Thursday, June 08, 2006

Paġni Magħżulin mid-Djarji Ta' Ħalliem #1
Ingliżi: ISTĦU! ISTĦU! ISTĦU!

Is-Sibt, 8 ta' Ġunju, 1996

Illum morna r-Rainbows. Konna jien, Vella, J.P.G. u Jeremy. Tonna u Russell ma ġewx. Kif konna hemm, iddiskutejna xi ħaġa dwar it-tim tagħna. Milli jidher se jkun tim dixxiplinat. Però, jekk mhux se jkun hemm commitment, m'aħna se nagħmlu xejn!


* * * * *

Illum kien hemm l-Ingliżi kontra l-Iżvizzera. Fl-ewwel 20 minuta l-Ingliżi lagħbu logħba tajba ħafna u fit-23 minuta Alan Shearer skorja!! Ħassejtni se ntir bil-ferħ.

Wara l-gowl l-Ingliżi naqqsu ħafna mil-logħob għalkemm sat-tmiem ta' l-ewwel half kienu passabbli.

Fit-tieni half rajna diżastru. Ftit qabel nofs it-tieni half ħarġu Gascoigne, Sheringam u McManaman, u daħlu David Platt, Nick Barmby u Steve Stone!!! Minn hemm 'il quddiem l-Ingliżi ddefendew biss. Naħseb li Venables iġġennen - b'dik il-mossa neħħa l-attakk u l-midfield u farrak lit-tim kollu. Anke Shearer niżel jiddefendi.


Fit-83 minuta ħabat ballun ma' id Stuart Pearce fil-kaxxa l-kbira u r-referee ta penalty favur l-Iżvizzera. U l-Iżvizzeri skorjawh! Wara dan il-gowl l-Ingliżi aktar għażqu u kellhom xorti ma tilfux. Wara l-logħba ħassejtni diżappuntat u rrabjat għall-aħħar. Waqgħu waħda għan-nejk nobis! U dan kollu tort ta' Terry Venables. Dawn iż-żewġ punti li tilfu se jiswewhom ħafna. Bħala prestazzjoni veru brodu. Però xorta waħda fiduċjuż li ngħaddu l-ewwel rawnd.

Diska tal-ġurnata: Black Sabbath - Black Sabbath