Riflessjonijiet dwar it-traduzzjoni f'Malta
Student li qed jattendi l-kors ta' traduzzjoni fl-Università ta' Malta m'ilux talabni nwieġeb dawn il-mistoqsijiet dwar dan il-qasam. Napprezza ħafna naqra r-reazzjonijiet tagħkom dwar il-fehmiet tiegħi f'dan ir-rigward.
1. X’inhi l-akbar diffikultà li jħabbat wiċċu magħha t-traduttur Malti?
Jiddependi liema qasam ta’ traduzzjoni wieħed jikkunsidra. Fil-każ tat-traduzzjoni teknika – li ssibha l-iżjed fix-xogħol konness ma’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea – jidhirli li l-ikbar diffikultà hi n-nuqqas ta’ impjegati. Dan qed kull ma jmur iżid il-volum tax-xogħol tat-tradutturi.
Hemm diversi fatturi li jaħtu għal dan. Skond xi wħud, l-ikbar wieħed minn dawn huwa n-nuqqas ta’ kompetenza lingwistika. Jekk hu hekk, wieħed jittama li l-korsijiet Universitarji u oħrajn privati li qegħdin isiru bħalissa jirrimedjaw is-sitwazzjoni.
Fl-oqsma l-oħrajn hemm iżjed diffikultajiet, imma dan niġu għalih iżjed tard.
2. Xi żvantaġġi għandu t-traduttur Malti kkumparat ma’ tradutturi f’lingwi oħra?
L-ikbar żvantaġġ li ninnota hawnhekk huwa l-fatt li iżjed ma tkun pajjiż żgħir inqas se jkollok numru ta’ staff. Aħna l-Maltin, li aħna fost l-iżgħar fl-UE, għandna inqas tradutturi mill-biċċa l-kbira tal-pajjiżi l-oħra. Madanakollu, anke meta wieħed iqis li għad hemm ċerti derogi, il-volum tax-xogħol m'huwiex wisq inqas mill-bqija ta’ l-unitajiet l-oħra. Terġa’, il-postijiet allokati lilna għadhom ma ntelwx kollha kemm huma, (u mhux lakemm timlihom lanqas), u dan ikompli jikkomplika s-sitwazzjoni.
Żvantaġġ ieħor li ninnota ħafna hu li f'dan ix-xogħol it-traduttur jibqa' dejjem anonimu; tittraduċi mat-tmien paġni kuljum u ma jaf bik ħadd. F’oqsma ta’ traduzzjoni oħrajn, bħal dik letterarja, ismek forsi jirnexxilu jasal għand xi erba’ minn nies, iżda kollox ma' kollox, sfortunatament m'hemmx xi għalqa.
3. Xi strateġiji jħaddan it-traduttur Malti f’każ ta’ terminoloġija li għad m’hemmx ekwivalenti tagħha fil-Malti?
Ladarba l-ilsien Malti, illum iżjed minn qatt qabel, jeħtieġlu jespandi l-lessiku u l-idjoma tiegħu biex jesprimi kunċetti tekniċi ġodda, it-traduttur Malti għandu l-isfida li jwessa’ mill-aħjar li jista’ l-possibiltajiet tal-lingwa.
Dan isir b'diversi modi. Qabelxejn jiddependi mill-qasam. Mill-esperjenza tiegħi nista’ ngħid li hemm bosta oqsma fejn fihom jeħtieġ issir konsultazzjoni ma’ x’qiegħed jinkiteb f’lingwi oħrajn. Imbagħad, naturalment, it-traduttur irid jadatta t-terminoloġija barranija skond ir-regoli ta’ l-ortografija Maltija. Fl-oqsma tax-xjenza u l-kontabilità t-tendenza hi li wieħed jikkonsulta t-Taljan. F’dawk ta’ l-informatika spiss jiġu adattati termini mill-Ingliż.
Hawnhekk għandna diversi gruppi ta’ terminoloġisti li jieħdu ħsieb jiġbru t-terminoloġija. Dawn il-gruppi huma mqassmin skond is-suġġetti: l-oqsma legali, l-oqsma tekniċi, id-drittijiet tal-bniedem, il-finanzi, il-mediċina u x-xjenzi naturali fost oħrajn.
