Tradosofija (2)
X'Nambuha l-filosofija? - Ayn Rand
Il-ħsieb uman bħala l-qofol ta' l-essri

Barra tibda tara veġetazzjoni mhux tas-soltu, u jkun hemm arja biex tieħu nifs; id-dawl tax-xemx ikun iżjed sfajjar milli tiftakru, u iżjed kiesaħ. Idur biex tħares lejn is-sema, iżda tieqaf. Bħal sajjetta fil-bnazzi tħoss sentiment jaqtak minn ġewwa: jekk ma tħarisx, ma jkollokx għala tkun taf li tinsab, aktarx, mili 'l bogħod mid-dinja u li mhux possibbli terġa' lura: sakemm dan ma tkunx tafu, tkun ħieles li temmen li trid - u tħoss speċi ta' tama, imċajpra, pjaċevoli, iżda xi ftit ħatja.
Titfa' ħarstek fuq l-istrumenti tiegħek: dawn jistgħu jkunu bil-ħsara, u sewwasew kemm ma tafx. Iżda tieqaf, mismut minn biża' ta' f'daqqa waħda: kif tista' tafda f'dawn l-istrumenti? Kif tista' tkun ċert li m'humiex se jiżgwidawk? Kif tista' tkun taf jekk dawn jaħdmux f'dinja oħra? U tersaq 'l hemm minn ħdejn l-istrumenti tiegħek.
Issa tibda tistaqsi l-għala ma jkollok aptit tagħmel xejn. Ikun jidher ħafna iżjed sigur tistenna li b'xi mod jinqala' xi ħaġa; ikun aħjar, tgħid bejnek u bejn ruħek, li ma taqlax terremoti. Sew fil-bogħod, tara xi tip ta' ħlejjaq ħajjin ġejjin viċin; ma tkunx taf jekk humiex umani, iżda jimxu fuq żewġ saqajn. Mela dawn, taqgħtaha int, li se jgħidulek x'tagħmel. U ħadd qatt ma jisma' bik iżjed.

Sakemm jilħqu jikbru biżżejjed biex jifhmu dawn il-mistoqsijiet, in-nies jaħsbu li jkun jafuhom t-tweġibiet. Fejn qiegħed? Eżempju, fi New York City. Kif naf? Hu ovvju. X'għandi nagħmel? Hawn, ma jkunux ċerti wisq - iżda t-tweġiba tas-soltu tkun: dak li jagħmel kulħadd. L-unika problema tkun li dawn ma jkunux attivi wisq, lanqas kunfidenti wisq, u lanqas tant kuntenti - u jħossu, ġieli, biża' bla raġuni u ħtija mhux identifikata, li la jkunu jistgħu jispjegawha u lanqas jeħilsu minnha.
Qatt ma jkunu skoprew il-fatt li l-problema tkun ġejjja minn dawn it-tliet mistoqsijiet mhux imweġbin - u li xjenza waħda biss tista' tweġibhom: il-filosofija.
Il-filosofija tistudja in-natura fundamentali ta' l-eżistenza, tal-bniedem, u tar-relazzjoni tal-bniedem ma' l-eżistenza. Bil-kontra tax-xjenzi speċjali, li jittrattaw biss aspetti partikulari, il-filosofija tirrigwarda dawk l-aspetti ta' l-univers li jappartienu lil kull ma jeżisti. Fil-qasam tal-konjizzjoni, ix-xjenzi speċjali huma s-siġar, iżda l-filosofija hija l-ħamrija li tagħmel lill-foresta possibbli.

In-natura ta' l-azzjonijiet tiegħek, kif ukoll ta' l-ambizzjoni tiegħek, se jkunu differenti, dejjem skond liema sett ta' risposti tinzerta taċċetta. Dawn ir-risposti huma il-provinċja tal-metafiżika: l-istudju ta' l-eżistenza fiha nnfisha, jew, kif kien qalha Aristotile, ta' "l-essri qua essri" - il-fergħa l-bażika tal-filosofija.
Tilħaq x'tilħaq bħala konklużjoni, se tkun iffaċċjat bil-ħtieġa li twieġeb mistoqsija korollarja oħra: Kif nafu dan? Ladarba l-bniedem ma jafx kollox u mhux infallibbli: ikollok tiskopri x'tista' tgħodd bħala għarfien, u kif se tipprova l-validità tal-konklużjonijiet tiegħek. Il-bniedem jikseb l-għarfien permezz ta' proċess tar-raġuni, jew b'xi tħabbira ħin bla waqt minn xi setgħa sopranaturali? Hija r-raġuni fakultà li tidentifika u tintegra l-materjal ipprovdut mis-sensi tal-bniedem, jew hija sostnuta minn ideat innati? Ir-raġuni hija kompetenti sabiex tipperċepixxi r-realtà, jew forsi l-bniedem għandu xi fakultà konjittiva oħra li hi aqwa mir-raġuni? Jista' l-bniedem jikseb iċ-ċertezza, jew huwa ddestinat biex ikun f'dubju dejjiemi?
Kemm tkun kunfidenti fik innifsek, u kemm ikollok suċċess, mhux se jkun dejjem l-istess - jiddependi liema sett ta' risposti taċċetta. Dawn it-tweġibiet huma l-provinċja ta' l-epistemoloġija, it-teoriji ta' l-għarfien, li tistudja l-mezzi ta' konjizzjoni tal-bniedem.

