdew jiġru affarijiet strambi. Ibda biex inqata' d-dawl. U nqata' tagħhom biss. U malli pprova jtella' s-salvavita, sparat minnha leħħa nar li għal ftit ma xwitlux idu. Kien tard wisq għal Gużi l-electrician u allura qatgħuha li dik il-lejla jinġabru kmieni. U b'xemgħa tinħall ftit ftit fuq kull naħa tal-queen size, imtedd u ċċassa lejn is-saqaf u lejn id-dellijiet strambi li kienu qed jiffurmaw quddiem għajnejh. U f'nofshom beda jiżviluppa wieħed kbir. Forma ta' vleġġa. Anzi. Iżjed kważi siġra tal-Milied. Le. Beda jidher ċar kristall ... mara ... bil-velu. Il-Madonna ta' taħt it-taraġ! U beda l-ħolm ikrah. In-nar ta' l-infern. It-twerżiq. Il-ktajjen. Il-krib. Ix-xjaten u x'naf jien.

L-għada, x'ħin Evelina daħlet mid-dawra bil-mountain bike, sabet tilqagħha fuq is-sottospekkju l-istatwa tal-Madonna.

"What the fuck is this?"

Dakinhar, għall-ewwel darba, tlewmu bil-kbir.

Qari minn Mark Vella


----------------------------------




Intervalli mużikali minn Carmen Borg, Roberta Spiteri u Daniel Meilak




Wara l-Funeral - skeċċ teatrali miktub minn Simon Bartolo. Ħadu sehem Antoine Cassar, Lorrane Vella u Sephora Gauci.




Qrat ukoll Jane Marshall


----------------------------------


Jgħajtu x-Xjuħ
Mill-pinna ta' Miriam Galea

Mill-ġdid ninsab il-Kavallier. Barra l-Karnival. Għamilt brejk sħiħ niċċassa lejn il-Grand Défilé minn fuq il-ħajt għoli madwar Pjazza Ħelsien. Kien il-bard u r-riħ kiesaħ għamilli uġigħ ta' ras, ma stennejtx li ħa nibqa' mwaħħla hemm siegħa sħiħa. U ma nkunx irrid nitlaq. Issaħħart nara x-xemx tolqot il-kuluri jgħajtu u l-karti mqattgħin kaxxi żgħar jisparaw fl-arja. Ir-riħ beda jaqbadhom għalhekk inferrxu mas-sema u tektkuha kuluri bħal fil-ħolm. Bqajt niċċassa għax ftakart f'meta kont żgħira, fix-xemx tisreġ fuq il-grounds fil-junior lyceum taż-Żejtun, fit-tfajliet bil-qmis imxattra u d-dublett imxammar, fil-Malti u fil-Malti.

Dak kollu li kien għaddej quddiemi kien Malti. Malti minn kull naħa, minn ġewwa, minn barra, minn fuq u minn isfel, minn wara u minn quddiem. It-tfajliet joqomsu fuq il-karrijiet bl-uċuħ sfigurati u bl-għajnejn daqs dinja kkuppjati minn dawk ta' Mickey Mouse. Il-ġuvintur jaqbżu u jiċċelebraw malli jilmħu l-karru jinfetaħ; il-preżentatur jinħaq ġol-microphone b'żaqqu kbira marsusa f'ġakketta. Forsi kitsch, ħamallu imma Malti, imħallat ma' xejn, mhux imgerrex minn surtu. Kieku l-affarijiet baqgħu jikbru hekk f'kull għalqa, kieku għandna Malta mimlija daqs bajda, tingħaraf, ħajja, qawwija. Hekk kif qegħdin kollox għajjien, kollox beżżiegħ, kollox prudenti, kollox jilgħabha ta’ kollox barra ta’ Malti.

Qari mill-awtriċi




----------------------------------


Lis-Skiet
Mill-pinna ta' Joseph Spiteri

Bħal namrat li jistenna l-maħbuba,
hekk inkun nistenniek fuq ix-xwiek.
Wara jum ta' taħbit b'rasi maqluba,
infittex li miegħek biss inkun, ja skiet.

Int tirbombja fil-ġuf żgħir t'omm bla tama
Li fis-satra taħsad ħesrem tarbija.
Minn ġewwa kaptelli t'oqbra mudlama,
tidwi o ħemda, f'għodwa mgħajba xitwija.

Kemm nixtieq li kont mutu u bla widnejn
Għax kieku żgur li kont nisimgħek aħjar
O silenzju li twieġeb bla ma tgħid xejn,
int aqwa mill-ġawhar, mill-għana w l-ħajr.

Qari minn Mark Vella


----------------------------------


Il-Bikja tal-Buskett
Mill-pinna ta' Oliver Friggieri

Kull siġra trid titkellem,
kull werqa trid ittir,
u jien li dħalt f’dil-ħolma
għasfur nixtieq insir.

Hawn tiġi r-ruħ biex tifhem,
hawn tiġi l-qalb tistrieħ,
hawn tiġi l-għajn biex tara,
hawn biss, x’inhu s-sabiħ.

Ħarruba xiħa qaltli
kif kibret u trabbiet,
u ftaħret kif minn fuqha
ġrew hienja ż-żminijiet:

“Hawn kont u hawn se nibqa’,
bħall-bieraħ u bħal-lum,
bħal għada w bħal pitgħada,
hawn norqod w hawn inqum.

Inħaddar bla ma negħja,
ix-xitwa ma tkiddnix,
is-sajf anqas jaħraqni,
arawni w tmissunix.

