Monday, June 12, 2006

Tazza tad-Dinja 2006
Angola - Portugall: 0-1
Bastardi, qħab u servjenti

Tassew logħba interessanti li għal bosta kellha interess mhux biss kalċistiku iżda wkoll mill-iżjed storiku. Ix-xorti riedet li l-Angola, li kienet kolonja Afrikana tal-Portugiżi, tniedi l-ewwel dehra tagħha fit-Tazza tad-Dinja b'partita kontra l-eks-ħakkiema tagħha. L-Angoliżi ħarġu telliefa b'telfa minima, iżda żgur mhux b'rashom baxxuta. Il-Portugall ma setax kellhom bidu aħjar, iżda wara l-furja inizjali battew mhux ftit, u l-Angoliżi bdew bil-mod il-mod deħlin fil-partita, speċjalment fit-tieni taqsima.

L-entużjażmu tal-partitarji Angoliżi wara tmiem il-partita wera ċar kemm dawn kienu kuntenti bid-dehra qalbiena tat-tim tagħhom. Dik l-eforija fakkritni fil-partitarji tat-Trinidad u Tabago li huma wkoll ferħu mhux ftit wara li t-tim tagħhom żamm fi dro lill-ġinġrin ħelwin ta' l-Iżvezja. Jien għoddni ħassni ħażin. Min jaf x'inhu ġej nhar il-Ħamis!



Ngħid is-sew, għal mument immaġinajt lill-Maltin fl-istess sitwazzjoni f'partita kontra t-tim nazzjonali Ingliż. Kważi kważi stajt nisma' lill-partitarji Ingliżi jinfexxu jsejħulna
waiters waqt li aħna ngħajjruhom bastards. Din l-istorja jafha kważi kulħadd. Min għandu interess partikulari f'dik il-ġrajja, jista' jasal wasla sal-bini ta' l-Union Press fil-Marsa, fejn fil-kuridur ta' l-ewwel sular jista' jara mal-ħajt kartellun ġgantesk ta' l-ewwel faċċata tal-ħarġa tal-jum ta' wara tal-ġurnal l-orizzont.

Inzerta li kemm il-prestazzjoni ta' l-Angoliżi u kemm ir-riżultat aħħari tal-partita, kienu bejn wieħed u ieħor l-istess bħal tal-logħba ta' ħbiberija storika li kienet intlagħbet fl-istadjum tal-Gżira. Illum dan sar jixbaħ lit-Teatru Rjali tal-Belt Valletta. Iżda minkejja li dan l-istadjum illum jinsab mitluq, f'dawk l-inħawi llum xorta għadek tara kalċaturi ta' kull età, daqs u nazzjon, u saħansitra ta' kull sess. Dawn issibhom jilgħabu bil-blalen u l-boċċi u jħabbtu mal-lasti bla heda minn fil-għodu sa fil-għaxija. Tassew m'għandhomx kwiet. Spiss nistaqsi lili nnifsi għala l-FA Maltija qatt ma inkludiet fil-kontinġent tagħha wħud minn dawn il-kalċaturi u esperti tekniċi. Minn hawn nagħmel appell lil Dr. Joe Mifsud biex jieħu nota u passi xierqa dwar dan li qiegħed ngħid, forsi ma tafux kif inżidu l-entużjażmu u ntejbu xi ftit il-livell ġenerali tal-futbol Malti.

Lura għal-logħba ta' lbieraħ, nistgħu ngħidu li l-prestazzjoni ta' l-Angola kompliet tikkonferma kemm tassew tjieb il-futbol Afrikan, u wkoll, kemm dawn "il-qatta negri" la huma l-boloh u wisq anqas l-islavaġġ li wħud minn ħutna l-Maltin tant wissewna dwarhom. Lill-avversarji tagħhom l-Angoliżi tawhom battikata mhux ħażin, u forsi ma kienu jkunu serqu xejn kieku rnexxielhom iġibu l-iskors indaqs. Forsi l-Angola m'hux l-aqwa tim Afrikan tal-mument, iżda nħoss li għad nisimgħu iżjed dwarhom.

Kollox ma' kollox it-timijiet Afrikani qegħdin juru logħob ta' livell għoli, speċjalment il-Kosta ta' l-Avorju li forsi kontra l-Arġentini kien ħaqqhom xi ftit aħjar. Ma niskanta xejn jekk f'dan it-turnew għad narawhom javvanzaw u saħansitra jeliminaw timijiet ferm iżjed kwotati, bħal ngħidu aħna, lil dawk li dan l-aħħar sirna nafuhom bħala tal-Juwropids.


F'dan il-kuntest, kurjuż ħafna dwar x'se juruna l-lejla l-Gana kontra t-Taljani. Lil dawn ta' l-aħħar kulħadd jiftakarhom jitħabtu mhux ftit biex għelbu lin-Niġerja waqt l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja li saret fl-Istati Uniti fl-1994. Iżda aktarx li f'dan is-sens, l-iżjed logħba inter-kontinetali memorabbli kienet il-kwarti tal-finali bejn l-Ingilterra u l-Kamerun ta' l-1990, meta għal xi ħin l-Afrikani saħansitra kienu b'gowl minn fuq wara li sa ftit qabel l-iskor kien jaqra 1-0 kontra tagħhom.


Kellhom ikunu żewġ penalties fuq l-istrajker leġġendarju Gary Liniker li, kif kien xieraq, kienu salvaw lill-Ingliżi minn telfa sorprendenti... u lili minn bikja tassew kbira, li iżda mbagħad kelli nibkiha xorta waħda, wara dik il-qaħbeċ lotterija tal-penalties f'dik is-semi-finali memorabbli kontra l-Ġermanja tal-Punent.

Hekk kif qiegħed nikteb din il-bloggata, ħarsti marret fuq id-DVD ta' dik il-logħba, li minkejja li ilni li xtrajtu xi xahar, għad ma sibtx qalb noqgħod nerġa' narah.
Iżda dwar dik il-partita memorabbli, u r-repliki tagħha li segwew waqt partit eliminatorji oħrajn li ġew wara, forsi nikteb iżjed 'il quddiem. Għalissa ma fadalli xejn ħlief nawgurla lil sħabi l-partitarji Taljani "in bocca al lupo, ma attenti al lupo!"