Bħalma l-astronawta fl-istorja tiegħi ma kienx jaf x'se jaqbad jagħmel, għax ma riedx ikun jaf fejn jinsab jew kif se jiskopri, hekk intom: ma tistgħux tkunu tafu x'għandkom tagħmlu sakemm ma tkunux tafu n-natura ta' l-univers tagħkom, in-natura tal-mezzi ta' konjizzjoni tagħkom, u n-natura tagħkom stess. Qabel ma tikkonsidra l-etika, l-ewwel trid twieġeb il-mistoqsijiet imressqa mill-metafiżika u mill-epistemoloġija: Il-bniedem huwa essri razzjonali li kapaċi jittratta mar-realtà, jew huwa każ mitluf ta' barrani u għami u - sifja midrus mill-fluss universali? Is-suċċess u t-tgawdija huma possibbli għall-bniedem f'did-dinja, jew huwa ddestinat għall-falliment u l-istmellija?
Dejjem skond it-tweġibiet, int tista' tgħaddi biex tikkunsidra l-mistoqsijiet imressqa mill-etika: X'inhu t-tajjeb u l-ħażen għall-bniedem, u għaliex? Għall-bniedem, l-iktar ħaġa importanti għandha tkun it-tiftixa għall-ferħ, jew il-ħarba mit-tbatija? Bħala l-iskop ta' ħajtu, għandu jżomm ir-realizzazzjoni tiegħu nnifsu, jew il-qirda tiegħu stess? Għandu l-bniedem isegwi l-valuri tiegħu, jew għandu jpoġġi l-interessi ta' l-oħrajn qabel tiegħu stess? Għandu l-bniedem ifittex l-hena jew is-sagrifiċċju tiegħu nnifsu?
M'għandix għalfejn noqgħod insemmi l-konsegwenzi differenti ta' dawn iż-żewġ settijiet ta' tweġibiet. Tistgħu tarawhom kullimkien - ġo fikom u madwarkom.

Il-ħames u l-aħħar fergħa tal-filosofija hija l-estetika: l-istudju ta' l-arti, li huwa msejjes fuq il-metafiżika, fuq l-epistemoloġija u fuq l-etika. L-arti tirrigwarda l-ħtiġijiet, u l-imliegħ mill-ġdid, tal-koxjenza tal-bniedem.
Issa wħud minnkom forsi jgħiduli, kif jagħmlu ħafna nies: "U ejja! Jiena qatt ma naħseb f'termini daqstant astratti. Jiena rrid nikkonċentra fuq problemi reali ta' kuljum, partikulari u konkreti. X'għandi x'nambiha l-filosofija?" Ir-risposta tiegħi hi: sabiex tkun tista' tiffaċċja problemi reali ta' kuljum, partikulari u konkreti, jiġifieri, sabiex ikollok il-ħila tgħix fid-dinja.
Int tista' tgħidli, kif jagħmlu l-biċċa l-kbira, li qatt ma kont influwenzat mill-filosofija. Hemm ikolli nitolbok tivverifika dik l-istqarrija. Qatt ħsibt jew għedt: "Qatt tkun daqstant ċert - ħadd ma jista' jkun ċert fuq xi ħaġa." Dik tkun ħadtha mingħand David Hume (u m'għand ħafna u ħafna oħrajn), anke jekk taf qatt ma tkun smajt bih. Jew: "Din taf tkun tajba fit-teorija, iżda ma taħdimx fil-prattika". Dik tkun ġibtha mingħand Platun. Inkella: "Dak li għamilt veru tan-nejk, imma hi ħaġa umana, ħadd m'huwa perfett f'did-dinja." Dik tkun sraqtha lil Santu Wistin. Jew: "Din taf tkun vera għalik, iżda mhix vera għalija." Tkun ħadtha lil William James. Inkella: "Ma stajtx nagħmel mod ieħor. Ħadd m'għandu kontroll fuq li jagħmel." Dik tkun bramtha lil Hegel. Jew: "Ma nistax nipprovaha, iżda jiena nħoss illi vera." Dika tkun ħadtha m'għand Kant. Inkella: "Din hija loġika, imma l-loġika m'għandha x'taqsam xejn mar-realtà." M'għand Kant ukoll. Jew: "Hija ħażina, għax hi egoista." Erġajt, m'għand Kant. Ġieli qatt smajtu lill-attivisti ta' llum jgħidu: "Aġixxi l-ewwel, aħseb wara"? Dawk ħaduha lil John Dewey.

