Taħt dik is-Siġra tat-Tin
Apoloġija lit-Tfajjel Ħalliem mill-Imżebbel
...għax hekk hi l-ħajja... lanċa ġejja u oħra sejra...
Dejjem kien faċli li nippuntifika dwar il-proċess tal-bidla li jinsab f'kollox. Hekk kien iħambaq Eraklitu... u ġieli, fl-eqqel tal-ħolm tiegħi nistħajjilni xi guru Tibetan b'daqna sa l-art, nippriedka dwar il-bluha u l-frugħa taċ-ċwieċ li jorbtu qalbhom man-nies, jew agħar, mal-ħwejjeġ tad-dinja. Għax naf sewwa: kollox jgħaddi, u kollox jinbidel. Is-sema u l-art jgħaddu, imma l-bidla... qatt.
U hekk hu. Tassew ma tridx tieħu għaliha lil dil-Puturjal ta' ħajja. Trid tkun veru tromba biex waqt tempesta qalila tmur tittanta tiggranfa mal-mewġ għaddej. Il-baħar trid tħallih iħabbat, u int oqgħodlu hemm, gallerija. Imma jien stinat u rasi iebsa. Minn xi daqqiet anke iżjed mill-baħar. Forsi stramba, imma llum fhimt li l-veru fadalli x'naqdef biex xi darba nifhem li m'għandi qatt naqdef iżjed. Forsi veru, il-lezzjoni dwar il-verità nobbli tal-bidla-bla-heda-ma-taqta'-xejn naf nartikolahielek sewwa. U nipperswadik. M'għandekx għax taħseb. Mhux għax jien xi Perikle tal-gżejjer ta' Malta, imma għax kif jgħidu, ir-raġuni ma tridx forza. Din hija ħaġa minn ewl id-dinja. Hija l-iżjed ħaġa sempliċi. Jekk ma tafx din il-veru ma taf xejn. Tant hu hekk li din issibha wkoll fl-ewwel paragrafu ta' l-ewwel paġna ta' The Complete Idiot's Guide To Enlightenment.
U kultant ngħid li veru għadni ma naf xejn, għax meta nkun waħdi, l-iżjed waqt dawk il-qaħbeċ sigħat tas-Sibt fil-għaxija, dil-biċċa donni ma nkun irrid nifhimha b'xejn. Kultant lanqas biss nasal nifhem li d-dwejjaq u l-ferħ tiegħi m'humiex proprju jiena, jiġifieri: li s-sentimenti tiegħi huma ħaġa, iżda dik ix-xiħaġa astratta li nsejħilha "jiena" hija ħaġ'oħra. Ikun sewwasew f'dawn il-mumenti li jagħtina li nitlaq niġri 'l barra, biex l-ewwel proxxmu li nara mmur ngħidlu: "It's high time. Please wake me."
Żgur mhux forsi: li kelli mmur nintefa' taħt xi siġra tat-tin - is-Siġra ta' l-Għerf Perfett - nistħajjel li x-xitan ma jaħmilx u t-tin jaqa' kollu dritt għal fuq rasi.
Għax ma tistax tqiegħed idek fuq il-moħriet u tħares lura. Hekk jgħidu li kien qal l-ieħor. U mhux lakemm tniżżila din, l-iżjed meta tkun imlejt rasek li int xi ħadd jew li sirt xi ħaġa. Mhux ta' b'xejn il-leġġenda tkompli li fl-aħħar qabbiżhielhom ta' veru u baqgħu baqgħu sakemm naxruh...
Għax faċli tilgħabha ta' l-għaref. Iżda hija iebsa li tassew tifhem.
* * * * * * * *
Qarrej ta' dan il-blogg m'ilux kitibli jilmenta li l-blogg Ħġejjeġ m'għadux li kien: sar ġjuboks u vetrina, kollu diski, ritratti u muttetti. U veru, għax f'dawn l-aħħar xhur donni tlift is-sengħa tal-kelma. Tlift ukoll il-paċenzja li nirrakkonta. Jew forsi l-paċenzja tilfet lili. Ma nafx...