4. Tħoss li t-traduttur Malti huwa mħarreġ tajjeb fil-qasam tiegħu?
F’pajjiżna, kemm it-tradizzjoni u kemm l-industrija tat-traduzzjoni, jgħoddu biss ftit tas-snin. Għaldaqstant, it-taħriġ tekniku f’dis-sengħa għadu fi stadju ta’ żvilupp pjuttost bikri. Sa ftit snin ilu kellna sitwazzjoni fejn it-taħriġ f’dan il-qasam kien prattikament ineżistenti, aktarx għax ma nħassitx il-ħtieġa, sfortunatament, li jkollna nies imħarrġa biex jaħdmu bħala tradutturi.
Għaldaqstant is-sħubija ta’ Malta fl-UE żgur li ma sabitniex imħejjija għal xogħol bħal dan, u fil-fatt, kellna u għad għandha diversi problemi. Biss, jidher li f’dan il-qasam qed isir progress notevoli. Mill-esperjenza tiegħi, biex inġib eżempju, naf illi x-xogħol li qed jagħmlu t-tradutturi freelance issa tjieb qatigħ, u dan qed inaqqas ukoll xi ftit mill-volum tax-xogħol u l-pressjoni fuq it-tradutturi li jaħdmu hawnhekk.
5. Taħseb li hemm opportunitajiet għal min jitħajjar fid-dinja tat-traduzzjoni?
Mill-ġdid, jiddependi. F’dak li għandu x’jaqsam mat-traduzzjoni teknika, l-iżjed dik ta’ l-UE, naħseb li hemm diversi opportunitajiet tajbin, kemm Malta u kemm barra. S’issa jidher li d-domanda għadha pjuttost soda filwaqt li n-numru ta’ tradutturi kompetenti, għad li qed jikber, għadu ma laħaqx ċifri kbar. U allura dan joħloq bosta opportunitajiet, l-iżjed meta wieħed iqis l-esiġenzi lingwistiċi ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-UE.
Fil-każ ta’ oqsma ta’ traduzzjoni oħra, ngħidu aħna dik letterarja, b’xorti tassew ħażina l-istorja hija differenti għal kollox.
6. Taħseb li f’Malta għad tikber il-kultura tat-traduzzjoni letterarja?
Diffiċli nbassar x’jista’ jiġri, għax żvilupp bħal dan jiddependi minn bosta fatturi essenzjali. Nemmen li dan il-qasam huwa livell ogħla ta’ traduzzjoni, tant li nqisu bħala arti iżjed milli xogħol mekkaniku.
Minbarra x-xogħol tiegħi ta’ traduttur fil-Parlament Ewropew, jiena nagħmel ukoll diversi traduzzjonijiet letterarji. Inqis ruħi bħala individwu letterarju, u jkolli nistqarr li t-traduzzjoni teknika mhix l-iżjed waħda għall-qalbi. Għaldaqstant f’dan ir-rigward forsi nista’ nikkummenta xi ftit iżjed, għax dan huwa argument li jolqotni personalment.
Fil-fehma tiegħi, il-kultura tat-traduzzjoni letterarja teħtieġ, ta’ l-inqas, dawn it-tliet tliet elementi:
i) Qabelxejn, tradutturi kompetenti. Fil-fehma tiegħi l-livell ta’ għarfien tal-Malti fostna m’huwiex dak li wieħed jixtieq. Kif għedt qabel, anke fl-għażla tat-tradutturi ta’ l-UE kellna nħabbtu wiċċna ma’ bosta diffikultajiet. M’iniex se noqgħod nidħol fil-mertu ta’ x’qed jikkaġuna dan in-nuqqas, għax dan imur lil hinn mill-iskop ta’ din l-intervista. Hu x’inhu l-każ, dan l-aħħar ittieħdu diversi passi korrettivi biex jinstab tarf ta’ din is-sitwazzjoni, u nemmen li dan kien pass għaqli lejn id-direzzjoni t-tajba.
Mill-banda l-oħra, naf diversi individwi li ppubblikaw jew li qegħdin jaħdmu fuq xi traduzzjonijiet letterarji, u b’sodisfazzjon ninnota li l-livell huwa wieħed eċċellenti. Madankollu, għal raġunijiet ovvji, in-numru ta’ persuni li huma involuti f’dax-xogħol huwa ftit wisq. Naf diversi tradutturi, barra jien, li tassew jixtiequ jaħdmu bis-serjetà f’dan il-qasam. Hija ħasra li ma nsibux wisq spazju.
ii) Ir-rikonoxximent tat-traduzzjoni letterarja bħala ħtieġa kulturali u bħala arti fiha nfisha. F’dan ir-rigward, x’inhi sewwasew il-qagħda preżenti li għandna f’pajjiżna ma nazzardax ngħid b’ċertezza. Dan huwa xogħol li mhux biss jirrekjedi ħakma tajba tal-lingwa, iżda wkoll livell ta’ kreattività liema bħalu.