Issa staqsu lilkom infuskom: jekk m'intomx interessati f'ideat astratti, għala int, u l-bnedmin kollha, tħossukom kostretti li tużawhom? Il-biċċa hi li l-ideat astratti huma integrazzjonijiet konċettwali li jinkorporaw numru infinit ta' ħwejjeġ konkreti, u li, mingħajr ideat astratti ma tkunx tista' tiffaċċja l-problemi reali, ta' kuljum, partikulari u konkreti. Tkun fil-qagħda ta' tarbija għadha titwieled, li għaliha kull oġġett huwa fenomenu bla preċedent u uniku. Id-differenza bejn l-istat mentali tagħha u tiegħek tkun fin-numru ta' integrazzjonijiet kunċettwali li moħħok ikun ħadem.
Dwar il-bżonn li tintegra l-osservazzjonijiet, l-esperjenzi u l-għarfien tiegħek f'ideat astratti, jiġifieri, fi prinċipji, m'għandekx għażla. L-unika għażla li għandek hi jekk dawn il-prinċipji humiex veri jew foloz, jekk jirrappreżentawx il-konvinzjoni konxja u razzjonali tiegħek, jew jekk humiex xi kawlata ta' ideat maħtufin bl-addoċċ, u li s-sorsi, il-validità, il-kuntest u l-konsegwenzi tagħhom ma tafhomx. U li kieku kont tafhom, aktarx kont titlaqhom tiġri, bħal meta jkollok xi patata taħraq f'idek.

Tgħiduli, kif jagħmlu ħafna, li mhux dejjem faċli li taġixxi fuq prinċipji astratti. Le, mhux faċli. Iżda kemm hu iżjed diffiċli li jkollok taġixxi fuqhom bla ma taf x'inhuma?
Is-subkonxju tiegħek hu bħal kompjuter, iżda ferm iżjed kumpless minn kwalunkwe kompjuter li jista' jibni l-bniedem, u l-funzjoni ewlenija tiegħu hija l-integrazzjoni ta' l-ideat tiegħek. Min jipprogrammah? Il-moħħ konxju tiegħek. Jekk teħel, u jekk ma tilħaq l-ebda konvinzjoni soda, is-subkonxju tiegħek ikun ipprogrammat ta' ħorrox borrox, u tintreħa f'idejn il-qawwa ta' ideat li lanqas taf li blajt. Iżda mod jew ieħor, il-kompjuter tiegħek jagħtik karti stampati, kuljum f'kull siegħa, fil-forma ta' emozzjonijiet, li huma stimi ta' malajr ta' kull ma hemm madwarek, maħdumin skond il-valuri tiegħek. Jekk ipprogrammajt il-kompjuter tiegħek permezz tal-ħsieb konxju, tkun taf in-natura tal-valuri u l-emozzjonijiet tiegħek. Jekk le, ma tkunx tafhom.
Ħafna, l-iżjed illum, jgħidu li l-bniedem ma jistax jgħix bil-loġika biss, li fin-natura tiegħu hemm element emozzjonali x'tikkunsidra, u li huma jafdaw fuq il-gwida ta' l-emozzjonijiet tagħhom. Ħeqq, hekk għamel l-astronawta fl-istorja tiegħi. Iċ-ċajta waqgħet fuqu, u fuqkom. Il-valuri u l-emozzjonijiet tal-bniedem huma determinati mill-viżjoni fundamentali tiegħu tal-ħajja. Il-programmatur aħħari tas-subkonxju tiegħu hija l-filosofija - dik ix-xjenza li, skond l-emozzjonisti, hija impotenti biex taffettwa jew tippenetra l-misteri mudlama ta' l-emozzjonijiet tagħhom.