Iżda fuq nota tajba ma tliftx l-avventura; dik ix-xiħaġa ttektek fik illi turik li għadek tgħix. U jkolli ngħid li għext mhux ħażin, għax ma nafx fejn ma kontx. Imma s-sabar li noqgħod nikteb dwar ħajti naħseb tliftu, bħalma kien ġrali għaxar snin ilu meta kont waqaft inżomm dak l-imbierek djarju. Illum, uħud mill-karratri tfulin li jikteb dwarhom it-tfajjel Glenn fid-Djarju tal-Ħalliem huma kemmxejn imgħaddbin, għax bħal Pirandello, l-awtur tagħhom għoġbu jaqtgħalhom fil-qasir. Wara ftit snin xeba' minnhom u qeridhom, u mbagħad qabad jiffissa fuq Karl Marx u mar mela rasu b'dawk tal-Lejber. U addijo djarju...
Forsi għandhom ftit raġun. Anke jien, illum il-ġurnata, meta nħares lura ngħid illi bħas-soltu għamilt ġennata tinkiteb, u forsi għalhekk qiegħed nikteb fuqha llum. U naqta' rasi li għaxar snin oħra, se nkun qed naħseb l-istess preċiż dwar dak illi (m'iniex qed) nagħmel illum. Imma forsi aħjar hekk milli agħar. Aħjar ufff mill aħħħ, għax il-passatemp tar-rakkont iġiblek ħafna nostalġiji, u n-nostalġija m'hi xejn ħlief sinjal ċar ta' attakkament. U jekk xi darba għad veru jfettilli mmur inpoġġi, kollni pompi, taħt xi siġra tat-tin, irrid inqis li d-djarji nħallihom kollha d-dar, fil-kexxun ta' l-imbarazz. Inkella nissogra xi kisja tin, u mhux lant xbin.
Dawn ir-riflessjonijiet qed ifakkruni f'silta mit-traduzzjoni tiegħi tar-rumanz In-Nawżja ta' Jean-Paul Sartre, biċċa xogħol li aktarx fil-mument tirrappreżenta l-uniku rapport serju u intimu li għad fadalli mal-kitba:
“Li kont qiegħed naħseb huwa dan: biex l-iżjed avveniment fieragħ isir avventura, kull m’hemm bżonn, u kulma jeħtieġ, huwa li wieħed jaqbad jirrakkontah. Dan hu li jingannahom lin-nies: raġel huwa dejjem narratur ta’ l-istejjer, jgħix imdawwar bl-istejjer tiegħu u bl-istejjer ta’ l-oħrajn, fihom jara kull ħaġa li tiġrilu; u jipprova jgħix ħajtu bħallikieku qiegħed jirrakkontaha.
Iżda wieħed irid jagħżel: jew jgħix jew jirrakkonta.”
Forsi veru, hekk hu. Ħajtek jew tgħixha jew tiktibha, jew aħjar, jew tgħixha jew tibbloggjaha. Terġa', taħt is-siġar tat-tin la jista' jkollok plakki tad-dawl u wisq anqas aċċess għall-internet.
No laptops please.
U mn'alla. Għax hemmhekk, jeħtieġ li jkun hemm biss wieħed Imżebbel, li jkun tassew ħeles min-Nawżja, għaliex fl-aħħar ikun tabilħaqq intebaħ u stembaħ... mill-ħolma tfulija tat-Tfajjel Ħalliem.
Mużika: Cymbaline - Pink Floyd
(It's high time... please wake me...)

Ħatab: 1
Rendikont interessanti.
1) l-ewwel tgħix, imbagħad tikteb
2) tgħix biss, u qatt ma tikteb
(a) ghax m'ghandekx bzonn tikteb
(b) ghax ma tridx jew ma tafx
3) tgħix u tikteb fl-istess ħin
it-tlieta li huma validi naħseb jien. jiddipendi xi tkun qed taghmel. imma huwa minnu li xi ġrajjiet idumu s-snin jingabru fil-memorja tieghek qabel ma jkunu jistghu jinkitbu u jghixu mill-ġdid
Post a Comment
<< Lura