Sitta live - Xi ritratti u poeżiji
Addio O Dio (Nhar l-Għabex ta’ l-Idoli)
Ħa jiddu jixegħlu wċuħna leqqiena
f’tempji tax-xmux u l-istilel dehbiena.
Għax max-xfiq ixxabbatna
fit-tlellix tad-dehen u l-frisk
nilqgħu fostna l-anti-krist
f’nhar il-għabex ta’ l-idoli.
Ħa jiddu jinxtegħlu l-iġsma leqqiena
fl-imqades tax-xmux u l-qmura dehbiena.
Għax fuq it-Tabor tlajna
ġgajta għatxana, ġgajta mxajtna
biex inxerrdu fjuri skuri
quddiem il-qabar t’alla.
Kevin Saliba
Prometju l-Ħali
... u ma flaħtx iktar
interraq madwar
is-soltu nar
li ħsibt
li ksibt
fil-linji rqaq
tat-toroq u sqaqien barranin...
u xufftejn ma’ widnejn
gerrmu kelmtejn:
"Dak hu dak it-tali,
dak hu Prometju l-Ħali;
dak hu dak
li ġie lura
inaqqar il-frak
u jaħbi l-ħmura
mit-tbenġil
tad-daqqiet ta’ skiet."
... u xi ħsibt
li se ssib
met’ erġajt qrib
il-qraba u tfulitek?
L-għadam ta’ ħajtek?
Leħen missierek
isaħħanlek widintek?
Kantuniera
minn fejn tidher farka baħar,
sa biex ninsa,
sa biex niftakar...
u xufftejn ma’ widnejn
igerrmu kelmtejn:
"Dak hu dak it-tali,
dak hu Prometju l-Ħali;
dak hu dak
li jomgħod il-frak
li waqgħu mill-bniedem li kien."
Alex Vella Gera
U niġi nfittxek
Iċċempel. Niġi nfittxek. Malli tiftaħli l-bieb,
nitlef, fil-ġmiel ta' wiċċek, ir-ruħ, il-qlugħ, il-ħsieb.
Nitlaq kollox għalik. It-tfajla tal-ġurnata,
il-wens tas-solitudni, il-vrus li nqaxt fuq blata.
Das-seklu li għadu jibda, miżgħud bl-inbiħ tal-klieb,
iġegħilni nkompli nħabrek kif nista' biex nitjieb,
u għalkemm naf li ma rridx nibni mrammti fuq artek,
niġi għandek bħallikieku se nsib is-skiet f'kamartek.
U nerġa' niġi nfittxek, ħa nkompli nfannad fik,
għax fik niftaħ għeluqi, għax fik nilmaħ għeruqi,
għax kewntek ħalla baħar li tqallibni u li ttuqni,
das-seħer li għandek fuqi bħal imwieled mill-kwiekeb
iżommni fuq saqajja, dil-qalb mikruma għalik
teħtieġek bejn dirgħajja, u hawn, arani, riekeb
xewqa tnemnem fid-demm, għajnejk jimlew kull m'hemm,
did-dgħajsa sejra tegħreq sakemm il-lejl jintemm.
Antoine Cassar
In-nies li ġew wara
nieżla x-xemx sajfija titħaxken ma’ djul iż-żebbuġ
trott ġebli biss jikser il-ħemda ta’ tokki ta’ qanpiena mbiegħda
tal-paternoster
ħmara bil-buli
sabi lewn it-tub fil-benniena ta’ daharha
ġismu qrempuċ
imqajjem għar-ritmu tat-trott u l-ħarex tal-ġilda ta’ taħtu
ma rax il-folla nies tinġema’ fil-qala
sibbien milwija tnejn wara s-sejjieħ
jissajjaw il-ħelu ta’ nisa sbieħ nofshom għarwiena
u togħma ta’ melħ
iħaffru t-toqob fil-ħamrija tqaxqax
u jaħxuhom għattaparsi n-nisa sbieħ ta’ fuq il-blat
la n-nisa
u anqas is-sibbien
ma raw il-folla tinġema’ fil-qala
żengulija origami
issewwed kontra l-qaws tax-xemx fi nżulha
xprunara klandestini
għar-rmonk
għad-diqa ddisprata
għall-għarqa ta’ l-eżilju
għall-minġel u l-martell tal-kattoliċi ferventi
tal-gżira ta’ san pawl
waslu l-qala
fuq skoll ta’ qalb tajba
imma but vojt
qabbdulhom huġġiega ħa jisħnu
u nbeżqet il-lifgħa min-nar
la subien rekbin il-ħmir
la sibbien jitkagħbru wara s-sejjieħ
la nisa lewn il-qamħ
la għajn qatt ma rat
la widna qatt ma semgħet
x’lesta alla għal dawk li vvintawh
Albert Marshall
Jane Marshall (qarrejja)
Mark Vella (qarrej)
Is-sagħtar miet
U s-sagħtar miet,
hekk xtaq,
hekk ried.