La titbellhux, uliedi,
din l-art teqirduhiex,
għad tfittxu dis-sbuħija
w għalxejn, ma ssibuhiex.

Għad tindunaw x’ħin tilmħu
barrani ċass għaddej
ifittex lil pajjiżkom
meqrud, u jkun għalxej’.

Din art missirijietkom,
m’hix tagħkom, tmissuhiex,
uliedkom għad jistaqsu:
għaliex, għaliex, għaliex?”

Kull ġebla tenniet kelma
li llum tafha bl-amment,
u qaltli biex inwassal
lill-kotra dal-lament.

Dil-bikja smajt ġo qalbi
kif dħalt ‘il ġewwa nett
u ntlift fil-ħdura siekta
tal-ġenna tal-Buskett.”

Qari minn Samira Caruana, Daniel Meilak et al




----------------------------------


Jum ir-Riflessjoni
Mill-pinna ta' Antoine Cassar

Għada l-elezzjoni...
Jiena, Malti ta' barra
u barrani ta' ġewwa,
wara nofs ħajja
f’eżilju bl-addoċċ
nissindika mill-bogħod,
jirriżulta
li għada se nixħet
għall-ewwel darba l-vot.

Jum ir-riflessjoni...
Passiġġata fil-Belt,
qassata, ir-rassa
tan-nies, paqqa
wara paqqa,
nieqaf ħa nieħu nifs
fejn it-teatru mwaqqa'
u bilqiegħda
il-kummiedja nosserva.

Tant tgħallimt u tħawwadt
mit-tagħjir u l-għajat bla għadd
li ħsiebi rabba s-sura
ta' qrun iċ-ċerva...
waqt li f'qorrigħat in-nies
nissemma' bejn il-partiti
jissokta t-tpartit
ta' semm is-suppervja.

Mur semma’ leħnek
f’nofs dil-ħerba,
frattarija u ċaqċiq!
Għada nivvota nixtieq...

Nivvota nixtieq,
f'pajjiż fejn l-ilsna klubija
ma jaħlux ta' kuljum ir-riq
isewdu t-triq bi mxija
li minnha ħadd ma jfiq...

Nivvota nixtieq,
f'pajjiż fejn il-blu jfisser
baħar u sema
u xejn iżjed minn baħar u sema,
fejn l-aħmar ma jfissirx dmija,
fejn fil-kamra ta' l-imtallgħa
darba, darbtejn u mija
jintwera u jinstema'
kull lewn tal-qawsalla...

Nivvota nixtieq, f'pajjiż
fejn jesgħu l-forsi, l-aktarx,
l-għandu mnejn, il-jalla,
fejn nista' nagħżel li nagħżel,
fejn min b'fommu jwiegħed l-għasel
ma jirfisx l-għada kull warda
b'siequ mmarrda,
biex fuqha jkompli jkabbar
ix-xehda tal-ġebel misruq
mill-għelieqi bla għeluq
ħa jżid mad-diqa tad-djuq...

Nivvota nixtieq,
f’pajjiż li nista’ nsemmi
bla geddum u bla ċiera,
fejn ma nibqgħux niksu l-madum
b’daqstant simboli fiergħa,
fejn il-ħaddiem huwa l-imgħallem,
fejn l-għalliem ma jibżax jgħallem,
fejn qajla jkollhom
x'jitħabtu l-infirmiera,
fejn it-tadam jibqa' jkollu
togħma ta' tadam,
fejn idejn min jaħrat l-art
jiswew daqs is-subgħajn ratba
ta' min id-destin jiffirma f'salt,
fejn fil-ħolm ikrah ta' kull ħames snin
ma nibqax nara gżiriti
bejn ħalla u ħalla
dgħajsa bil-falla
tbaħħar ma' xifer belliegħa ġo
belliegħa bla
fond, bla
qiegħa...

Għalhekk għada jiena l-unu nixtieq nagħti
lil min hu ħati li jbati
il-moħqrija taċ-ċnagen,
l-iskieken sfiqa tad-dħaħen,
l-unu nixtieq nagħti
lil ħija, lil sieħbi,
lil nannti, lil qaribi,
lis-sinjura fuq ir-radju
itgemgem b’leħen kiebi,
lill-furnar, lis-sajjied,
lit-tfal jilagħbu fil-wied,
lill-bilbla tpassi fis-skiet,
lil dil-kilba għal niskata arja
f'nofs il-ħamba ta' l-ibliet,
iżda fuq kollox, għada
l-unu nixtieq nagħti
lill-pittur li b’kull kulur
tat-tavlozza jiżbogħ it-tila
tonda, fonda, b'mitt
tiżwiqa mogħnija
u kburija daqs bandiera
fuq ras it-tripied.

Qari mill-awtur




----------------------------------


L-awturi ta' DJASPORA jroddu ħajr lil Michael Apweiler, Simon Bartolo, Carmen Borg, Jitka Červená, Daisy Decelis, John De Giorgio, Graziella Galea, Sephora Gauci, Patrick Le Bohec, Jane Marshall, Ivan Said, Reno Saliba u t-tfal, Reuben Seychell, Yvonne Spiteri, Jitka Vajďaková, Loranne Vella, Mark Vella u lil kull min attenda.

© l-awturi, 2008

Mużika: Urizen - David Axelrod



Ħatab: 1

Blogger Fredu qal/qalet...

Mill-pinna LEGGERA ta' Alex Vella Gera!!!!

4:19 pm  

Post a Comment

<< Lura