Biss, għandi l-impressjoni li din l-arti għadha mhix apprezzata daqskemm wieħed jistenna, l-iżjed għax forsi fostna hemm it-twemmin stramb illi ladarba ktieb diġà jeżisti bl-Ingliż m’hemmx il-ħtieġa li dan jinqaleb għall-Malti. Terġa’, wisq inqas ninnota xi entużjażmu biex isir sforz ħalli xogħol l-awtri tagħna jinqeleb f’lingwi barranin.
iii) Suq vijabbli li jippermetti l-iżvilupp ta’ din l-industrija. Minħabba s-sitwazzjoni li għadni kif semmejt, il-possibilitajiet li jkollna suq ta’ traduzzjoni sod u dinamiku jidhru li huma minimi. Għalxejn ikollok tradutturi ħerqana u kompetenti jekk dawn, imbagħad, ma jkollhom l-ebda possibilità remota li jimpjegaw ruħhom f’dan il-qasam. Fil-fatt, din hija sewwasew il-qagħda tal-ftit tradutturi letterarji Maltin li għandna llum. Jekk taqta’, forsi, xi erba’ minnhom, jirriżulta li dawn jagħmlu dan ix-xogħol fil-ħin ħieles tagħhom u għall-amorpropju tagħhom. M’hemmxi xi ngħidu, dan jillimita bil-kbir il-kwantità ta’ xogħol li jiġi tradott, u nemmen li qed inaffar ukoll bosta persuni milli jieħdu inizjattivi bħal dawn. Barra minn hekk, dan jirristrinġi bil-kbir l-attività kreattiva tagħhom. Mill-esperjenza tiegħi u ta’ tradutturi letterarji oħrajn nista' ngħid li din hija qagħda tassew frustranti. Din tfakkarni f’kumment li darba għaddiet il-ġurnaliosta Messikana Alma Guillermoprieto. Skondi hi, “it-traduzzjoni għandha l-fama ħażina li bħala sengħa ftit li xejn hija apprezzata. Flus fiha assolutament m’hemmx; titolbok tgħaddas bil-qawwi l-essri tiegħek f’ta’ ħaddieħor; is-sigħat huma twal u l-isforzi tiegħek bilkemm ikunu magħrufa daqs dawk ta’ min jirranġalek it-telefown.”
F’diversi pajjiżi barranin, inklużi dawk iżgħar minna, is-sitwazzjoni hija kompletament differenti: għandek bosta tradutturi attivi kif ukoll diversi djar ta’ pubblikazzjoni li jimpjegawhom u li jippubblikaw xogħlhom. Dan kollu japplika wkoll għall-qarrejja tal-provi.
Dawn il-limitazzjonijiet inaqqas bil-kbir il-possibilitajiet ta’ l-iżvilupp ta’ din l-arti f’pajjżna, u joħnoq kull tama, fil-fehma tiegħi, li ’l quddiem għad jinbtu xi karrieri stabbli f’dan il-qasam. Fi kliem ieħor, ma nemminx li din il-kultura għad qatt rassew tikber kemmildarba s-sitwazzjoni tagħna tibqa’ kif inhija llum.
Madankollu, minkejja dawn l-intoppi, ma nemminx li għandna naqtgħu qalbna għalkollox. Il-limitazzjonijiet tagħna nafuhom, iżda nafu wkoll li hemm pajjiżi tamparna u anke iżgħar minna, illi xorta għandhom kultura ta’ traduzzjoni letterarja ħajja u vibranti. Dan aktarx għax il-popolazzjoni tagħhom tħobb taqra iżjed, u wkoll, għax forsi għandhom stima ikbar minn tagħna lejn ilsien pajjiżhom.
Madankollu, jekk tassew irridu li naraw din l-industrija tikber, u jekk tabilħaqq irridu noħolqu ġejjieni sabiħ għall-ilsien Malti, nemmen bis-sħiħ li dan il-qasam għandu jitpoġġa lil hinn mil-loġika normali tas-suq. F’dan ir-rigward, jiddispjaċini ninnota li l-gvernijiet tagħna qatt ma indenjaw ruħhom jagħmlu xejn.