Ma riedx li jgħix ġo ġnien.
Ix-xagħri ried,
il-ftuħ ...
... ma riedx ilqugħ.
Qatt ma kidduh:
ir-riħ, ir-raxx tal-baħar,
ix-xita u r-ragħad,
għax kien imqabbad sew,
bl-għeruq fil-blat.
Ikiddu biss l-għeluq.
Ma riedx ...
... ma riedx li jgħix ġo ġnien.
U s-sagħtar miet,
hekk ried.
Stephen Gatt
Via Fori Imperiali, Wara l-Kunċert
Minn tletin metru bogħod,
fondoq ta’ koppji jbusu d-dalma ta’ l-akaċji
li jifridna, fil-belt imqarba
tfarfar l-iscooters minn fuq wiċċha
biex tara aħjar, ħarisna lejn is-skiet ta’ xulxin
u fettlilna niksruh
bl-istess qoffa nifs mimli dħaħen…
Time it was,
and what a time it was, it was:
u anke l-qamar ostra, li jħobb jgħaddi ż-żmien bina
u jilbes ta’ fetu ġdid imgeddes fil-lejl,
illejla neża’ għarwien
u ġera wara d-dalma b’sormu barra,
a time of innocence,
a time of confidences
Aħna għollejna l-pali ta’ jdejna u nħsadna
għax inzertaw l-istess kulur bħal tiegħu
u bħal ta’ ġisem il-fdaljiet mixgħula,
bħal xagħar garfunkel jgħarrex qalb il-folla
ħa jara jsibx il-muża li ħarbitlu.
Long ago it must be, I have a photograph
Ħarisna lejn is-sikta ta’ xulxin
u ndunajna,
mill-kwiet tal-fdaljiet mixgħula warajna
li t-tifkiriet l-aħjar
kif jagħmlu l-kbar
narmuhom qabel l-ewwel kantuniera
mbagħad għada naraw,
mid-dlam taċ-ċimiterji tar-ritratti
jirnexxilniex niskopru l-fjura safra
li xtrajna biex inpaxxu pakistani,
u nbellgħuha ’l xulxin li għad xi darba
infissdu lil xulxin ma’ l-istess diska…
intant dit-triq timtedd, kitarra għajjiena,
u l-qamar sab relikwa fejn jistaħba,
imma dat-tifel fqir li jħobbok
għadu jqalleb
fil-bongs u l-fliexken ħodor għal xi lejla
li tilqgħu bħal daru,
li tmellislu xagħru,
li tiżfen u tkanta l-istess storja bħalu.
Preserve your memories, they’re all that’s left you
Norbert Bugeja
u "Simon & Garfunkel"
sittalive iroddu ħajr speċjali lil Carmen Borg, Claudine Camilleri, Nadja Chetcuti, Raymond Pisani, Ivan Said u lil Monique Troisi.
Jirringrazzjaw ukoll lil kull min attenda għal din l-ewwel lejla ta' qari ta' poeżija Maltija fil-Lussemburgu.
Nispera li nerġgħu niltaqgħu ma ndumux.
Jirringrazzjaw ukoll lil kull min attenda għal din l-ewwel lejla ta' qari ta' poeżija Maltija fil-Lussemburgu.
Nispera li nerġgħu niltaqgħu ma ndumux.
Ħatab: 2
Proset! Xtaqt kont hemm...
U issa... l-Imżebbel u "Ħġejjeġ" l-istess persuna :-o Ma nafx il-għaliex, imma s'issa ma kontx indunajt li dak Kevin mill-Kelmet il-persuna li rajt il-Lussemburgu ;o)
Proset Kev! Tidher li kienet serata mill-isbaħ. Ħasra li ma stajtx nattendi! :)
Post a Comment
<< Lura