Saturday, June 24, 2006

Paġni Magħżulin mid-Djarji Ta' Ħalliem #6
Din id-darba, għalina!

It-Tnejn, 24 ta' Ġunju, 1996

Fil-għodu mort sal-każin. Wara smajt 'Analiżi Euro'96' ta' Radju Malta 2.

Wara erġajt rajt il-logħba ta' l-Ingliżi. Wara li erġajt rajtha rrealizzajt li l-Ingliżi ma lagħbux ħażin. Kien hemm xi nuqqasijiet imma ma kellhomx prestazzjoni ħażina. Aktar dejjquni l-partitarji Ingliżi li bdew jibbuwjaw waqt l-innu Spanjol u waqt li l-Ispanjoli bdew jagħtu l-penalties. Veru qżież. Kultant lil dawn is-supporters Ingliżi ma nifhimhomx.

Fil-għaxija mort sal-każin u wara l-Mużew. S'issa ħadd m'hu qalbu maqtugħa li nhar l-Erbgħa l-Ingliżi jerbħu kontra l-Ġermanja. J'Alla jkun hekk għax ili sitt snin ma nifraħ bl-Ingliżi.


Il-bieraħ il-Bużu ġie mill-Awstralja. Kien ilu li telaq. Milli jidher ħa gost.

Illum il-Bamboċċu u t-Tuneżin tgħidx kemm tnejku b'Vella. U sewwa għamlu għax ma jgħidx waħda sew. Vera maħruq għax inqlgħu t-Taljani u għax aħna bqajna telgħin. Jekk nerbħuha nġennu.

Klinsmann mhux se jilgħab nhar l-Erbgħa kontra l-Ingliżi għax weġġa' sew. Jidher li kollox ġew favurina.

Diska tal-Ġurnata: England We'll Fly The Flag - - England World Cup Squad 1982