Friday, June 16, 2006

Tazza tad-Dinja 2006
Right of Reply
Wara ċerti kummenti

Twanny u Arċibald,

Bir-rispett kollu, imma naħseb li m'intom tifhmu xejn, jew ma tridu tifhmu xejn..

Din mhix kwistjoni ta' entużjażmu eċċessiv, imma ta' sapport għall-iskejjel tal-futbol li tkun issegwi. Mhux se nieħu fit-tul, għax għajjien, u llum xbajt nikkustinja fuq ħwejjeġ li għalija huma wisq iżjed minn ovvji. Diġa tlift il-logħba Żvezja - Paragwaj minħabba ċerti mentalitajiet assurdi, u issa m'iniex beħsiebni nitlef xi sagħtejn irqad minħbba dan-nejk. Kemm nagħmel żewġ punti, għax dil-ħaġa nzertat tagħtini f'sormi żżejjed.

Jiena partitarju Ingliż. Meta nifraħ għax jerbħu l-Ingliżi, ma nkunx qiegħed nifraħ b'rix ħaddieħor, imma b'rixi stess, għax jien partitarju tal-futbol Ingliż. Ma ngħidx "rebħu", imma "rbaħna". M'humiex "huma" imma "aħna". Fejn jidħol il-futbol, jien wieħed minnhom. Xejn iżjed, xejn inqas. Iżjed ċar minn hekk ma nistax inkun.

F'dal-blogg issib min jitkaża għax jisma' erba' murtali, imma mbagħad jiktiblek dwar l-Ispanja li għandu "tnemnem" f'qalbu b'ton deċiżivament emozzjonali, kif wara kollox għandu jkun. Jien kultant naħseb li qegħdin nidiskriminaw, u nispera li qiegħed nifhem ħażin, imma tassew ma jidhirlix. Jekk se noqogħdu nfettqu fuq il-korrettezza politika (xi ħaġa li ddejjaqli żobbi), irridu nużaw l-istess riga ma' kulħadd u f'kollox, u mhux fejn jaqbel lilna biss.

Jiena qatt ma mort nispara murtali jew inxejjer bnadar, għax dan narah żejjed, imma meta jerbħu l-Ingliżi nħossni ferħan daqs kull Ingliż ieħor. Għalija jkun rebaħ it-tim tiegħi u mhux ta' ħaddieħor. Nerġa' ntenni, jien partitarju ta' l-Ingliżi sal-bajd, u ili nsegwi l-futbol Ingliż sa minn meta kont nilgħab bid-duda.

Iżda m'iniex 'partitarju' bħall-hooligans li jaħxu l-gost ta' kulħadd bit-tkissir, il-vjolenza u ġieli wkoll bir-razziżmu bla sens. Lanqas bħal dawk il-partitarji Ingliżi Maltin li għadhom jirromantiċċizzaw bil-kolonja u biż-żobb ta' reġina. Jekk niġu f'dan jien nistmerr lill-monarkija Ingliża, u fija għad hemm leħen Mintoffjan jgħajjat li "jew bħalkom jew aqbżulna 'l barra b'kollox għax m'aħniex bżonnkom". U kuntent li ħlisna minnhom, jew aħjar, mill-klassi dominanti tagħhom li għadha sal-lum iddardar l-Alla b'ħafna pretensjonijiet kolonjali skaduti.


Jien parititarju tal-futbol Ingliż, minn dawk li jpaxxu grawnd bis-sapport u l-allegrija, għax iħobbu lit-tim Ingliż u l-futbol Brittaniku. U ta' dan jien kburi, u m'għandi xejn għala nistħi għax meta jerbaħ it-tim tiegħi niċċelebra u nagħmel ħafna frattarija. Jekk niġu f'dan, f'dal-pajjiż hawn ħafna nies li jmisshom jistħu ferm iżjed minni minħabba l-mibgħeda li qegħdin ixxerdu fost nieshom stess, l-iżjed kontra nies oħrajn li lanqas jafuhom minn Adam. U dan mhux qegħdin jagħmluh fil-futbol, imma fi kwistjonijiet ta' ħajja u mewt.

U nispera ma jiġix xi ħadd jgħidli li minħabba hekk m'iniex Malti tassew jew li qiegħed nilgħaq sorm xi ħadd. Min jafni jaf sew kemm inħobb lil Malta u lill-kultura ta' dan il-poplu. M'għandix għalfejn noqgħod inġib ħafna eżempji. Hawn qegħdin nitkellmu fuq il-futbol, u mhux fuq ħwejjeġ oħrajn li jeħtieġu t-tħaddim ta' loġika u ta' attitudni totalment differenti.

Jien paritarju tat-tim Ingliż, li hu t-tim tiegħi, għax anke wara tfuliti ddeċidejt b'mod konxju li se nibqa' nappoġġjah jiġri x'jiġri, bit-tama li xi darba, fl-aħħar, wara das-snin kollha, jerġa' jkun fejn tassew jixraqlu - fil-quċċata!

Mużika: This Time We'll Get It Right - England 1982 Squad