Bniedem li jimxi bl-emozzjonijiet biss huwa bħal xi ħadd immexxi minn kompjuter li ma jistax jaqra l-karti stampati li joħroġlu. Ma jafx jekk l-ipprogrammar tiegħu hux veru jew falz, hux tajjeb jew ħażin, jekk hux issettjat biex iwasslu għas-suċċess jew għall-qirda, jew jekk jaqdix l-għanijiet tiegħu jew inkella ta' xi setgħa ħażina li ma jistax isir jafha. Ikun għami f'żewġ sensi tal-kelma: għami għad-dinja ta' madwaru u għad-dinja ta' ġo fih stess, bla ħila li jifhem xi ftit ir-realtà jew il-mottivi tiegħu stess. U jkun fit-terrur kroniku tat-tnejn. L-emozzjonijiet m'humiex l-għodod tal-konjizzjoni. Il-bnedmin li m'humiex interessati fil-filosofija huma l-iżjed li jeħtiġuha b'mod urġenti, għax huma dawk l-iżjed vulnerabbli għall-qawwa tagħha.
Il-bnedmin li m'humiex interessati fil-filosofija jassorbu l-prinċipji tagħha mill-atmosfera kulturali ta' madwarhom: mill-iskejjel, mill-kulleġġi, mill-kotba, mir-rivisti, mill-ġurnali, mill-films, mit-televiżjoni, eċċ. Min jintotah it-ton ta' kultura? Xi erba' min-nies: il-filosofi. Oħrajn isegwu r-rotta tagħhom, jew b'konvinzjoni, jew għax hekk. Għal xi mitejn sena, minħabba l-influwenza ta' Immanuel Kant, ix-xejra dominanti tal-filosofija kellha l-mira lejn għan wieħed biss: il-qirda tal-moħħ tal-bniedem, tal-kunfidenza tiegħu fil-qawwa tar-raġuni. Illum qegħdin naraw il-quċċata ta' din ix-xejra.
Meta l-bnedmin jabbandunaw ir-raġuni, jintebħu li mhux biss l-emozzjonijiet tagħhom ma jistgħux jiggwidawhom, iżda wkoll li ma jistgħu jħossu l-ebda emozzjoni ħlief waħda: it-terrur. Il-firxa tal-vizzju tad-droga fost iż-żagħżagħ imrobbijin bil-modi intelletwali ta' llum, juri l-istat intern insopportabbli ta' bnedmin imċaħħdin mill-mezzi ta' konjizzjoni tagħhom, u li jfittxu li jaħarbu mir-realtà, mit-terrur ta' l-impotenza tagħhom li jittrattaw ma' l-eżistenza. Araw din il-biża' mill-indipendenza li għandhom iż-żgħażagħ, u dik ix-xewqa frenetika li "jappartienu", li jissiebħu ma' xi grupp, klikka jew qatgħa. Il-biċċa l-kbira minnhom qatt ma semgħu bil-filosofija, iżda jħossu li jeħtieġu xi risposti fundamentali għall-mistoqsijiet li ma jazzardawx jistaqsu. U jittamaw li t-tribù se tgħidilhom kif jgħixu. Ikunu lesti jinġarru minn kwalunkwe saħħar, guru, jew dittatur. Waħda mill-iżjed ħwejjeġ perikolużi li jista' jagħmel bniedem hi li jċedi l-awtonomija morali tiegħu lill-oħrajn: bħall-astronawta fl-istorja tiegħi: ma jafx jekk il-ħlejjaq li qed jara humiex umani, avolja jimxu fuq żewġ saqajn.

Mhux il-filosofiji kollha huma ħżiena, għalkemm ħafna minnhom huma, l-iżjed dawk ta' l-istorja moderna. Mill-banda l-oħra, fir-radiċi ta' kull trijonf iċċivilizzat - bħax-xjenza, it-teknoloġija, il-progress, il-libertà - fl-għeruq ta' kwalunkwe valur li ngawdu llum, inkluż it-twelid ta' dan il-pajjiż, għandek issib il-kisbiet ta' raġel wieħed, li għex iżjed minn elfejn sena ilu: Aristotile.
Jekk ma tħossu xejn ħlief dwejjaq meta taqraw dawk it-teoriji tista' tgħid bla sens ta' xi filosfi, nikkumpatikom. Iżda jekk twarrbuhom fil-ġenb, u tgħidu: "Għala għandi għalfejn nistudja dawk il-ħmerijiet meta naf li ma jagħmlux sens?" - tiżgarraw. Dawk huma ħmerijiet, iżda int dan ma tafux; qatt sakemm tibqa' taċċetta l-konklużjonijiet kollha tagħhom u dawk id-daqsxejn ta' frażijiet vizzjużi ġġenerati minn dawn il-filosfi. U lanqas sakemm ma tkunx kapaċi tikkonfutihom.
Dawk il-ħmerijiet jittrattaw ma' l-iżjed kwistjonijiet kruċjali ta' ħajja u mewt ta' l-eżistenza tal-bniedem. Fil-qofol ta' kull teorija filosofika sinifikanti hemm kwistjoni leġittima, fis-sens li jkun hemm ħtieġa ġenwina tal-koxjenza tal-bniedem, li xi teoriji jipprovaw jikkjarifikawha u oħrajn jittantaw joskurawha u jikkorrompuha, sabiex jimpedixxu lill-bniedem milli xi darba jiskopri. Il-battalja tal-filosfi hija l-battalja għall-moħħ tal-bniedem. Jekk inti ma tifhimx it-teoriji tagħhom, mela inti vulnerabbli għall-agħar uħud fosthom.

