Wednesday, November 22, 2006

Il-kalendarju tal-Maya
L-iskeda kożmika tal-ħolqien u tal-Kuxjenza Umana

Ħbieb,

Ili xi ftit taż-żmien ma nibbloggja waħda tajba. Tassew kelli bżonn pawża tajba mill-kitba, jew aħjar mill-bżonn li nesprimi ruħi dwar il-ħwejjeg li spiss nittratta f'dan il-blogg. Minbarra dan, sforz il-bosta riċerki li kont qiegħed nagħmel dan l-aħħar, kelli bżonn nieqaf, indur waħda sew miegħi nnifsi u naħseb. F'dawn l-aħħar ftit ġimgħat, iċ-ċirkostanzi tal-ħajja ppreżentawli bosta ideat u esperjenzi ġodda x'nixtarr u nomgħod, u bħalissa għaddej minn indiġestjoni senswali u intellettwali ddoqq l-iskotti. Għalhekk nemmen li għalissa jkun aħjar li nikkumenta dwar xejn, għax sinċerament, ma nafx sewwasew fejn qiegħed.

Qiegħed nikteb dawn l-erba' linji sempliċiment biex naqsam magħkom taħdita li dan l-aħħar laqtitni ferm. Din it-taħdita, li tistgħu tarawha fiż-żewġ vidjows li jidhru hawn taħt, tittratta l-kalendarju taċ-ċiviltà tal-Maya u dwar dak li niesha kellhom x'jgħidulna dwar il-passat, il-preżent, u l-ġejjieni immedjat tagħna. Transkrizzjoni sħiħa bl-Ingliż tat-taħdita tista' titniżżel minn hawn fil-format pdf.

Ian Xel Lungold
26 ta' Jannnar, 1949 - 16 ta' Novembru, 2005

Jidhirli li huwa importnati li kulħadd ikun konxju mill-ideat li dan ir-riċerkatur, ċertu Ian Xel Lungold, iddedika l-aħħar snin ta' ħajtu biex ixerred. Naħseb li ċerti aspetti ta' din it-taħdita għalikom m'humiex ġodda għalkollox, iżda n-nisġa ta’ l-istampa sħiħa li twaħħad kollox tidhirli tant ‘ġdida’ u tant minnha, li ironikament, forsi lanqas titwemmen. Madankollu, ikun xi jkun il-verdett tagħkom dwar dan it-tagħrif, nemmen li ma tkunux ħlejtu ħinkom. Anzi, ma niskanta xejn jekk tibdew taraw lilkom, lill-istorja, lid-dinja u lill-univers li jħaddanha minn lenti xi ftit jew wisq differenti.

Għalhekk għal darba mhux se neħdilkom ħafna ħin, għax din it-taħdita diġà hija twila biżżejjed... u jekk issegwuha sew, għandkom mnejn tiġu lkoll KONXJI li forsi ħin ma tantx fadlilna aktar...






Il-lejl it-tajjeb.

Mużika: Five Years - David Bowie
(B'dedika lill-istudjużi taċ-ċiviltà tal-Maya Dr. Carl Johan Calleman u Ian Xel Lungold. Jalla r-riċerki u l-messaġġi tagħkom jgħaddu minn għala l-ibgħad widna ta' din il-pjaneta... sa l-ogħla qċaċet tal-kuxjenza umana.).