Tazza tad-Dinja 2006
Ingilterra 1 - Paragwaj 0
Erġajna koppi?
U wara serje ta' battibekki ma' dawk li jaħsbu li d-dinja nħolqot biex takkomoda lilhom biss, issa se ndawwar l-attenzjoni tiegħi fuq waħda mill-ossessjonijiet li ilha miegħi sa mit-tfulija: it-tim nazzjonali Ingliż. Kemm waqt il-Kampjonati Ewropej u wisq aktar waqt it-Tazza tad-Dinja, litteralment nitlaq kollox minn idi biex, b'ħafna tensjoni, tipjip la salvaġġa, u bosta pinet birra (biex ma nsemmix id-dagħa), insegwi l-/d-(diż)avventuri kalċistiċi ta' dan it-tim tabilħaqq stramb. Tassew, it-tim nazzjonali Ingliż dejjem kellu stejjer strambi; prestazzjonijiet fqar u miżeri u oħrajn leġġendarji u memorabbli, miżgħudin b'episodji kontroversajlissimi li ħafna drabi jkunu kwistjonijiet ta' xorti, ġieli favur tiegħu iżda wisq iżjed kontra.
M'iniex se nikteb fit-tul, għax inkella ma nispiċċa qatt, u m'għandix aptit niftaħ kotba. Bħalissa diġà saru s-siegħa ta' fil-għodu u għajjien mhux ħażin. Anzi għajjien ħafna. U mhux ta' b'xejn, għax minkejja li kisbu t-tliet punti ferm meħtieġa, il-prestazzjoni tal-plejers Ingliżi kontra l-Paragwaj ma kkonvinċietni xejn. Wara l-partita l-kowċ u l-plejers gergru bis-sħana, waqt li oħrajn qalu li ma ridux jitħabtu żżejjed u ppreferew iżommu l-vantaġġ minimu milli jagħmlu ħafna sforzi żejda. Jekk dawn l-iskużi humiex iġġustifikati wieħed għad irid jara. Biss tajjeb li niftakru li t-tim nazzjonali Ingliż għandu ħabta jibda dawn il-kompetizzjonijiet fuq nota ħażina. F'das-sens, wieħed la għandu jallarma ruħu żżejjed u lanqas jiskanta. Għal min bħali jsegwi l-futbol Ingliż, din suppost hija storja li suppost indrat. Issa naraw biex ħerġin nhar il-Ħamis. Minn hemm inkunu nistgħu nitkellmu aħjar...
Iżda għada fil-għodu nistennew ħafna tlablib bla sens fl-istampa mill-ġurnalisti sportivi Ingliżi, li kif ħafna drabi ġara, aktarx imbagħad ikollhom jibilgħu kollox wara t-tisfira tat-tmiem tat-tieni partita. Forsi jien ottimist jew partiġġjan iżżejjed, imma ma tridx tkun xi Ingliż inkallit bħali biex minn formazzjoni ta' Sven-Goran Eriksson tistenna bil-wisq aħjar. S'issa l-Ingliżi m'urewna kważi xejn: gowl li daħal aktarx bl-intervent ta' Bobby Moore mid-dimensjoni tal-ġenna tal-kalċaturi, ħafna logħob sterili f'nofs il-grawnd li ma jwassal imkien, u apatija offensiva li tassew toffendi.
Biex tgħaxxaqha, kemm l-Iżvezja u kemm Trinidad u Tobago, illum urew logħob ħafna aħjar, speċjalment it-tim ta' l-ewwel. Madankollu, fuq nota pożittiva, id-difiża deheret tassew kompatta, it-tliet punti waslu xorta waħda, iż-żewġ timijiet l-oħrajn baqgħu dro, u minkejja l-apoloġiji u l-iskużi prevedibbli, jidher li fost il-kontinġent Ingliż xorta waħda teżisti kuxjenza li issa hu imperattiv li fil-partiti li jmiss il-logħob jitjieb. Nispera li qiegħed nifhem u nbassar tajjeb. Tafu intom, ili mill-1986 nibda billi nkanta d-This Time, biex imbagħad nispiċċa ngħid Next Time u nkanta s-soltu Back Home.
This time football must really come home... Erħulkom mill-qaħbeċ nejk u qumu minn hemm! Għamluli pjaċir u ferrħuni darba, għax iż-żejjed kollu żejjed, u issa tassew se numbrakhom...
Ħatab: 0
Post a Comment
<< Lura