Xejn ma jingħata lil bniedem awtomatikament, la l-għarfien, la l-kunfidenza fih innifsu, lanqas il-mod kif juża moħħu. Kull valur li jeħtieġ jew irid irid ikun skopert, mitgħallem u miksub, anke l-qagħda suret in-nies ta' ġismu. F'dan ir-rigward, irrid ngħid li minn dejjem ammirajt il-qagħda tal-gradwati mill-West Point - qagħda li tipprojetta lill-bniedem f'kontroll kburi u dixxiplinat fuq ġismu. Iva, it-taħriġ filosofiku jagħti lill-bniedem dik il-qagħda intellettwali t-tajba - kontroll kburi u dixxiplinat fuq moħħu. [...]
Ayn Rand
(Parti minn diskors magħmul minn Ayn Rand lill-Klassi tal-Gradwati ta' l-Akkademja Militari ta' l-Istati Uniti, f'West Point, New York, nhar is-6 ta' Marzu, 1974).
Mużika: 2112 - Rush
(Jgħidu x'jgħidu, is-Sinjura Ayn Rand, bl-Oġġettiviżmu kollu tagħha, aktarx qatt m'hija se ssib postha fil-Panteon tal-Filosofi tiegħi. Għal dan hemm ħafna raġunijiet, iżda forsi mhux lok noqgħod infettaq fihom hawn, l-iżjed meta tqis l-iskop ewlieni ta' din is-sensiela.
Biżżejjed ngħid li l-attakki spissi tagħha fuq Immanuel Kant u Karl Marx jidhruli assurdi, biex ma nsemmix ukoll l-affinità romantika żejda li kellha ma' l-Istati Uniti u l-kapitaliżmu tal-marka laissez-faire. Barra dan, il-fehim tagħha ta' l-epistemoloġija ħafna drabi jidhirli wkoll pjuttost fjakk, fil-waqt li ħafna drabi t-teżijiet tagħha narahom neqsin mill-profondità, u agħar minn hekk, spiss wkoll mis-sinċerità. Forsi kien ikun aħjar għaliha li kkonċentrat biss fuq il-kitba ta' l-istejjer, għax minn daqshekk għandha stejjer tassew sbieħ u ħelwin. :)
Biex inkun għedt kollox, dawn is-soltu ksuħat tiegħi ma jnaqqsu xejn mis-siwi ta' l-appell tagħha għal tħaddim xieraq tal-falkultà tar-raġuni, u wisq anqas mill-enfasi tagħha fuq il-ħtieġa ta' l-għarfien tajjeb tal-filosofija. Kien proprju għalhekk li għal din id-darba għażilt li nittraduċi dan id-diskors. Iżda mill-banda l-oħra, dan kollu nistgħu nsibuh iswed fuq l-abjad fil-kitbiet tal-ħassieba l-oħrajn kollha, u allura sinjuri segwaċi ta' Rand: tantx taraw kbir u tagħmlu għaġeb, m'hemm xejn tant oriġinali f'did-difiża elokwenti tal-valur tal-ħsieb uman.
Iżda minkejja li ftit li xejn nara għajn m'għajn ma' Ayn Rand, xorta waħda għażilt li nittraduċi parti twila mhux ħażin minn dan id-iskors taghħa. Qabelxejn, għax xorta waħda nammiraha bħala persuna, l-iżjed għat-temperament u l-qawwa interjuri tal-personalità tagħha, u t-tieni, biex issa ħadd ma jiġi joqgħod jgħidli li f'dawn l-affarijiet jien dejjem kontra n-nisa...)
Ħatab: 0
Post a Comment
<< Lura