7. X’inhuma l-kwalitajiet li għandu jkollu traduttur?
M’hemmx xi ngħidu, nemmen li traduttur għandu jkollu ħakma tajba fuq il-lingwi li jaħdem bihom.
Barra minn dan, fil-fehma tiegħi, traduttur irid ikun ukoll qara ħafna, b'mod speċjali f'dak li għandu x'jaqsam mat-teorija tat-traduzzjoni. Hemm wisq kunsiderazzjonijiet teoretiċi u stilistiċi li wieħed għandu jżomm f'moħħħu qabel jibda jittraduċi.
Idealment, traduttur għandu jkollu wkoll in-namra tal-pinna. Nemmen li traduttur veru jrid ikun kittieb. Personalment, dejjem jekk qed nitkellmu fuq traduttur ta’ veru, insibha bi tqila biex nagħmel xi distinzjoni bejn il-kitba u t-traduzzjoni. Jekk tistaqsini nsemmilek xi xempju ta’ traduttur ta’ stoffa, wieħed mill-ewwel tradutturi li jiġu f’moħħi huwa xi Antonio Tabucchi.
8. X’taħseb mill-kliem missellef minn lingwi oħra li jidħol fil-Malti?
Naħseb li dan huwa proċess naturali li ssibu fl-evoluzzjoni ta’ kull lingwa. Kultant niskanta kif f’pajjiżna għad hawn nies li donnhom jitkażaw b’dan il-fenomenu lingwistiku. Hija ħaġa naturali li lingwa tadatta għal żmienha u għal ħtiġijietha, bħal kull ħaġa oħra wara kollox.
Biss, ninnota diversi problemi f’dal-proċess. Waħda minnhom hija li fil-Malti ġieli jidħlu ċerti interferenzi li m’għandniex bżonnhom, l-iżjed fl-użu ta’ kliem li diġà għandna kelma għalihom. Pereżempju, ma nistax naċċetta l-użu ta’ verbi bħal “iwwoċċja” jew “iffolowja” meta diġà għandna “ra” u “segwa.”
M’għandi xejn kontra d-dħul ta’ kliem ġdid, iżda nemmen li dan għandu jsir f’ċertu qafas stabbilit ta’ regoli. U dan fuq kollox għandu jkun kompitu tal-lingwisti, għax hawnhekk qegħdin nitkellmu dwar xjenza teknika. Naf li hawn min ma jaqbilx miegħi, imma qatt ma emmint wisq fl-anarkija lingwistika. F’dan ir-rigward, il-Kunsill tal-Malti qiegħed jagħmel biċċa xogħol tajba, l-iżjed meta jqis il-limitazzjonijiet loġistiċi li jaħdem fihom.
9. Tħoss li t-traduttur għandu responsabbiltà kbira?
Iva, imma sa ċertu punt. It-traduttur għandu r-responsabbiltajiet li semmejt qabel, l-iżjed fil-ħolqien koerenti ta’ termini ġodda. Għandu d-dmir ukoll li jiżgura li minn taħt idejh joħroġ xogħol kemm jista’ jkun tajjeb. Dan jgħodd għal kull forma ta’ traduzzjoni.
Madanakollu, nemmen li l-ikbar responsabbiltà f’das-sens hija f’idejn ix-xandara, għax huma proprju dawn li jinfluwenzaw l-iżjed lill-poplu. U jidhirli li bosta minnhom m’humiex tassew konxji minnha. B’dispjaċir ninnota li l-livell tal-Malti fix-xandir għadu baxx ħafna, u li għad għandna l-attitudini irresponsabbli u perikoluża li “l-aqwa-li-niftehmu.”
10. Kif inhi meqjusa l-lingwa Maltija min-nies ta’ pajjiżi oħra?
Kemm ili hawn, fost il-barranin innotajt kurżità kbira fil-Malti, l-iżjed għax għandek taħlita interessanti bejn elementi Semitiċi, Rumanzi kif ukoll Anglo-Sassoni. Ikolli ngħid li donnu mhux kulħadd jemmen li taħlita bħal din hija fil-fatt possibbli.
Ikolli ngħid ukoll li ċerti barranin qajla jifhmu li l-ilsien Malti m’huwiex daqstant irrispettat mill-Maltin daqs kemm forsi kienu jaħsbu. Ma nlumhomx.
Mużika: Sometimes - My Bloody Valentine

Ħatab: 0
Post a Comment
<< Lura